Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1184

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1184 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta' ċerti kategoriji ta' karkassi u annimali ħajjin

C/2017/2413

ĠU L 171, 4.7.2017, pp. 103–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1184/oj

4.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 171/103


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1184

tal-20 ta' April 2017

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta' ċerti kategoriji ta' karkassi u annimali ħajjin

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(c), (p), (q), (r), (s) u (u) l-Artikolu 223(3)(c) u (d) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a), (b) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3). It-Taqsima 1 tal-Kapitolu I tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tinkludi regoli dwar l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat, inklużi l-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u r-rapportar tal-prezzijiet tagħhom, u tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla problemi tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u biex jiġu stabbiliti prezzijiet tas-suq komparabbli għal karkassi u annimali ħajjin fil-qafas legali l-ġdid, ċerti regoli għandhom jiġu adottati permezz ta' atti bħal dawn. Ir-regoli l-ġodda għandhom jissostitwixxu r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 315/2002 (4), (KE) Nru 1249/2008 (5) u (UE) Nru 807/2013 (6). Dawk ir-Regolamenti huma sostitwiti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 (7).

(2)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza mal-fornituri, importanti li l-biċċerija, l-aġenzija ta' klassifikazzjoni jew il-klassifikatur ikkwalifikat li jkunu wettqu l-klassifikazzjoni ta' annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar, jew ta' majjali jew nagħaġ jinfurmaw lill-fornitur dwar ir-riżultat tal-klassifikazzjoni tal-annimali mwassla għall-qatla. Dik il-komunikazzjoni għandha tinkludi elementi bħalma huma r-riżultat tal-klassifikazzjoni, il-piż tal-karkassa, il-preżentazzjoni tal-karkassa u, fejn ikun applikabbli, l-informazzjoni li l-klassifikazzjoni saret permezz ta' teknika ta' gradazzjoni awtomatizzata.

(3)

L-affidabbiltà tal-klassifikazzjoni ta' karkassi ta' annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar, majjali u nagħaġ għandha tkun ivverifikata b'kontrolli regolari fuq il-post imwettqa minn korpi li huma indipendenti mill-istabbilimenti spezzjonati, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni u l-klassifikaturi kkwalifikati. Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti minimi għal dawn il-kontrolli għandhom ikunu stipulati, inkluż ir-rapportar tal-kontrolli fuq il-post imwettqa kif ukoll l-azzjonijiet meħuda wara. Sabiex tingħata aktar flessibilità lill-Istati Membri biex iwettqu kontrolli fuq il-post skont il-bżonnijiet tagħhom, huwa meħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li ssir valutazzjoni tar-riskju.

(4)

Sabiex jinkisbu prezzijiet tas-suq komparabbli fl-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi definita preżentazzjoni ta' karkassa ta' referenza li tinfluwenza l-piż u l-prezz korrett tal-karkassa. Biex il-preżentazzjonijiet użati f'xi Stati Membri jiġu aġġustati għall-preżentazzjoni tal-karkassa ta' referenza tal-Unjoni, għandhom ikunu determinati wkoll ċerti fatturi korrettivi.

(5)

Għall-fini tar-reġistrar tal-prezzijiet, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk it-territorju tagħhom huwiex maqsum jew le, u jekk iva, f'kemm-il reġjun. Peress li r-Renju Unit esprima l-intenzjoni tiegħu li jżomm id-diviżjoni tat-territorju tiegħu f'żewġ reġjuni, għal raġuni ta' trasparenza huwa xieraq li jiġi stipulat li r-reġistrar tal-prezzijiet għar-Renju Unit għandu jkun relatat ma' żewġ reġjuni, il-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

(6)

Sabiex ikun żgurat li l-prezzijiet ta' karkassi u ta' annimali ħajjin ikunu rappreżentattivi tas-setturi tal-produzzjoni taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ tal-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġu definiti l-kategoriji, il-klassijiet u t-tipi kif ukoll li jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddefinixxu stabbilimenti jew persuni li għalihom ir-reġistrar tal-prezzijiet għandu jkun obbligatorju.

(7)

Il-metodu prattiku li għandu jintuża mill-Istati Membri biex jiġu kkalkulati l-prezzijiet medji ta' kull ġimgħa għandu jkun stipulat. Dawn il-prezzijiet għandhom jiġu rrappurtati u għandhom isiru notifiki lill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (8) ħlief għal dawk in-notifiki li huma meħtieġa għall-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet fuq il-post jew li jservu bħala bażi biex tinkiseb ħarsa ġenerali kompluta tas-suq tal-laħam.

