Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1159

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1159 tad-29 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 fir-rigward tad-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott tal-miżuri antidumping attwali li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jipprevedi, f'ċerti każijiet, il-possibbiltà ta' ħlas lura jew remissjoni tad-dazji

    C/2017/4403

    ĠU L 167, 30.6.2017, p. 31–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/05/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1159/oj

    30.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 167/31


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1159

    tad-29 ta' Ġunju 2017

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 fir-rigward tad-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott tal-miżuri antidumping attwali li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jipprevedi, f'ċerti każijiet, il-possibbiltà ta' ħlas lura jew remissjoni tad-dazji

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) u 14 tiegħu,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri fis-seħħ

    (1)

    Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja (high tenacity yarns, “HTY”) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”).

    (2)

    Wara rieżami ta' skadenza (“ir-rieżami ta' skadenza”) fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri oriġinali ġew prolongati b'ħames snin permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 (3) (“ir-Regolament tar-rieżami ta' skadenza)”.

    (3)

    Il-miżuri imposti kienu fl-għamla ta' dazju ad valorem b'rata residwali ta' 9,8 % filwaqt li l-kumpaniji li fuqhom ġew imposti d-dazji antidumping irċevew rata ta' dazju individwali li tvarja minn 5,1 % sa 9,8 %. Fl-investigazzjoni oriġinali nstab li żewġ kumpaniji ma kinux qegħdin iwettqu dumping.

    2.   Il-bidu wara r-rieżami interim

    (4)

    Fl-4 ta' Ottubru 2016, importatur Sloven, A&E Europe (“l-applikant”), ippreżenta talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-applikant talab l-esklużjoni ta' ċerti tipi ta' ħajt tal-ħjata (ST — sewing thread), jiġifieri l-ħjut tal-ħjata mhux miżbugħin (“GST” — greige sewing thread), mill-ambitu tal-miżuri fis-seħħ fuq il-bażi tal-allegati karatteristiċi fiżiċi u tekniċi differenti.

    (5)

    Hekk kif iddeterminat, wara li nfurmat lill-Istati Membri, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' rieżami interim parzjali, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret permezz ta' notifika (“in-Notifika ta' Bidu”) ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4), il-bidu ta' rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-HTY li joriġinaw fiċ-Ċina.

    (6)

    Dan ir-rieżami attwali kien limitat għall-analiżi tal-ambitu tal-prodott sabiex jiġi ċċarat jekk ċerti tipi ta' prodotti ST, b'mod partikolari l-GST, jaqgħux fl-ambitu tal-miżuri oriġinali, kif prolongati.

    (7)

    It-talba tal-applikant kienet appoġġata b'mod espliċitu minn wieħed mill-produtturi tal-Unjoni tal-HTY (DuraFiber) li fl-investigazzjoni tar-rieżami ta' skadenza kien jirrappreżenta 49 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-HTY.

    (8)

    Ir-rappreżentanti tal-applikant ġew mistiedna jippreżentaw il-każ tagħhom quddiem il-Kummissjoni. Il-laqgħa saret fid-29 ta' Settembru 2016.

    3.   Il-partijiet ikkonċernati mir-rieżami

    (9)

    L-erba' produtturi magħrufa tal-HTY fl-Unjoni, l-assoċjazzjoni tagħhom u r-rappreżentant tal-pajjiż esportatur ġew mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-bidu tar-rieżami.

    (10)

    Il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-partijiet kollha msemmija hawn fuq u minn dawk il-partijiet li ppreżentaw ruħhom fiż-żmien stipulat fin-Notifika tal-Bidu. Il-Kummissjoni tat ukoll l-opportunità lill-partijiet interessati li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta' smigħ.

    (11)

    L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi jew l-assoċjazzjoni tagħhom ma ppreżentaw ruħhom fil-proċedimenti.

    (12)

    Matul l-investigazzjoni ma kienet mitluba l-ebda seduta ta' smigħ minn xi parti jew oħra.

    (13)

    Amann Group kien l-uniku importatur tal-GST u utent tal-HTY li ppreżenta ruħu bħala parti interessata għal din l-investigazzjoni. Il-kumpanija ppreżentat ruħha fuq inizjattiva proprja u appoġġat ir-rikjesta tal-applikant għall-esklużjoni tal-GST mill-ambitu tal-prodott tal-miżuri eżistenti. Il-parti kienet ukoll kontra t-talbiet li saru mill-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-HTY fl-Unjoni, ippreżentati aktar 'l isfel fil-premessi minn (15) sa (20).

