Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1221

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1221 tat-22 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet evaporattivi (it-test tat-Tip 4) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/4196

    ĠU L 174, 7.7.2017, p. 3–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32017R1151

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1221/oj

    7.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 174/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1221

    tat-22 ta' Ġunju 2017

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet evaporattivi (it-test tat-Tip 4)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 jirrikjedi li l-vetturi light-duty il-ġodda jikkonformaw ma' ċerti limiti ta' emissjonijiet, inklużi l-emissjonijiet evaporattivi. Id-dispożizzjonijiet tekniċi speċifiċi li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament ġew adottati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (2).

    (2)

    F'Marzu tal-2011, il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta' ħidma li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha għar-rieżami tal-metodoloġija eżistenti għall-kejl tal-emissjonijiet evaporattivi u għall-iżvilupp ta' metodoloġija ġdida, li tindirizza b'mod prinċipali l-kwistjonijiet tat-tindif, l-effett tal-etanol fuq il-kapaċità tal-ħidma tal-kaxxetta, id-durabbiltà, il-permeazzjoni tal-fjuwil u l-emissjonijiet tal-alimentazzjoni mill-ġdid.

    (3)

    Il-grupp ta' ħidma bbaża l-ħidma tiegħu fuq bosta elementi li jinsabu f'żewġ rapporti ppubblikati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni bit-titli “Estimating the Costs and Benefits of Introducing a new European Evaporative Emissions Test Procedure” u “Review of the European Test Procedure for Evaporative Emissions: Main Issues and Proposed Solutions”.

    (4)

    L-analiżi tal-grupp ta' ħidma identifikat għadd ta' nuqqasijiet li jimminaw l-effikaċja tal-kontroll tal-emissjonijiet evaporattivi u jeħtieġ li jiġu rrimedjati sabiex jiġi żgurat livell sodisfaċenti ta' ħarsien tal-ambjent. Għalhekk, jixraq li jiġu introdotti żewġ proċeduri ġodda għat-tiqdim tal-kaxxetta tal-karbonju u għad-definizzjoni ta' permeabbiltà tas-sistema tal-fjuwil fil-proċedura eżistenti tal-approvazzjoni tat-tip.

    (5)

    Iż-żieda tal-etanol fil-fjuwils Ewropej tal-petrol, speċjalment meta jitqiegħed f'tank bil-petrol fih (splash-blended), ikollha effett fuq il-pressjoni tal-fwar tal-fjuwil. Għalhekk, il-fjuwil ta' referenza E10 għandu jintuża fl-ittestjar sabiex jirrifletti aħjar il-fjuwil li jintuża attwalment fl-Unjoni.

    (6)

    Fl-Unjoni għadhom qed jinbiegħu tankijiet tal-plastik b'saff wieħed u huwa mistenni li se jkunu parti sinifikanti mill-flotta Ewropea sal-2030. Madankollu, dawn it-tankijiet huma permeabbli għall-etanol, li għaldaqstant jiġi rrilaxxat fl-ambjent. B'hekk, jeħtieġ li jkun hemm proċedura apposta biex titkejjel il-permeazzjoni tal-etanol u sabiex jitqies dan l-effett.

    (7)

    Fi studji mwettqa mill-Amministrazzjoni tat-Toroq tal-Iżvezja u mit-TUV Nord intwera wkoll li ż-żieda tal-etanol taffettwa d-durabbiltà tal-kaxxetti tal-karbonju. Għal din ir-raġuni, għandha tiżdied proċedura ġdida għat-tiqdim tal-kaxxetta. Il-kaxxetta mqaddma għandha tintuża fil-vettura ttestjata matul it-test tal-SHED.

    (8)

    L-istrateġiji attwali tat-tindif li jintużaw fil-vetturi fl-Unjoni mhumiex adegwati, speċjalment għas-sewqan urban u għaldaqstant jistgħu jwasslu għal żieda fl-emissjonijiet li jiġu rrilaxxati. Għalhekk, it-test fit-triq qabel it-test tal-SHED ġie rieżaminat u t-tul ta' żmien tat-test binhar għandu jiżdied għal 48 siegħa.

    (9)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku — Vetturi bil-Mutur.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi tar-Regolament (KE) Nru 692/2008

    Ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti 45 sa 48 li ġejjin:

    “45.