(8)

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal spezzjonijiet fuq il-post li għandhom jitwettqu minn Kumitat ta' Spezzjoni tal-Unjoni magħmul minn esperti mill-Kummissjoni u esperti maħtura mill-Istati Membri. Għandhom ikunu stipulati regoli rigward il-kompożizzjoni u l-operat tal-Kumitat.

(9)

Minħabba l-ħtieġa li l-Istati Membri jitħallew jadattaw għall-qafas legali l-ġdid, dan ir-Regolament għandu japplika 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

KLASSIFIKAZZJONI TAL-KARKASSI U KONTROLLI FUQ IL-POST

Artikolu 1

Komunikazzjoni tar-riżultati tal-klassifikazzjoni

1.   Il-biċċeriji, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni jew il-klassifikaturi kkwalifikati previsti fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 li jwettqu il-klassifikazzjoni skont il-punti A.II., A.III, B.II, C.II u C.III tal-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jikkomunikaw ir-riżultati tal-klassifikazzjoni lill-fornitur tal-annimal. Din il-komunikazzjoni għandha tkun, fuq karta jew permezz ta' mezzi elettroniċi, u għandha tindika għal kull karkassa:

(a)

ir-riżultati tal-klassifikazzjoni permezz tal-ittri u ċ-ċifri korrispondenti msemmijin fil-punti A.II, A.III, B.II, C.II u C.III tal-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, rispettivament;

(b)

il-piż tal-karkassa stabbilit f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182, filwaqt li jiġi speċifikat jekk dan jirreferix għall-piż tal-karkassa sħuna jew kiesħa;

(c)

il-preżentazzjoni tal-karkassa applikata fil-mument tal-użin u l-klassifikazzjoni fuq il-ganċ; l-indikazzjoni tal-preżentazzjoni tal-karkassa ma għandhiex tkun obbligatorja jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tgħid li fit-territorju jew reġjun tal-Istat Membru kkonċernat hi permessa preżentazzjoni ta' karkassa waħda biss;

(d)

fejn japplika, li l-klassifikazzjoni tkun saret bl-użu ta' teknika ta' gradazzjoni awtomatizzata.

2.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) tinkludi subklassijiet, fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli.

Artikolu 2

Kontrolli fuq il-post

1.   Għandhom jitwettqu kontrolli fuq il-post fil-biċċeriji kollha li japplikaw il-klassifikazzjoni obbligatorja tal-karkassi kif imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

2.   Il-prestazzjoni tal-klassifikaturi kkwalifikati u l-metodi ta' gradazzjoni applikati kif ukoll il-klassifikazzjoni, il-preżentazzjoni u l-identifikazzjoni tal-karkassi fil-biċċeriji msemmija fil-punti A.II, A.III, A.V, B.II, B.V, C.II, C.III, C.IV u C.V tal-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jiġu ċċekkjati fuq il-post u mingħajr ma jsir avviż minn qabel minn korp li huwa indipendenti mill-biċċeriji, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni u l-klassifikaturi kwalifikati.

Ir-rekwiżit li jkun indipendenti mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni u l-klassifikaturi kkwalifikati ma għandux japplika meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru twettaq hija stess dawn il-kontrolli.

3.   Fejn il-korp responsabbli mill-kontrolli fuq il-post ma jaqax taħt l-awtorità ta' awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika li l-kontrolli fuq il-post jitwettqu b'mod korrett mill-inqas darba fis-sena, permezz ta' sorveljanza fiżika taħt l-istess kondizzjonijiet.

Artikolu 3

Rekwiżiti minimi tal-kontrolli fuq il-post

1.   Fejn fi Stat Membru ssir valutazzjoni tar-riskju biex jiġu determinati r-rekwiżiti minimi għall-kontrolli fuq il-post, il-frekwenza ta' dawk il-kontrolli u l-għadd minimu ta' karkassi li jridu jkunu kkontrollati għandhom ikunu determinati abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju bħal din, b'mod partikulari billi jiġi kkunsidrat l-għadd ta' annimali maqtula fil-biċċeriji kkonċernati u anki l-eżitu minn kontrolli fuq il-post li jkunu saru qabel f'dawn il-biċċeriji.