    (14)

    L-ebda wieħed mill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat ma ppreżentaw ruħhom matul ir-rieżami.

    (15)

    L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fibri Magħmulin mill-Bniedem (CIRFS — European Manmade Fibres Association) ressqet kummenti li jmorru kontra kull bidla fid-definizzjoni eżistenti tal-prodott. L-ewwel nett, is-CIRFS sostniet li s-suġġett tar-rikjesta jkun ta' kompetenza tal-awtoritajiet doganali nazzjonali fir-rwol tagħhom li jimplimentaw ir-Regolament bażiku, minflok ma jwassal għal rieżami tal-ambitu tal-prodott.

    (16)

    Madankollu, ta' min jinnota li l-miżuri antidumping huma imposti fuq prodotti speċifiċi u li għaldaqstant definizzjoni adegwata tal-prodott hija element kruċjali għall-applikazzjoni korretta tagħhom. Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-ħtieġa għall-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri tista' tkun rieżaminata u l-ambitu tal-prodott, b'mod partikolari, jista' jkun ivvalutat mill-ġdid biex ikun iċċarat jekk ċerti tipi ta' prodotti humiex koperti jew le mid-definizzjoni tal-ambitu ta' miżura antidumping. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda.

    (17)

    It-tieni, is-CIFRS sostniet li l-ittra ta' appoġġ li ssemmiet aktar 'il fuq fil-premessa (7) kienet ta' DuraFiber, li huwa biss wieħed mill-erba' produtturi lmentaturi li talbu l-investigazzjoni tar-rieżami ta' skadenza. Allegatament, it-tliet produtturi l-oħra huma kontra r-rikjesta għal rieżami. Madankollu, billi l-produtturi l-oħra ma provdew l-ebda evidenza jew ittra speċifika, it-talba ġiet għaldaqstant miċħuda.

    (18)

    It-tielet, CIRFS sostniet li l-utenti u/jew l-importaturi l-oħra jistgħu wkoll jieħdu eżempju mir-rikjesta għal rieżami interim parzjali u jitolbu wkoll l-esklużjoni ta' tipi oħra ta' HTY b'ċerti karatteristiċi speċifiċi u partikolari. Fil-fehma tas-CIRFS, il-possibbiltajiet f'dan ir-rigward huma infiniti u jinħtieġ li l-prefiss “ex” ma jitpoġġiex qabel il-kodiċi NM sabiex tkun evitata l-frammentazzjoni tiegħu. F'dan ir-rigward, jinħtieġ li jingħad li dan ir-rieżami huwa limitat għall-iċċarar dwar jekk ċerti tipi ta' ħajt tal-ħjata (il-ħjut tal-ħjata mhux miżbugħin) kinux jew le parti mill-ambitu tal-prodott. Kull parti interessata għandha d-dritt li titlob għal kjarifika dwar jekk ċerti prodotti jaqgħux jew le fl-ambitu tal-prodott tal-miżuri antidumping. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-merti ta' kull rikjesta fuq bażi individwali u meta jkollha għalfejn, se tiftaħ proċediment. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda.

    (19)

    Ir-raba', CIFRS sostniet ulterjorment li l-livell ta' għarfien espert fir-rigward tal-fibri u t-tessuti fid-Dwana fi Stati Membri differenti, allegatament, mhuwiex konsistenti, li jixħet dubju fuq l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri antidumping u l-identifikat ta' evażjoni possibbli tagħhom. F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li l-uffiċjali doganali kollha fl-Istati Membri kollha huma marbuta bl-istess qafas doganali tal-Unjoni. Jekk xi parti jkollha tħassib dwar l-eżistenza tal-possibbiltà ta' prattiċi ta' evażjoni tal-miżuri, tista' titlob lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal investigazzjoni dwar evażjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku. Ladarba s-CIFRS ma għamlet l-ebda rikjesta ta' din ix-xorta u ma ssostanzjatx l-allegazzjonijiet tagħha, it-talba ġiet għaldaqstant miċħuda.