    “Sistema ta' Ħżin tal-Fjuwil” tfisser apparat li jippermetti l-ħżin tal-fjuwil, li jinkludi t-tank tal-fjuwil, il-bokka tal-mili tal-fjuwil, it-tapp tal-bokka u l-pompa tal-fjuwil;

    46.

    “Fattur tal-Permeabbiltà (PF)” tfisser l-emissjonijiet tal-idrokarburi kif riflessi fil-permeabbiltà tas-sistema tal-ħżin tal-fjuwil;

    47.

    “Tank b'saff wieħed” tfisser tank tal-fjuwil magħmul minn saff wieħed ta' materjal;

    48.

    “Tank b'ħafna saffi” tfisser tank tal-fjuwil magħmul b'minn tal-inqas żewġ saffi differenti ta' materjal, u wieħed minnhom ikun impermeabbli għall-idrokarburi, inkluż l-etanol.”

    (2)

    Fl-Artikolu 17, jiddaħħal il-paragrafu li ġej wara t-tieni sottoparagrafu:

    “L-Anness VI kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1221 (*1) japplika mill-1 ta' Settembru 2019 għall-vetturi l-ġodda kollha li jiġu rreġistrati f'dik id-data u warajha.

    (*1)  ĠU L 174, 7.7.2017, p. 3”"

    (3)

    L-Anness VI jiġi sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).


    ANNESS

    ANNESS VI

    1.   Introduzzjoni

    1.1.   Dan l-Anness jiddeskrivi l-proċedura għat-test tat-Tip 4, li jiddetermina l-emissjoni tal-idrokarburi bl-evaporazzjoni mis-sistemi tal-fjuwil ta' vetturi b'magni positive ignition.

    2.   Rekwiżiti tekniċi

    2.1.   Introduzzjoni

    Il-proċedura tinkludi test tal-emissjonijiet evaporattivi u żewġ testijiet addizzjonali, wieħed għat-tiqdim tal-kaxxetta tal-karbonju, kif deskritt fil-punt 5.1, u wieħed għall-permeabbiltà tas-sistema tal-ħżin tal-fjuwil, kif deskritt fil-punt 5.2.

    It-test tal-emissjonijiet evaporattivi (il-Figura 1) huwa ddisinjat biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet evaporattivi tal-idrokarburi bħala konsegwenza tal-flutwazzjoni tat-temperaturi ta' binhar, tal-immersjonijiet sħan waqt l-ipparkjar, u tas-sewqan urban.

    2.2.   It-test tal-emissjonijiet evaporattivi jikkonsisti minn:

    (a)

    Test fit-triq inkluż ċiklu ta' sewqan urban (l-Ewwel Parti) u extraurban (it-Tieni Parti), segwit minn żewġ ċikli ta' sewqan urban (l-Ewwel Parti),

    (b)

    Determinazzjoni tat-telf f'immersjoni sħuna,

    (c)

    Determinazzjoni tat-telf binhar.

    L-emissjonijiet tal-massa ta' idrokarburi mill-fażijiet tat-telf f'immersjoni sħuna u tat-telf binhar jiġu magħduda flimkien mal-fattur tal-permeabbiltà biex jipprovdu riżultat globali għat-test.

    3.   Il-vettura u l-fjuwil

    3.1.   Il-vettura

    3.1.1.   Il-vettura għandha tkun f'kundizzjoni mekkanika tajba, ikun sarilha r-running in u tkun nsaqet għal minn tal-inqas 3 000 km qabel it-test. Għall-fini tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet evaporattivi, l-għadd ta' mili u l-età tal-vettura li ntużaw għaċ-ċertifikazzjoni għandhom jiġu rreġistrati. Is-sistema ta' kontroll tal-emissjonijiet evaporattivi għandha tkun konnessa u tkun ilha tiffunzjona tajjeb tul il-perjodu tar-running in u l-kaxxetti tal-karbonju għandhom ikunu ġew soġġetti għall-użu normali, mingħajr ma jkunu tnaddfu jew ġew mgħobbija b'mod mhux normali. Il-kaxxetti tal-karbonju mqaddma skont il-Proċedura stabbilita fil-punt 5.1 għandhom jiġu konnessi kif deskritt fil-Figura 1.