2.   Fejn il-valutazzjoni tar-riskju ma titwettaqx fi Stat Membru, il-kontrolli fuq il-post għandhom jitwettqu kif ġej:

(a)

fil-biċċeriji kollha li joqtlu 150 annimal bovin jew iktar, li għandhom tmien xhur jew aktar fil-ġimgħa bħala medja annwali, tal-inqas darbtejn kull tliet xhur; kull kontroll fuq il-post għandu jkun konness ma' tal-anqas 40 karkassa, magħżula b'mod aleatorju inkella, jekk ikun hemm inqas minn 40 karkassa, mal-karkassi kollha;

(b)

fil-biċċeriji kollha li joqtlu 500 majjal jew aktar fil-ġimgħa bħala medja annwali, tal-inqas darbtejn kull tliet xhur;

(c)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-frekwenza tal-kontrolli fuq il-post u n-numru minimu ta' karkassi li għandhom jiġu kkontrollati għall-biċċeriji li:

(i)

joqtlu inqas minn 150 annimal bovin li għandhom tmien xhur jew aktar fil-ġimgħa bħala medja annwali,

(ii)

joqtlu inqas minn 500 majjal fil-ġimgħa bħala medja annwali,

(iii)

iwettqu klassifikazzjoni ta' karkassi tan-nagħaġ.

3.   Il-kontrolli fuq il-post għandhom jivverifikaw b'mod partikolari:

(a)

il-kategorija tal-karkassa taċ-ċanga u tan-nagħaġ;

(b)

il-klassifikazzjoni, l-użin u l-immarkar tal-karkassi;

(c)

il-preċiżjoni tal-metodi ta' gradazzjoni awtomatizzata taċ-ċanga u tan-nagħaġ permezz ta' sistema ta' punti u limiti li tiddetermina l-preċiżjoni kontinwa tal-metodu ta' gradazzjoni;

(d)

il-preżentazzjoni tal-karkassa;

(e)

jekk ikun xieraq, it-test tal-funzjoni ta' kuljum kif ukoll kull aspett tekniku ieħor tal-metodi ta' gradazzjoni;

(f)

ir-rapporti ta' kontroll ta' kuljum kif imsemmija fl-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182.

Artikolu 4

Rapporti u revoka ta' liċenzji u approvazzjonijiet

1.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel u żżomm rapporti dwar il-kontrolli fuq il-post previsti fl-Artikolu 2.

2.   F'każijiet fejn numru sinifikanti ta' klassifikazzjonijiet, preżentazzjonijiet jew identifikazzjonijiet żbaljati jew fejn l-applikazzjoni ta' teknika ta' gradazzjoni awtomatizzata ma tkunx konformi mar-regoli jkunu aċċertati waqt il-kontrolli fuq il-post previsti fl-Artikolu 2, il-liċenzji jew l-approvazzjonijiet mogħtija lill-klassifikaturi kwalifikati jew teknika ta' gradazzjoni awtomatizzata kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 jistgħu jiġu revokati. F'każijiet ta' żball dwar il-kategorija, il-konformazzjoni jew il-kisja ta' xaħam il-korp responsabbli mill-kontrolli fuq il-post jista' titlob lill-operatur biex jikkoreġih fuq l-immarkar tal-karkassa u fid-dokumenti kkonċernati.

KAPITOLU II

REĠISTRAR U RAPPORTAR TAL-PREZZIJIET TAS-SUQ TA' KARKASSI U ANNIMALI ĦAJJIN

Artikolu 5

Preżentazzjoni ta' karkassi

1.   Fejn il-preżentazzjoni tal-karkassa fil-mument tal-użin u l-klassifikazzjoni fuq il-ganċ tkun differenti minn dik prevista fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182, il-piż sħun tal-karkassa għandu jkun aġġustat bl-applikazzjoni tal-fatturi korrettivi.

Għall-karkassi ta' majjali, annimali tal-ifrat li għandhom inqas minn tmien xhur u nagħaġ, il-fatturi korrettivi għandhom ikunu speċifikati mill-Istati Membri.

Għall-karkassi ta' annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar il-fatturi korrettivi huma kif stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

2.   Meta l-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu l-istess fit-territorju kollu ta' Stat Membru, dawn jistgħu jiġu kkalkulati fuq livell nazzjonali. Meta t-tali aġġustamenti jvarjaw minn biċċerija għal oħra, dawn għandhom jiġu kkalkulati fuq livell ta' biċċerija.