    (20)

    Il-ħames u l-aħħar nett, is-CIFRS sostniet li r-rikjesta saret fi stadju tardiv ħafna u li l-ittra ta' appoġġ tfasslet ftit tal-jiem wara l-ftuħ tar-rieżami ta' skadenza. F'dan ir-rigward, ta' min jindika li r-Regolament bażiku ma jistabbilixxi l-ebda limitu ta' żmien għar-rikjesta ta' rieżami rigward il-kjarifika tal-ambitu tal-prodott. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

    B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

    1.   Il-prodott ikkonċernat

    (21)

    Il-prodott ikkonċernat, kif definit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' rieżami ta' skadenza huwa ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri (għajr ħjut tal-ħjata), mhux disponibbli għall-bejgħ għall-konsumatur, inkluż il-monofilament ta' anqas minn 67 deċiteks, li joriġinaw mir-RPĊ u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM 5402 20 00.

    (22)

    In-Nota 5 tat-Taqsima XI tan-Nomenklatura Magħquda tiddefinixxi “ħjut tal-ħjata” (ST) kif ġej:

    “… l-espressjoni “ħajt għal ħjata” tfisser ħjut multipli (mitnijin) jew immaljati:

    (a)

    ippreżentati fuq irfid (pereżempju, rkiekel, tubi) ta' piż (inkluż l-irfid) mhux aktar minn 1 000 gramma;

    (b)

    ippreparati għal użu bħala ħajt għal ħjata; u

    (c)

    b'kisra finali “Z””.

    2.   Il-prodott taħt rieżami

    (23)

    L-applikant, fir-rikjesta tiegħu għal rieżami, sostna li jinħtieġ li “l-ħjut tal-ħjata mhux miżbugħin” (“il-prodott taħt rieżami” jew “GST”), li huwa ħjut tal-ħjata mhux mogħti l-kulur u/jew mhux maħdum fl-istat ta' wara l-brim finali, ma jaqax fl-ambitu tal-miżuri.

    (24)

    L-applikant spjega li l-awtoritajiet doganali Sloveni ma setgħux jaċċettaw li jiddikjaraw il-prodott taħt rieżami bħala ST, billi l-piż tal-prodotti importati kien jaqbeż il-limitu ta' 1 000 gramma (inkluż l-irfid) u għalhekk ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni (a) imsemmija aktar 'il fuq definita fit-Taqsima XI — in-Nota 5 tan-Nomenklatura Magħquda. Il-prodott investigat huwa fil-fatt importat b'piż li ma jaqbiżx 2 000 gramma (inkluż l-irfid).

    C.   IL-KONKLUŻJONIJIET TAR-RIEŻAMI

    (25)

    Sabiex jiġi vvalutat jekk il-GST kienx kopert mill-miżuri oriġinali, il-Kummissjoni analizzat jekk il-GST u l-HTY għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi u l-istess tipi ta' użu finali. Ġew ivvalutati wkoll l-interkambjabbiltà u l-kompetizzjoni bejn il-GST u l-HTY. Inġabret u ġiet ivverifikat wkoll kull informazzjoni rigward l-ambitu tal-miżuri antidumping eżistenti.

    (26)

    L-HTY huwa l-materjal bażiku għall-produzzjoni tal-ST, li għaldaqstant huwa prodott downstream tal-prodott soġġett għall-miżuri. Konsegwentement, il-makkinarju li hemm bżonn għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami (il-GST) huwa kompletament differenti minn dak tal-prodott ikkonċernat (l-HTY). Dan ġie kkonfermat matul żjara ta' verifika lil manifattur Ewropew, Amann Group, u matul iż-żjarat ta' verifika lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kuntest tal-investigazzjoni reċenti tar-rieżami ta' skadenza tal-miżuri fis-seħħ.

    (27)

    Barra minn hekk, mill-investigazzjoni rriżulta li l-GST, billi huwa magħmul minn HTY li kien soġġett għal kisra finali “Z” b'tali mod li jifforma ħjut tal-ħjata, ma għadux adattat għall-użi li normalment għalihom jintuża l-HTY.