    3.2.   Il-fjuwil

    3.2.1.   Għandu jintuża l-fjuwil ta' referenza E10 tat-Tip I speċifikat fl-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 692/2008. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-referenza E10 għandha tfisser il-fjuwil ta' referenza tat-Tip I, għajr għat-tiqdim tal-kaxxetta, kif stabbilit fil-punt 5.1.

    4.   It-tagħmir tat-test għat-test evaporattiv

    4.1.   Ix-xażi dinamometriku

    Ix-xażi dinamometriku għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-Appendiċi 1 tal-Anness 4a tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    4.2.   Il-kompartiment tat-tagħmir tal-kejl tal-emissjonijiet evaporattivi

    Il-kompartiment tat-tagħmir tal-kejl tal-emissjonijiet evaporattivi għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 4.2 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    Figura 1

    Determinazzjoni tal-emissjonijiet evaporattivi

    perjodu ta' running in ta' 3 000 km (l-ebda tindif/tagħbija eċċessiv/a)

    Użu tal-kaxxetta/i mqaddma

    Tindif tal-vettura bil-fwar (jekk ikun meħtieġ)

    Tnaqqis jew tneħħija ta' sorsi ta' emissjonijiet tal-isfond li ma jkunux tal-fjuwil (jekk ikun hemm qbil)

    Image

    Noti:

    1.

    Familji ta' kontroll tal-emissjonijiet evaporattivi — bħal fil-punt 3.2 tal-Anness I

    2.

    L-emissjonijiet tal-egżost jistgħu jitkejlu waqt it-test fit-triq tat-Tip I iżda dawn ma jintużawx għal finijiet leġiżlattivi. It-test leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet tal-egżost jibqa' separat.

    4.3.   Is-sistemi analitiċi

    Is-sistemi analitiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 4.3 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    4.4.   L-irreġistrar tat-temperatura

    L-irreġistrar tat-temperatura għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 4.5 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    4.5.   Ir-reġistrazzjoni tal-pressjoni

    Ir-reġistrazzjoni tal-pressjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 4.6 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    4.6.   Il-fannijiet

    Il-fannijiet għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 4.7 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    4.7.   Il-gassijiet

    Il-gassijiet għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 4.8 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    4.8.   Tagħmir Addizzjonali

    It-tagħmir addizzjonali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 4.9 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    5.   Il-proċedura tat-test

    5.1.   It-tiqdim tal-kaxxetta/i fuq il-bank

    Qabel ma jsiru s-sekwenzi tat-telf f'immersjoni sħuna u tat-telf binhar, il-kaxxetta/i trid/jridu jitqaddmu skont il-proċedura li ġejja, deskritta fil-Figura 2.

    Figura 2

    Proċedura tat-tiqdim tal-kaxxetta/i fuq il-bank

    Image

    5.1.1.   It-test tal-kundizzjonament bit-temperatura

    F'kompartiment b'temperatura apposta, il-kaxxetta/i hija tiġi/jiġu mgħoddija minn ċikli b'temperaturi minn – 15-il °C sa 60 °C, bi 30 min ta' stabbilizzazzjoni f'temperaturi ta' – 15-il °C u 60 °C. Kull ċiklu għandu jdum 210 minuta bħal fil-Figura 3. Il-gradjent tat-temperatura għandu jkun kemm jista'jkun qrib il-1 °C/min. Ma għandu jgħaddi l-ebda fluss sfurzat tal-arja mill-kaxxetta/i.

    Iċ-ċiklu jiġi ripetut għal 50 darba wara xulxin. B'kollox, din l-operazzjoni ddum 175 siegħa.

    Figura 3

    Ċiklu tal-kundizzjonament bit-temperatura

    Image

    5.1.2.   It-test tal-kundizzjonament tal-vibrazzjoni tal-kaxxetta

    Wara l-proċedura tat-tiqdim bit-temperatura, il-kaxxetta/i tiġi/jiġu mħarrka tul l-assi vertikali mal-kaxxetta/i mmuntata/i skont l-orjentazzjoni tagħha/tagħhom fil-vettura b'Grms (1) globali > 1,5 m/sec2 bi frekwenza ta' 30 ± 10 Hz. It-test għandu jdum 12-il siegħa.