Artikolu 6

Diviżjoni territorjali għar-reġistrar tal- prezzijiet tas-suq tal-karkassi

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk it-territorju tagħhom għandux ikun jikkonsisti f'reġjun wieħed jew għandux jiġi diviż f'aktar minn reġjun wieħed. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta':

(a)

id-daqs tat-territorju tagħhom;

(b)

l-eżistenza, jekk ikun hemm, ta' diviżjonijiet amministrattivi;

(c)

varjazzjonijiet ġeografiċi fil-prezzijiet.

Għall-fini tar-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq tal-karkassi taċ-ċanga, ir-Renju Unit għandu jkun jikkonsisti tal-anqas f'żewġ reġjuni, jiġifieri l-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, li jistgħu jiġu suddiviżi abbażi tal-kriterji msemmija fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 7

Klassijiet għar-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq tal-karkassi taċ-ċanga

Ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq abbażi tal-iskali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun relatat mal-kategoriji speċifikati fil-punt A.II tal-Anness IV ta' dak ir-Regolament u mal-klassijiet ta' konformazzjoni u ta' kisja ta' xaħam li ġejjin:

(a)

karkassi ta' annimali li għandhom minn tmien xhur sa inqas minn 12-il xahar: U2, U3, R2, R3, O2, O3;

(b)

karkassi ta' annimali rġiel mhux ikkastrati li għandhom minn 12-il xahar sa inqas minn 24 xahar: U2, U3, R2, R3, O2, O3;

(c)

karkassi ta' annimali rġiel mhux ikkastrati li għandhom 24 xahar jew aktar: R3;

(d)

karkassi ta' annimali rġiel kkastrati li għandhom 12-il xahar jew aktar: U2, U3, U4, R3, R4, O3, O4;

(e)

karkassi ta' annimali nisa li welldu: R3, R4, O2, O3, O4, P2, P3;

(f)

karkassi ta' annimali nisa oħra li għandhom 12-il xahar jew aktar: U2, U3, U4, R2, R3, R4, O2, O3, O4.

Artikolu 8

Reġistrar tal-prezzijiet tas-suq tal-karkassi taċ-ċanga

1.   Il-prezz tas-suq li għandu jiġi rrappurtat għall-karkassi ta' annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 għandu jiġi rreġistrat minn:

(a)

l-operatur ta' kwalunkwe biċċerija li kull sena toqtol 20 000 annimal bovin jew aktar li għandhom tmien xhur jew aktar;

(b)

l-operatur ta' kwalunkwe biċċerija li tiġi nnominata mill-Istat Membru u li kull sena toqtol anqas minn 20 000 annimal bovin li għandhom tmien xhur jew aktar;

(c)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tibgħat 10 000 annimal bovin jew aktar li għandhom tmien xhur jew aktar għall-qatla kull sena; u

(d)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tinħatar mill-Istat Membru u li tibgħat anqas minn 10 000 annimal bovin li għandhom tmien xhur jew iżjed għall-qatla kull sena.

2.   L-Istat Membru għandu jiżgura li prezzijiet jiġu rreġistrati tal-anqas għal:

(a)

25 % tal-qatliet f'dawk ir-reġjuni li flimkien ikopru tal-anqas 75 % tal-qatliet totali f'dak l-Istat Membru; u

(b)

30 % tal-annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew iżjed u li jinqatlu f'dak l-Istat Membru.

3.   Il-prezzijiet irreġistrati skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu konnessi ma' annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew iżjed u li jinqatlu matul il-perjodu ta' reġistrar ikkonċernat, u għandhom ikunu bbażati fuq il-piż kiesaħ tal-karkassa kif imsemmi fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182.

4.   Il-prezzijiet irreġistrati għal kull klassi msemmija fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament għandhom jindikaw il-piż medju tal-karkassa li huma marbuta magħha u jekk ikunux ġew aġġustati permezz tal-applikazzjoni ta' kull wieħed mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 5.

Artikolu 9

Klassijiet u piżijiet għar-reġistrar tal- prezzijiet tas-suq tal-karkassi tal-majjal

Ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq abbażi tal-iskali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun konness mal-klassijiet ta' piż li ġejjin:

(a)

karkassi ta' 60 kg sa inqas minn 120 kg: S, E;

(b)

karkassi ta' 120 kg sa inqas minn 180 kg: R.