    (28)

    Fil-fatt, il-prodott taħt rieżami jissodisfa r-rekwiżiti li jridu jiġu kkunsidrati fis-sustanza bħala ST, prodott li huwa eskluż mill-ambitu tal-miżuri oriġinali, minkejja li ma jissodisfax żewġ kundizzjonijiet tan-nota tat-taqsima rilevanti tan-Nomenklatura Magħquda dwar il-“ħajt għal ħjata”: 1) il-piż tiegħu jaqbeż l-1 000 gramma fil-waqt tal-importazzjoni meta ppreżentat fuq l-irfid, jiġifieri mserka mtaqqba tal-plastik li fuqha l-prodott jisseffaħ b'mod imlaħlaħ biex iktar 'il quddiem jingħata l-kulur u l-qies,; u (2) ma jingħatax il-qies għall-użu bħala “ħjut tal-ħjata”.

    (29)

    Madankollu, kuntrarjament għaż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-kisra “Z” hija fattur determinanti għall-applikazzjonijiet tal-prodott. Il-manifattura tal-GST tirrikjedi li żewġ HTYs jew aktar jgħaddu minn proċess li bih issirilhom kisra “Z” li tbiddel b'mod irriversibbli l-karatteristiċi fiżiċi tal-HTY sal-punt li l-prodott soġġett għall-kisra ma jkunx tajjeb biex jintuża minflok HTY. Il-proċess li bih issir il-kisra “Z” minnu nnifsu jittrasforma sostanzjalment l-HTY f'tip ta' ħjut tal-ħjata (GST) nofsu maħdum li jkun lest għall-għoti tal-kulur u/jew għal-lubrifikazzjoni. Ladarba l-GST jkun manifatturat, il-proċess huwa irriversibbli. Għalhekk, ma hemm l-ebda interkambjabbiltà bejn l-HTY (il-prodott ikkonċernat) u l-GST (il-prodott taħt rieżami).

    (30)

    Għaldaqstant, il-konklużjonijiet ta' hawn fuq jindikaw li l-GST u l-HTY huma żewġ prodotti differenti.

    (31)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li din l-investigazzjoni ta' rieżami kienet limitata għall-kjarifika tal-ambitu tal-prodott u li rriżultalha li l-GST ma kellux ikun kopert mid-definizzjoni tal-ambitu fil-miżura oriġinali.

    D.   KONKLUŻJONI DWAR L-AMBITU TAL-PRODOTT

    (32)

    L-investigazzjoni ta' rieżami indikat li l-prodott ikkonċernat fl-investigazzjoni oriġinali, l-HTY, u l-prodott taħt rieżami, il-GST, huma żewġ prodotti differenti.

    (33)

    Barra minn hekk, il-GST qatt ma kien intenzjonat li jkun fl-ambitu tal-investigazzjoni antidumping dwar l-HTY u ma kienx parti mill-analiżi li fuqha l-konklużjonijiet rigward id-dumping u d-dannu kienu bbażati oriġinalment.

    (34)

    Madankollu, il-bidla fid-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott fir-Regolament oriġinali proposta mill-applikant, jiġifieri, biex l-esklużjoni ġenerali tal-ST fid-definizzjoni tal-prodott tkun sostitwita b'dik tal-GST, flimkien ukoll mal-introduzzjoni ta' piż massimu tal-imserka ta' 2 kilogrammi, ma tistax tkun aċċettata. Modifika bħal din tkabbar b'mod artifiċjali l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri oriġinali, billi permezz tagħha kull ST għajr il-GST isiru soġġetti għad-dazji. Barra minn hekk, importatur ieħor li ppreżenta ruħu fil-proċedimenti ta' rieżami ssuġġerixxa limitu massimu saħansitra ogħla ta' anqas minn 2,5 kilogrammi għaliex huwa jimporta mserka ta' dak il-piż.

    (35)

    Għaldaqstant huwa xieraq li l-formulazzjoni tad-definizzjoni tal-prodott fil-miżuri antidumping fis-seħħ tkun emendata sabiex tinħoloq ċarezza dwar l-esklużjoni ta' kemm l-ST kif ukoll il-GST, b'dan tal-aħħar li huwa prodott intermedju fil-proċess tal-produzzjoni tal-ST. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata kull talba fil-futur fir-rigward tar-restrizzjoni speċifika fuq il-piż tal-GST, jinħtieġ li r-restrizzjoni speċifika fuq il-piż titneħħa mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

    (36)

    Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat jinħtieġ li tkun kif ġej:

    Il-prodott ikkonċernat huwa ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li mhux disponibbli għall-bejgħ għall-konsumatur, inkluż il-monofilament ta' anqas minn 67 deċitek, (bl-esklużjoni tal-ħajt għal ħjata u ħjut multipli (mitnijin) jew immaljati b'kisra “Z”, maħsuba għall-produzzjoni ta' ħajt għall-ħjata, lesti biex jingħataw il-kulur u biex jirċievu trattament tal-aħħar, imseffħa b'mod imlaħlaħ fuq tubu mtaqqab tal-plastik), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 5402 20 00 (il-kodiċi TARIC 5402200010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    (37)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-applikant ressaq kummenti u suġġerimenti dwar id-definizzjoni tal-prodott emendata kif proposta. L-applikant fakkar it-tħassib tiegħu fir-rigward tad-diffikultajiet possibbli fl-implimentazzjoni prattika tal-miżuri mill-awtoritajiet doganali nazzjonali kif ukoll l-aktar differenzjatur adegwat għall-esklużjoni tal-ħjut tal-ħjata mhux miżbugħin mid-definizzjoni tal-prodott.

    (38)

    L-investigazzjoni kkonkludiet li t-terminu “lesti biex jingħataw il-kulur u biex jirċievu trattament tal-aħħar” jiddeskrivi b'mod adegwat il-karatteristiċi fiżiċi tal-“ħjut multipli (mitnijin) jew immaljati b'kisra ‘Z’”, u ċċarat li l-ħjut multipli (mitnijin) jew immaljati huma b'kisra “Z” biss u la huma mogħtija l-kulur u lanqas irċevew it-trattament tal-aħħar. It-terminu “imseffħa b'mod imlaħlaħ fuq” jiddeskrivi wieħed miż-żewġ karatteristiċi tat-tip ta' imballaġġ. Il-karatteristika l-oħra tat-tip ta' imballaġġ hija deskritta permezz tat-terminu “tubu mtaqqab tal-plastik”.

    (39)

    Dwar it-tħassib espress mill-applikant fir-rigward tal-problemi possibbli li jirrigwardaw l-implimentazzjoni prattika min-naħa tal-awtoritajiet doganali tad-definizzjoni tal-prodott kif emendata, ma għandux jintesa li d-definizzjoni tal-prodott hija stabbilita biċ-ċar permezz ta' att tal-UE — regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni. It-terminu “imseffħa b'mod imlaħlaħ fuq” jinsab imdaħħal fid-definizzjoni tal-prodott bl-għan li jkun aktar faċli li ssir distinzjoni bejn l-imserka mseffħa b'mod imlaħlaħ u l-imserka mseffħa b'mod stirat tal-HTY, li huma soġġetti għal miżuri. It-tieni nett, anki jekk jista' jkun hemm diversi gradi ta' tlaħliħ jew stirar, id-differenza bejn it-tlaħliħ jew l-istirar tat-tisfiħ bejn l-imserka mseffħa b'mod imlaħlaħ tal-GST u l-imserka mseffħa b'mod stirat tal-HTY hija tant ovvja min-natura tagħha, li ma hemm l-ebda riskju li din tista' tiżvija lill-awtoritajiet doganali.

    (40)

    Fl-aħħar nett, anki jekk l-applikant issuġġerixxa li l-inseriment ta' differenzjatur abbażi tar-restrizzjoni fuq il-piż fid-definizzjoni tal-prodott tista' tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-definizzjoni tal-prodott mill-awtoritajiet doganali, ma ssostanzjax għaliex it-tqegħid ta' limitu ta' 2,5 kilogrammi fuq il-limitu massimu jkun wieħed xieraq, mingħajr ma jinħoloq ir-riskju li ssir diskriminazzjoni fil-konfront tal-produtturi li jimportaw prodotti simili b'aktar piż. Għar-raġunijiet kollha indikati hawn fuq, is-suġġerimenti addizzjonali li tressqu mill-applikant ma ntlaqgħux u d-definizzjoni mogħtija fil-premessa (36) aktar 'il fuq tqieset bħala xierqa.

    E.   L-APPLIKAZZJONI RETROATTIVA

    (41)

    Billi din l-investigazzjoni ta' rieżami kienet limitata għall-kjarifika tad-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott u billi l-GST ma kellhomx ikunu koperti mill-miżuri oriġinali, sabiex jiġi evitat li ssir ħsara konsegwenti lill-importaturi tal-prodott taħt rieżami, jitqies xieraq li l-konklużjoni ta' dan ir-rieżami tibda tapplika b'mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament oriġinali, inkluża kull importazzjoni soġġetta għal dazji proviżorji bejn l-1 ta' Ġunju 2010 u t-2 ta' Diċembru 2010.