    5.1.3.   It-test tat-tiqdim tal-fjuwil tal-kaxxetta

    5.1.3.1.   It-tiqdim tal-fjuwil għal 300 ċiklu

    5.1.3.1.1.   Wara t-test tal-kundizzjonament bit-temperatura u t-test tal-vibrazzjoni, it-tiqdim tal-kaxxetta/i jsir b'taħlita ta' fjuwil E10 tas-suq tat-Tip I, kif speċifikat fil-punt 5.1.3.1.1.1 ta' hawn taħt, u ta' nitroġenu jew ta' arja b'volum ta' fwar tal-fjuwil ta' 50 ± 15 fil-mija. Ir-rata tal-mili tal-fwar tal-fjuwil trid tinżamm bejn 60 ± 20 g/h.

    Il-kaxxetta/i tiġi/jiġu mgħobbija sal-mument korrispondenti meta tfaqqa'/jfaqqgħu. Il-mument meta l-kaxxetta tfaqqa' għandu jitqies bħala l-punt li fih il-kwantità kumulattiva tal-emissjonijiet tal-idrokarburi tkun daqs żewġ (2) grammi. Bħala alternattiva, it-tagħbija titqies lesta meta l-livell ekwivalenti ta' konċentrazzjoni fit-toqba għall-arja jilħaq it-3 000 ppm.

    5.1.3.1.1.1.   Il-fjuwil E10 tas-suq li jintuża għal dan it-test għandu jissodisfa l-istess rekwiżiti bħal fjuwil ta' referenza E10 għall-punti li ġejjin:

    Densità f'temperatura ta' 15-il °C

    Pressjoni tal-Fwar (DVPE)

    Distillazzjoni (evaporazzjoni biss)

    Analiżi tal-idrokarburi (olefini, aromatiċi u benżen biss)

    Kontenut ta' ossiġenu

    Kontenut tal-etanol

    5.1.3.1.2.   Il-kaxxetta/i għandha/għandhom titnaddaf/jitnaddfu skont il-proċedura tal-paragrafu 5.1.3.8 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. Il-kundizzjonijiet standard huma 273,2 K u 101,33 kPa.

    Il-kaxxetta trid titnaddaf bejn ħames (5) minuti sa massimu ta' siegħa (1) wara t-tagħbija.

    5.1.3.1.3.   Il-passi tal-proċedura stabbilita fil-punti 5.1.3.1.1 u 5.1.3.1.2 għandhom jiġu ripetuti 50 darba, imbagħad titkejjel il-Kapaċità ta' Assorbiment tal-Butan (BWC), imfissra bħala l-kapaċità ta' kaxxetta tal-karbonju attivat li tassorbi u tiddesorbi l-butan mill-arja xotta f'kundizzjonijiet speċifikati, f'ħames (5) ċikli bil-butan, kif deskritt fil-punt 5.1.3.1.4 ta' hawn taħt. It-tiqdim tal-fwar tal-fjuwil ikompli sakemm jintlaħqu 300 ċiklu. Wara t-300 ċiklu, titkejjel il-BWC f'ħames (5) ċikli bil-butan, kif stabbilit fil-punt 5.1.3.1.4.

    5.1.3.1.4.   Wara 50 u 300 ċiklu tat-tiqdim tal-fjuwil, titkejjel il-BWC. Dan il-kejl jikkonsisti mit-tagħbija tal-kaxxetta skont il-paragrafu 5.1.6.3 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE sal-mument meta l-kaxxetta tfaqqa'. Il-BWC tiġi rreġistrata.

    Imbagħad, il-kaxxetta/i għandha/għandhom titnaddaf/jitnaddfu skont il-proċedura tal-paragrafu 5.1.3.8 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    Il-kaxxetta trid titnaddaf bejn ħames (5) minuti sa massimu ta' siegħa (1) wara t-tagħbija.

    L-operazzjoni tat-tagħbija tal-butan tiġi ripetuta ħames (5) darbiet. Il-BWC tiġi rreġistrata wara kull pass ta' tagħbija tal-butan. Il-BWC50 tiġi kkalkolata bħala l-medja tal-ħames (5) BWC u tiġi rreġistrata.

    B'kollox, il-kaxxetti jitqaddmu b'300 ċiklu ta' tiqdim tal-fjuwil + 10 ċikli bil-butan u jitqiesu li jkunu stabbilizzati.

    5.1.3.2.   Jekk il-kaxxetta/i tiġi/jiġu pprovduti mill-Fornituri, il-Manifatturi għandhom jinfurmaw lill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip bil-quddiem sabiex ikunu jistgħu jkunu preżenti fi kwalunkwe parti tat-tiqdim fil-faċilitajiet tal-Fornitur.