Artikolu 10

Reġistrar tal-prezzijiet tas-suq tal-karkassi tal-majjali u annimali tal-ifrat li għandhom inqas minn tmien xhur

Il-prezz tas-suq li għandu jiġi rrappurtat għall-karkassi tal-majjali u annimali tal-ifrat li għandhom inqas minn tmien xhur kif imsemmi fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 għandu jkun irreġistrat fi swieq rappreżentattivi mill-Istat Membru jew mill-operaturi ta' kwalunkwe biċċerija jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibagħtu dawn l-annimali għall-qatla u huma maħtura mill-Istat Membru.

Artikolu 11

Reġistrar tal-prezzijiet tas-suq ta' karkassi tan-nagħaġli għandhom anqas minn 12-il xahar

Il-prezz tas-suq li għandu jiġi rrappurtat għall-karkassi ta' nagħaġ li għandhom inqas minn 12-il xahar kif imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 għandu ikun irreġistrat fi swieq rappreżentattivi mill-Istat Membru jew mill-operaturi ta' kwalunkwe biċċerija jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibagħtu dawn l-annimali għall-qatla u huma maħtura mill-Istat Membru.

Ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq għandu jkun konness mal-kategoriji ta' piż li ġejjin:

(a)

karkassi ta' ħrief ħfief li jiżnu inqas minn 13-il kg bħala piż tal-karkassa;

(b)

karkassi ta' ħrief tqal li jiżnu 13-il kg jew aktar bħala piż tal-karkassa.

Artikolu 12

Reġistrar tal-prezzijiet tas-suq ta' annimali ħajjin

Il-prezzijiet tas-suq li għandhom jiġu rrappurtati għal kull tip ta' għoġġiela rġiel li għandhom bejn tmint ijiem u erba' ġimgħat, bovini għat-tismin u ħnienes ta' madwar 25 kg f'piż ħaj kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 għandhom jiġu rreġistrati fuq swieq rappreżentattivi mill-Istat Membru jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinnegozjaw dawn l-annimali u li huma maħtura mill-Istat Membru.

Artikolu 13

Kalkolu tal-prezzijiet tas-suq ta' kull ġimgħa ta' karkassi u annimali ħajjin

1.   Fin-nuqqas ta' reġistrar tal-prezzijiet fi swieq rappreżentattivi jew mill-operaturi tal-biċċeriji jew mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 10, 11 u 12, il-prezzijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-kmamar tal-agrikoltura, ċentri ta' kwotazzjoni, kooperattivi tal-bdiewa jew unions tal-bdiewa fl-Istat Membru kkonċernat.

Madankollu, fejn Stat Membru jkun stabbilixxa kumitat fir-reġjun rilevanti, biex jiddeċiedi prezzijiet għal dak reġjun, u meta s-sħubija ta' dak il-kumitat tkun diviża ugwalment bejn xerrejja u bejjiegħa tal-annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar u l-karkassi tagħhom, dak il-Membru Stat jista' juża l-prezzijiet determinati minn dak il-kumitat għall-kalkolu tal-prezzijiet li għandhom ikunu irrappurtati.

2.   Fejn ix-xiri b'rata fissa jammonta għal aktar minn 35 % tal-qatliet totali ta' annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' jistabbilixxi kriterji biex jeskludi ċerti kunsinni mill-kalkolu tal-prezzijiet fejn dawk il-kunsinni jinfluwenzaw il-prezzijiet b'mod sproporzjonali.

Madankollu, fejn ix-xiri b'rata fissa jkun jammonta għal anqas minn 35 % tal-qatliet totali tal-annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew iżjed fl-Istat Membru, dak l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li ma jikkunsidrax il-prezzijiet ta' tali xiri fil-kalkoli tal-prezzijiet.

