EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1278

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1278 tal-14 ta' Lulju 2017 li japprova t-2-metilisotijażol-3(2H)-on bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 11 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/4927

ĠU L 184, 15.7.2017, p. 30–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1278/oj

15.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/30


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1278

tal-14 ta' Lulju 2017

li japprova t-2-metilisotijażol-3(2H)-on bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 11

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu evalwati bil-ħsieb li possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi t-2-metilisotijażol-3(2H)-on.

(2)

It-2-metilisotijażol-3 (2H)-on ġiet evalwata għall-użu fil-prodotti tat-tip ta' prodott 11, preservattivi għal sistemi tat-tkessiħ u tal-ipproċessar tal-likwidi, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Is-Slovenja nħatret bħala l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u ppreżentat ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tagħha fis-7 ta' April 2016.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1062/2014, l-opinjoni tal-Aġenżija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ġiet fformulata fil-15 ta' Diċembru 2016 mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali, b'kont meħud tal-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(5)

Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 11 li fihom it-2-metilisotijażol-3(2H)-on jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, dment li jiġu ssodisfati ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom.

(6)

Għalhekk, jixraq li t-2-metilisotijażol-3(2H)-on tiġi approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 11, soġġett għall-konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.

(7)

Billi t-2-metilisotijażol-3(2H)-on tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sensitizzatur tal-ġilda tas-subkategorija 1A kif speċifikat fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-oġġetti ttrattati bit-2-metilisotijażol-3(2H)-on jew li jinkorporaw it-2-metilisotijażol-3(2H)-on, jenħtieġ li jiġu ttikkettati kif xieraq meta jitqiegħdu fis-suq.

(8)

Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu ta' żmien raġonevoli qabel sustanza attiva tiġi approvata, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri preparatorji meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-2-metilisotijażol-3(2H)-on hija approvata bħala sustanza attiva fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 11, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta' Awwissu 2014 dwar il-programm ta' ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).


ANNESS

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta' Identifikazzjoni

Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva (1)

Data tal-approvazzjoni

Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni

Tip ta' prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi

2-metilisotijażol-3(2H)-on

Isem tal-IUPAC:

2-metilisotijażol-3(2H)-on

Nru tal-KE: 220-239-6

Nru tal-CAS: 2682-20-4

950 g/kg

l-1 ta' Jannar 2019

il-31 ta' Diċembru 2028

11

L-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)

Fil-valutazzjoni tal-prodott għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbuta ma' kull użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li mhuwiex indirizzat fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni tas-sustanza attiva.

2)

Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-użi vvalutati, il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari:

a)

lill-utenti professjonali u lill-utenti industrijali;

b)

lill-ħamrija u lill-ilma tal-wiċċ għal prodotti użati f'sistemi tat-tkessiħ riċirkolanti, kbar u żgħar, u miftuħin b'emissjoni diretta lejn l-ilma tal-wiċċ.

It-tqegħid fis-suq ta' oġġetti ttrattati huwa soġġett għall-kundizzjoni li ġejja:

Il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta' oġġett ittrattat bit-2-metilisotijażol-3(2H)-on, jew li jinkorpora t-2-metilisotijażol-3(2H)-on, għandha tiżgura li t-tikketta ta' dak l-oġġett ittrattat tagħti l-informazzjoni mniżżla fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.


(1)  Il-purità indikata f'din il-kolonna kienet il-grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott imqiegħed fis-suq jista' jkollha l-istess purità jew purità differenti jekk ikun intwera li teknikament din tkun ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.


Top