    (42)

    Fin-Notifika ta' Bidu, il-partijiet interessati ġew espliċitament mistiedna biex jikkummentaw dwar effett possibbli retroattiv li l-konklużjonijiet jaf ikollhom. L-applikant u importatur wieħed tal-GST esprimew l-appoġġ tagħhom għall-applikazzjoni retroattiva u ħadd mill-partijiet interessati ma esprima oppożizzjoni għall-applikazzjoni retroattiva tar-riżultati tar-rieżami.

    (43)

    Konsegwentement, id-dazji proviżorji miġbura definittivament u d-dazji antidumping definittivi mħallsa fuq l-importazzjonijiet tal-GST fl-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 478/2010 (5) u r-Regolament oriġinali fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif prolongati permezz tar-Regolament tar-rieżami tal-iskadenza, jistgħu jitħallsu lura jew ikunu rimessi mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. Fil-każijiet li fihom il-limitu ta' żmien ta' tliet snin stipulat fl-Artikolu 121(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ikun skada dakinhar tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew qabel, jew jekk ikun jiskadi fi żmien sitt xhur wara dik id-data, dan għandu jkun prolongat għal perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 121(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

    (44)

    Dan ir-rieżami ma jaffettwax id-data li fiha r-Regolament tar-rieżami tal-iskadenza mhux se jibqa' validu aktar skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    F.   ID-DIVULGAZZJONI

    (45)

    Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Huma ngħataw ukoll perjodu biex jissottomettu l-kummenti wara d-divulgazzjoni.

    (46)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Dazju definittiv antidumping qiegħed b'dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja mhux disponibbli għall-bejgħ għall-konsumatur, inkluż il-monofilament ta' inqas minn 67 deċitek (bl-esklużjoni tal-ħajt għal ħjata u ħjut multipli (mitnijin) jew immaljati b'kisra “Z”, maħsuba għall-produzzjoni ta' ħajt għall-ħjata, lesti biex jingħataw il-kulur u biex jirċievu trattament tal-aħħar, imseffħa b'mod imlaħlaħ fuq tubu mtaqqab tal-plastik), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM 5402 20 00 (il-kodiċi TARIC 5402200010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.”

    Artikolu 2

    Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Dazju definittiv antidumping qiegħed b'dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja mhux disponibbli għall-bejgħ għall-konsumatur, inkluż il-monofilament ta' inqas minn 67 deċitek, (bl-esklużjoni tal-ħajt għal ħjata u ħjut multipli (mitnijin) jew immaljati b'kisra “Z”, maħsuba għall-produzzjoni ta' ħajt għall-ħjata, lesti biex jingħataw il-kulur u biex jirċievu trattament tal-aħħar, imseffħa b'mod imlaħlaħ fuq tubu mtaqqab tal-plastik), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM 5402 20 00 (il-kodiċi TARIC 5402200010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.”

    Artikolu 3

    Għal oġġetti li mhumiex koperti mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 478/2010 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010, kif prolongati permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 u emendati permezz ta' dan ir-Regolament, id-dazji antidumping definittivi mħallsa jew imdaħħlin fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 478/2010 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010, kif prolongati permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/325 qabel l-emenda permezz ta' dan ir-Regolament, għandhom jitħallsu lura jew ikunu rimessi mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

    Fil-każijiet li fihom il-limitu ta' żmien ta' tliet snin stipulat fl-Artikolu 121(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 ikun skada dakinhar tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew qabel, jew jekk ikun jiskadi fi żmien sitt xhur wara dik id-data, dan għandu jkun prolongat għal perjodu ta' sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 121(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika b'mod retroattiv mit-2 ta' Diċembru 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 tad-29 ta' Novembru 2010 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L 315, 1.12.2010, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 tal-24 ta' Frar 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 49, 25.2.2017, p. 6).

    (4)  ĠU C 384, 18.10.2016, p. 15.

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 478/2010 tal- 1 ta' Ġunju 2010 li jimponi dazju provviżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ħjut tal-polijesteri ta' tenaċità għolja li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 135, 2.6.2010, p. 3).

    (6)  Ir- Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


    Top