Fil-każijiet msemmija fit-tieni subparagrafu, prezz nazzjonali rappreżentattiv ta' kull klassi għandu jkun ikkalkulat mill-awtorità kompetenti, b'konsiderazzjoni tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182 u fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Rapportar tal-prezzijiet tas-suq lill-awtorità kompetenti

Il-prezzijiet irreġistrati skont l-Artikoli 7 sa 12 fil-perjodu mit-Tnejn sal-Ħadd ta' kull ġimgħa għandhom:

(a)

jiġu rrappurtati lill-awtorità kompetenti, fuq karta jew permezz ta' mezzi elettroniċi, mill-operatur tal-biċċerija jew persuna fiżika jew ġuridika msemmija fl-Artikoli 8, 10, 11 u 12 fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Istat Membru; jew

(b)

fuq għażla tal-Istat Membru, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tiegħu fil-biċċerija jew fil-bini tal-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fl-Artikoli 8, 10, 11 u 12.

Artikolu 15

Rapportar tal-prezzijiet tas-suq u notifiki lill-Kummissjoni

1.   Ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq u n-notifiki msemmija fl-Artikoli 13 u 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182, rispettivament għandhom isiru skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1185 bl-eċċezzjoni tan-notifiki pprovduti fl-Artikolu 25(3) u (5) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182.

2.   Il-prezzijiet għandhom ikunu konnessi mal-perjodu mit-Tnejn sal-Ħadd tal-ġimgħa ta' qabel dik li fiha kienu nnotifikati.

KAPITOLU III

KUMITAT TA' SPEZZJONI TAL-UNJONI U SPEZZJONIJIET FUQ IL-POST

Artikolu 16

Kumitat ta' spezzjoni tal-Unjoni

1.   Il-Kumitat ta' Spezzjoni tal-Unjoni (“il-Kumitat”) għandu jkun responsabbli biex jagħmel spezzjonijiet fuq il-post li jkopru:

(a)

l-applikazzjoni tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ;

(b)

ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq skont dawk l-iskali ta' klassifikazzjoni;

(c)

il-klassifikazzjoni, l-identifikazzjoni u l-immarkar tal-prodotti fil-qafas tax-xiri taħt intervent pubbliku fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella.

2.   Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn massimu ta':

(a)

tliet esperti tal-Kummissjoni, li wieħed minnhom għandu jaġixxi bħala president tal-Kumitat;

(b)

espert wieħed mill-Istat Membru kkonċernat;

(c)

tmien esperti mill-Istati Membri l-oħra.

L-Istati Membri għandhom jagħżlu esperti fuq il-bażi tal-indipendenza u l-abbiltà tagħhom, partikolarment f'sitwazzjonijiet relatati mal-klassifikazzjoni tal-karkassi u r-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq u man-natura speċifika tax-xogħol li għandu jsir.

L-esperti ma jistgħu fl-ebda ċirkustanza jużaw l-informazzjoni għal skopijiet personali jew jiżvelaw informazzjoni li jkunu kisbu u li tkun marbuta max-xogħol tal-Kumitat.

3.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-membri tal-Kumitat marbuta mal-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni skont ir-regoli applikabbli għar-rimborż ta' spejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza ta' persuni li ma għandhomx konnessjoni mal-Kummissjoni u li jissejħu minnha sabiex jaġixxu ta' esperti.

Artikolu 17

Spezzjonijiet fuq il-post

1.   Għandhom isiru spezzjonijiet fuq il-post f'biċċeriji, fi swieq tal-laħam, f'ċentri ta' intervent, f'ċentri ta' kwotazzjoni ta' prezzijiet u f'servizzi reġjonali u ċentrali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw:

(a)

l-applikazzjoni tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ;

(b)

ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq skont dawk l-iskali ta' klassifikazzjoni;

(c)

il-klassifikazzjoni, l-identifikazzjoni u l-immarkar tal-prodotti fil-qafas tax-xiri taħt intervent pubbliku fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella.

2.   L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitwettqu f'intervalli regolari fl-Istati Membri u l-frekwenza tagħhom tista' tvarja, b'mod partikolari, skont il-volum relattiv ta' produzzjoni ta' ċanga, majjal u nagħaġ fl-Istati Membri li tkun saritilhom żjara jew skont l-irregolaritajiet marbuta mal-applikazzjoni tal-iskali ta' klassifikazzjoni u r-rapportar tal-prezzijiet tas-suq.

Ir-rappreżentanti tal-Istat Membru fejn issir iż-żjara jistgħu jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

Kull Stat Membru għandu jorganizza l-ispezzjonijiet fuq il-post li għandhom isiru fit-territorju tiegħu skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn 60 ġurnata qabel ma jsiru l-ispezzjonijiet fuq il-post, l-abbozz tal-programm tal-ispezzjonijiet fuq il-post proposti. Il-Kummissjoni tista' titlob kwalunkwe emenda fil-programm.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kemm jista' jkun minn qabel dwar kull spezzjoni fuq il-post, dwar emendi fil-programm u l-andament tiegħu.

