EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1186

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1186 tat-3 ta' Lulju 2017 li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/4443

ĠU L 171, 4.7.2017, p. 131–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1186/oj

4.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 171/131


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1186

tat-3 ta' Lulju 2017

li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 637/2012 (4) l-Istati Membri kkonċernati kellhom jiżguraw li n-notifikatur, li fuq talba tiegħu ġiet inkluża s-sustanza ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat, jipprovdi aktar tagħrif ta' konferma dwar l-ekwivalenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, u dawk tal-materjal tat-test użat fid-dossiers dwar it-tossiċità u dwar il-profil tossikoloġiku tas-sustanza sal-1 ta' Mejju 2013 u sal-31 ta' Mejju 2014 rispettivament.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5).

(3)

F'April 2013, in-notifikatur ippreżenta tagħrif, bl-għan li jikkonforma mal-obbligu li jippreżenta aktar tagħrif kif imsemmi fil-premessa 1, lill-Istat Membru relatur, il-Greċja.

(4)

Il-Greċja vvalutat it-tagħrif ippreżentat min-notifikatur, inkluż xi tagħrif ulterjuri relatat mal-preżentazzjoni inizjali li tressqet matul il-proċess ta' evalwazzjoni. Ippreżentat il-valutazzjoni tagħha, fil-forma ta' addenda tal-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “l-Awtorità” f'Novembru 2014 u f'Novembru 2015.

(5)

L-Istati Membri, l-applikant u l-Awtorità ġew ikkonsultati u mitluba jipprovdu l-kummenti tagħhom fuq il-valutazzjoni tal-Istat Membru relatur. Fis-27 ta' Marzu 2015, l-Awtorità ppubblikat Rapport Tekniku li jiġbor fil-qosor ir-riżultat ta' din il-konsultazzjoni għaż-żejt tat-tall mhux raffinat (6).

(6)

Fid-dawl tat-tagħrif ipprovdut min-notifikatur, l-evalwazzjoni ta' dan it-tagħrif mill-Istat Membru relatur u l-kummenti ppreżentati dwar l-evalwazzjoni mill-Istati Membri u mill-EFSA, il-Kummissjoni tqis li t-tagħrif ta' konferma mhuwiex biżżejjed biex tintlaħaq konklużjoni dwar l-ekwivalenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, u dawk tal-materjal tat-test użat fid-dossiers dwar it-tossiċità, jew dwar il-profil tossikoloġiku tas-sustanza.

(7)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex jippreżenta l-kummenti tiegħu fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(8)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikatur, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-tagħrif ippreżentat mhuwiex komplut u ma jippermettix li tintlaħaq konklużjoni dwar l-ekwivalenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, u dawk tal-materjal tat-test użat fid-dossiers dwar it-tossiċità, jew dwar il-profil tossikoloġiku tas-sustanza li trid issir.

(9)

Konsegwentement, huwa xieraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni ta' dik is-sustanza attiva.

(10)

Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza attiva.

(12)

Fir-rigward tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja b'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu jenħtieġ li jiskadi sa mhux aktar tard mill-24 ta' Ottubru 2018.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Irtirar tal-approvazzjoni

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat qed tiġi rtirata.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 250, Ripellenti (permezz ta' riħa) ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat, għandha titħassar.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat bħala sustanza attiva mhux aktar tard mill-24 ta' Ottubru 2017.

Artikolu 4

Perjodu ta' grazzja

Kull perjodu ta' grazzja li jagħtu l-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-24 ta' Ottubru 2018.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 637/2012 tat-13 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi sulfat tal-ħadid, ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat u ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żift taż-żejt tat-tall (ĠU L 186, 14.7.2012, p. 20).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(6)  EFSA (European Food Safety Authority), 2015. Technical report on the outcome of the consultation with Member States, the applicant and EFSA on the pesticide risk assessment of confirmatory data for tall oil crude. EFSA supporting publication 2015:EN-781. 14-il paġna.


Top