EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1269

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1269 tat-13 ta' Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/949 f'dak li għandu x'jaqsam mal-irtirar ta' karawett mill-Istati Uniti tal-Amerka mil-lista ta' kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni approvati fir-rigward tal-aflatossini (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/4842

ĠU L 183, 14.7.2017, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1269/oj

14.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1269

tat-13 ta' Lulju 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/949 f'dak li għandu x'jaqsam mal-irtirar ta' karawett mill-Istati Uniti tal-Amerka mil-lista ta' kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni approvati fir-rigward tal-aflatossini

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/949 (2) japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa fuq ċertu ikel minn ċerti pajjiżi terzi għall-preżenza ta' ċerti mikotossini

(2)

L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li jistgħu jiġu approvati kontrolli speċifiċi ta' qabel l-esportazzjoni, imwettqa minn pajjiż terz fuq l-ikel u l-għalf immedjatament qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi vverifikat li l-prodotti esportati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni. Din l-approvazzjoni tista' tingħata biss lil pajjiż terz jekk verifika tal-Unjoni Ewropea tkun uriet li l-ikel jew l-għalf esportat lejn l-Unjoni Ewropea jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Unjoni jew rekwiżiti ekwivalenti u li l-kontrolli mwettqa fil-pajjiż terz qabel il-bgħit jitqiesu effettivi u effiċjenti biżżejjed biex jissostitwixxu jew inaqqsu l-kontrolli tad-dokumenti, tal-identità u dawk fiżiċi stipulati fil-liġi tal-UE. Tali approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) fuq l-aflatossini fil-karawett ingħatat mill-UE fl-2008.

(3)

Sa minn nofs l-2016 ġiet osservata żieda fin-nuqqas ta' konformità fir-rigward tal-preżenza tal-aflatossini fil-karawett mill-Istati Uniti. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti ġew infurmati b'dan u saru impenji biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. Madankollu wieħed jista' josserva li s-sitwazzjoni ma tjibitx.

(4)

Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni ma għadhomx qed jiġu sodisfatti u għalhekk jixraq li l-karawett li jiġi mill-Istati Uniti jitneħħa mil-lista tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni approvati. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 jeħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/949 tad-19 ta' Ġunju 2015 li japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa fuq ċertu ikel minn ċerti pajjiżi terzi għall-preżenza ta' ċerti mikotossini (ĠU L 156, 20.6.2015, p. 2).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 titħassar l-entrata li ġejja:

Oġġett tal-ikel

Kodiċi NM

TARIC Subdiviżjoni

Pajjiż ta' oriġini

Mikotossina

Il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi (%) waqt l-importazzjoni

“—

Karawett fil-qoxra

1202 41 00

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

Aflatossini

< 1”

Karawett, imqaxxar

1202 42 00

Karawett, ippreparat jew ippreservat mod ieħor

2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98


Top