    5.1.3.3.   Il-manifattur għandu jipprovdi rapport tat-test lill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip li jkun jinkludi minn tal-inqas l-elementi li ġejjin:

    Tip ta' karbonju attivat,

    Rata tat-tagħbija,

    Speċifikazzjonijiet tal-fjuwil,

    Kejl tal-BWC

    5.2.   Determinazzjoni tal-Fattur tal-Permeabbiltà tas-Sistema tal-Fjuwil (il-Figura 4)

    Figura 4

    Determinazzjoni tal-Fattur tal-Permeabbiltà

    Image

    Is-sistema tal-ħżin tal-fjuwil li tkun tirrappreżenta familja, tintgħażel u titwaħħal ma' bank tat-test, imbagħad issirilha immersjoni bil-fjuwil ta' referenza E10 għal 20 ġimgħa f'temperaturi ta' 40 °C ± 2 °C. L-orjentazzjoni tas-sistema tal-ħżin tal-fjuwil fuq il-bank tat-test trid tkun simili għall-orjentazzjoni oriġinali fuq il-vettura.

    5.2.1.   It-tank jimtela b'fjuwil ta' referenza E10 ġdid f'temperatura ta' 18-il °C ± 8 °C. It-tank jimtela sa 40 % ± 2 % tal-kapaċità nominali tat-tank. Imbagħad, il-bank tat-test bis-sistema tal-fjuwil jitqiegħed f'kamra speċifika u sigura b'temperatura kkontrollata ta' 40 °C ± 2 °C għal tliet ġimgħat.

    5.2.2.   Fi tmiem it-tielet ġimgħa, it-tank jitbattal u jerġa' jimtela b'fjuwil ta' referenza E10 ġdid f'temperatura ta' 18-il °C ± 8 °C sa 40 % ± 2 % tal-kapaċità nominali tat-tank.

    Bejn sitt (6) sigħat u 36 siegħa, bl-aħħar sitt (6) sigħat f'temperatura ta' 20 °C ± 2 °C li l-bank tat-test bis-sistema tal-fjuwil jitqiegħed f'VT-SHED, titwettaq proċedura binhar matul perjodu ta' 24 siegħa, skont il-proċedura deskritta fil-paragrafu 5.7 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. Is-sistema tal-fjuwil ikollha toqba għall-arja li tagħti għal barra l-VT-SHED sabiex tiġi eliminata l-possibbiltà li l-emissjonijiet li jiġu rrilaxxati mit-tank jiġu magħduda bħala permeazzjoni. L-emissjonijiet tal-idrokarburi (HC) jitkejlu u l-valur jiġi rreġistrat bħala HC3 W.

    5.2.3.   Il-bank tat-test bis-sistema tal-fjuwil jerġa' jitqiegħed f'kamra speċifika u sigura b'temperatura kkontrollata ta' 40 °C ± 2 °C għas-17-il ġimgħa li jkun fadal.

    5.2.4.   Fi tmiem is-17-il ġimgħa, it-tank jitbattal u jerġa' jimtela b'fjuwil ta' referenza ġdid f'temperatura ta' 18-il °C ± 8 °C sa 40 % ± 2 % tal-kapaċità nominali tat-tank.

    Bejn sitt (6) sigħat u 36 siegħa, bl-aħħar sitt (6) sigħat f'temperatura ta' 20 °C ± 2 °C li l-bank tat-test bis-sistema tal-fjuwil jitqiegħed f'VT-SHED, titwettaq proċedura binhar matul perjodu ta' 24 siegħa, skont il-proċedura deskritta fil-paragrafu 5.7 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. Is-sistema tal-fjuwil ikollha toqba għall-arja li tagħti għal barra l-VT-SHED sabiex tiġi eliminata l-possibbiltà li l-emissjonijiet li jiġu rrilaxxati mit-tank jiġu magħduda bħala permeazzjoni. L-emissjonijiet tal-idrokarburi (HC) jitkejlu u l-valur jiġi rreġistrat bħala HC20 W.

    5.2.5.   Il-Fattur tal-Permeabbiltà huwa d-differenza bejn HC20 W u HC3 W fi g/24 h bi tliet (3) ċifri.

    5.2.6.   Jekk il-Fattur tal-Permeabbiltà jiġi ddeterminat mill-Fornituri, il-Manifatturi għandhom jinfurmaw lill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip bil-quddiem sabiex ikunu jistgħu jkunu preżenti u jwettqu kontroll fil-faċilitajiet tal-Fornitur.