Artikolu 18

Rapporti

Meta titlesta kull żjara, il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tal-Istat Membru fejn tkun saret iż-żjara għandhom jiltaqgħu biex jikkunsidraw ir-riżultati. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġbdu konklużjonijiet mill-ispezzjoni fuq il-post rigward:

(a)

l-applikazzjoni tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ;

(b)

ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq skont dawk l-iskali ta' klassifikazzjoni.

Il-president tal-Kumitat għandu jagħmel rapport dwar l-ispezzjonijiet li jkunu saru fuq il-post li jkun fih il-konklużjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu. Ir-rapport għandu jintbagħat kemm jista' jkun malajr lill-Istat Membru spezzjonat u wara lill-Istati Membri l-oħra.

Fil-każ ta' rapporti dwar l-ispezzjoni fuq il-post li tissemma fit-tieni subparagrafu u li ssir fi Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti rilevanti abbozz ta' rapport għall-kummenti, tieħu inkunsiderazzjoni dawk il-kummenti fit-tħejjija tar-rapport finali u tippubblika l-kummenti tal-awtorità kompetenti flimkien mar-rapport finali.

Meta r-rapport dwar l-ispezzjonijiet li jkunu saru fuq il-post josserva nuqqasijiet fil-kampijiet varji ta' attività li kienu s-suġġett tal-ispezzjoni, jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-għan li jittejjeb l-operat, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha li huma kkunsidrati jew li jkunu seħħew mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data li fiha jkun ġie trażmess ir-rapport.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-11 ta' Lulju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 315/2002 tal-20 ta' Frar 2002 dwar l-istħarriġ ta' prezzijiet ta' karkassi ta' nagħaġ friski jew imkessħa fi swieq rappreżentattivi fil-Komunità (ĠU L 50, 21.2.2002, p. 47).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/2008 tal-10 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-iskali tal-Komunità għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal, u tal-laħam tan-nagħaġ u r-rapportar tal-prezzijiet tagħhom (ĠU L 337, 16.12.2008, p. 3).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2013 tas-26 ta' Awwissu 2013 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għal dak li jirrigwarda l-istħarriġ ta' prezzijiet ta' ċerti annimali tal-ifrat fis-swieq rappreżentattivi tal-Unjoni (ĠU L 228, 27.8.2013, p. 5).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 tal-20 ta' April 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta' ċerti kategoriji ta' karkassi u annimali ħajjin (ara l-paġna 74 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni b'informazzjoni u dokumenti u li jemenda u jħassar diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ara l-paġna 113 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

Fatturi korrettivi għall-annimali bovini li jkollhom tmien xhur jew aktar, li jissemmew fl-Artikolu 5(1) bħala perċentwal tal-piż tal-karkassa li għandhom jiġu miżjuda jew imnaqqsa

Perċentwal

Tnaqqis

Żieda

Klassijiet tax-xaħam

1-2

3

4-5

1

2

3

4

5

Kliewi

– 0,4

 

Xaħam tal-kliewi

– 1,75

– 2,5

– 3,5

 

Xaħam pelviku

– 0,5

 

Fwied

– 2,5

 

Falda rqiqa

– 0,4

 

Falda ħoxna

– 0,4

 

Denb

– 0,4

 

Nervituri tas-sinsla

– 0,05

 

Xaħam mammarju

– 1,0

 

Testikoli

– 0,3

 

Xaħam tat-testikoli

– 0,5

 

Xaħam tal-ġewwieni tan-naħa l-għolja tal-koxxa

– 0,3

 

Il-vina ġugulari u x-xaħam maġenb tagħha

– 0,3

 

Tneħħija tax-xaħam estern

 

0

0

+ 2

+ 3

+ 4

Tneħħija tax-xaħam tas-sidra biex titħalla kopertura ta' xaħam (it-tessuti muskulari ma għandhomx jiġu esposti)

 

0

+ 0,2

+ 0,2

+ 0,3

+ 0,4

Tneħħija tax-xaħam tal-falda maġenb ix-xaħam tat-testikoli

 

0

+ 0,3

+ 0,4

+ 0,5

+ 0,6


Top