    5.2.7.   Il-manifattur għandu jipprovdi rapport tat-test lill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip li jkun fih minn tal-inqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni sħiħa dwar is-sistema tal-ħżin tal-fjuwil li tkun ġiet ittestjata, inkluża informazzjoni dwar it-tip ta' tank li jkun ġie ttestjat, jekk it-tank ikunx b'saff wieħed jew b'diversi saffi u liema tipi ta' materjali jkunu ntużaw għat-tank u għal partijiet oħra tas-sistema tal-ħżin tal-fjuwil,

    (b)

    it-temperaturi medji ta' kull ġimgħa li fihom ikun twettaq it-tiqdim,

    (c)

    l-HC imkejla fit-tielet (3) ġimgħa (HC3 W),

    (d)

    l-HC imkejla fl-20 ġimgħa (HC20 W),

    (e)

    il-Fattur tal-Permeabbiltà (PF) li jirriżulta

    5.2.8.   Bħala eċċezzjoni għall-punti 5.2.1 sa 5.2.7 ta' hawn fuq, il-Manifatturi li jużaw tankijiet b'diversi saffi jistgħu jagħżlu li jużaw il-Fattur Assenjat tal-Permeabbiltà (APF) minflok il-proċedura kompleta ta' kejl imsemmija hawn fuq:

    tank b'diversi saffi b'APF = 120 mg/24h

    5.2.8.1.   Meta l-manifattur jagħżel li juża l-Fatturi Assenjati tal-Permeabbiltà, dan għandu jipprovdi dikjarazzjoni lill-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip, li fiha t-tip ta' tank jiġi speċifikat b'mod ċar, u għandu jipprovdi ukoll dikjarazzjoni dwar it-tip ta' materjali li jkunu ntużaw.

    5.3.   Sekwenza ta' kejl tat-telf f'immersjoni sħuna u tat-telf binhar

    Il-vettura tiġi ppreparata skont il-paragrafi 5.1.1 u 5.1.2 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. Fuq talba tal-manifattur u bl-approvazzjoni tal-awtorità responsabbli, is-sorsi ta' emissjonijiet tal-isfond li ma jkunux tal-fjuwil jistgħu jitneħħew jew jitnaqqsu qabel l-ittestjar (eż. il-ħami tat-tajer jew tal-vettura, it-tneħħija tal-fluwidu għall-ħasil tal-windskrin).

    5.3.1.   Immersjoni

    Il-vettura tiġi pparkjata għal minimu ta' 12-il siegħa u għal massimu ta' 36 siegħa fiż-żona ta' immersjoni. It-temperaturi taż-żejt tal-magna u tal-fluwidu berried għandhom ikunu laħqu t-temperatura taż-żona jew sa ± 3 °C tagħha fi tmiem il-perjodu.

    5.3.2.   It-tbattil u l-mili mill-ġdid tal-fjuwil

    It-tbattil u l-mili mill-ġdid tal-fjuwil jitwettaq skont il-proċedura tal-paragrafu 5.1.7 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    5.3.3.   Sewqan ta' prekundizzjonament

    Sa siegħa minn meta jitlesta t-tbattil u l-mili mill-ġdid tal-fjuwil, il-vettura titqiegħed fuq ix-xażi dinamometriku u tinsaq għal ċiklu wieħed tas-sewqan tal-Ewwel Parti u għal żewġ ċikli tas-sewqan tat-Tieni Parti tat-Tip I skont l-Anness 4a tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    Waqt din l-operazzjoni ma jsirx teħid ta' kampjuni tal-emissjonijiet tal-egżost.

    5.3.4.   Immersjoni

    Sa ħames minuti minn meta titlesta l-operazzjoni tal-prekundizzjonament, il-vettura tiġi pparkjata għal minimu ta' 12-il siegħa u għal massimu ta' 36 siegħa fiż-żona ta' immersjoni. It-temperaturi taż-żejt tal-magna u tal-fluwidu berried għandhom ikunu laħqu t-temperatura taż-żona jew sa ± 3 °C tagħha fi tmiem il-perjodu.

    5.3.5.   Il-mument meta l-kaxxetta tfaqqa'

    Il-kaxxetta/i mqaddma skont is-sekwenza deskritta fil-punt 5.1 tiġi mgħobbija sal-mument meta l-kaxxetta/i tfaqqa'/jfaqqgħu, skont il-proċedura tal-paragrafu 5.1.4 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    5.3.6.   It-test tad-dinamometru

    5.3.6.1.   Sa siegħa minn meta titlesta t-tagħbija tal-kaxxetta, il-vettura titqiegħed fuq ix-xażi dinamometriku u tinsaq għal ċiklu wieħed tas-sewqan tal-Ewwel Parti u għal ċiklu wieħed tas-sewqan tat-Tieni Parti tat-Tip I skont l-Anness 4a tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. Imbagħad, il-magna tiġi mitfija. Waqt din l-operazzjoni jista' jsir teħid ta' kampjuni tal-emissjonijiet tal-egżost, iżda r-riżultati ma għandhomx jintużaw għall-fini tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet tal-egżost.

    5.3.6.2.   Sa żewġ minuti minn meta jitlesta t-Test fit-triq tat-Tip I, speċifikat fil-punt 5.3.6.1, il-vettura tinsaq għal sewqan ta' kundizzjonament ieħor li jkun jikkonsisti minn żewġ ċikli tal-ittestjar tal-Ewwel Parti (bi startjar sħun) tat-Tip I. Imbagħad, il-magna terġa' tiġi mitfija. Waqt din l-operazzjoni ma hemmx għalfejn isir teħid ta' kampjuni tal-emissjonijiet tal-egżost.

    5.3.7.   Immersjoni Sħuna

    Wara t-test tad-dinamometru, jitwettaq test tal-emissjonijiet evaporattivi b'immersjoni sħuna skont il-paragrafu 5.5 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. Ir-riżultat tat-telf f'immersjoni sħuna jiġi kkalkolat skont il-punt 6 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE u jiġi rreġistrat bħala MHS.

    5.3.8.   Immersjoni

    Wara t-test tal-emissjonijiet evaporattivi b'immersjoni sħuna, titwettaq immersjoni skont il-paragrafu 5.6 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

    5.3.9.   Test binhar

    5.3.9.1.   Wara l-immersjoni sħuna, jitwettaq l-ewwel kejl ta' Telf Binhar matul 24 siegħa skont il-punt 5.7 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. L-emissjonijiet jiġu kkalkolati skont il-paragrafu 6 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. Il-valur li jinkiseb jiġi rreġistrat bħala MD1.

    5.3.9.2.   Wara l-ewwel test binhar waqt 24 siegħa, jitwettaq it-tieni kejl ta' Telf Binhar matul 24 siegħa skont il-punt 5.7 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. L-emissjonijiet jiġu kkalkolati skont il-punt 6 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE. Il-valur li jinkiseb jiġi rreġistrat bħala MD2.

    5.3.10.   Il-kalkolu

    Ir-riżultat ta' MHS + MD1 + MD2 + 2PF għandu jkun inqas mil-limitu ddefinit fit-Tabella 3 tal-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

    5.3.11.   Il-manifattur għandu jipprovdi rapport tat-test lill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip li jkun fih minn tal-inqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni tal-perjodi ta' immersjoni, inkluż il-ħin u t-temperaturi medji

    (b)

    deskrizzjoni tal-kaxxetta mqaddma li tintuża u referenza għar-rapport eżatt dwar it-tiqdim

    (c)

    it-temperatura medja waqt it-test b'immersjoni sħuna

    (d)

    il-kejl waqt test b'immersjoni sħuna, HSL

    (e)

    il-kejl tal-ewwel test binhar, DLl-ewwel jum

    (f)

    il-kejl tat-tieni test binhar, DLit-tieni jum

    (g)

    ir-riżultat tat-test evaporattiv finali, ikkalkolat bħala “MHS + MD1 + MD2 + 2PF”


    (1)  

    Grms: Il-valur tal-għerq tal-medja tal-kwadrati (rms) tas-sinjal tal-vibrazzjoni jiġi kkalkolat billi jiġi kkwadrat il-kobor tas-sinjal f'kull punt, jinstab il-valur medju tal-kobor kwadrat, imbagħad jittieħed l-għerq kwadrat tal-valur medju. In-numru li jirriżulta huwa l-metrika tal-Grms.


    Top