Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1125

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1125 tat-22 ta' Ġunju 2017 li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/taż-żift taż-żejt tat-tall, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/4200

    ĠU L 163, 24.6.2017, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1125/oj

    24.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 163/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1125

    tat-22 ta' Ġunju 2017

    li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/taż-żift taż-żejt tat-tall, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/taż-żift taż-żejt tat-tall bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 637/2012 (4) l-Istati Membri kkonċernati kellhom jiżguraw li n-notifikatur, li fuq talba tiegħu ġiet inkluża s-sustanza ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żift taż-żejt tat-tall, jipprovdi aktar tagħrif ta' konferma dwar l-ekwivalenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, u dawk tal-materjal tat-test użat fid-dossiers dwar it-tossiċità u dwar il-profil tossikoloġiku tas-sustanza sal-1 ta' Mejju 2013 u sal-31 ta' Mejju 2014 rispettivament.

    (2)

    Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5).

    (3)

    Fid-29 ta' April 2013 u fis-6 ta' Mejju 2014, in-notifikatur ippreżenta tagħrif bl-għan li jikkonforma mal-obbligu li jippreżenta aktar tagħrif kif imsemmi fil-premessa 1, lill-Istat Membru relatur, il-Greċja.

    (4)

    Il-Greċja vvalutat it-tagħrif ippreżentat min-notifikatur, inkluż xi tagħrif ulterjuri relatat mal-preżentazzjoni inizjali li tressqet matul il-proċess ta' evalwazzjoni. Ippreżentat il-valutazzjoni tagħha, fil-forma ta' addenda tal-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “l-Awtorità” f'Ottubru 2013 u f'Novembru 2015.

    (5)

    L-Istati Membri, l-applikant u l-Awtorità ġew ikkonsultati u mitluba jipprovdu l-kummenti tagħhom fuq il-valutazzjoni tal-Istat Membru relatur.

    (6)

    Fid-dawl tat-tagħrif ipprovdut min-notifikatur, l-evalwazzjoni ta' dan it-tagħrif mill-Istat Membru relatur u l-kummenti ppreżentati dwar l-evalwazzjoni mill-Istati Membri u mill-EFSA, il-Kummissjoni tqis li t-tagħrif ta' konferma ma ġiex ipprovdut billi t-tagħrif ippreżentat min-notifikatur mhuwiex biżżejjed biex tintlaħaq konklużjoni dwar l-ekwivalenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, u dawk tal-materjal tat-test użat fid-dossiers dwar it-tossiċità, jew dwar il-profil tossikoloġiku tas-sustanza.

    (7)

    Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex jippreżenta l-kummenti tiegħu fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    (8)

    Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikatur, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-tagħrif ippreżentat mhuwiex komplut u ma jippermettix li tintlaħaq konklużjoni dwar l-ekwivalenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal tekniku, kif immanifatturat kummerċjalment, u dawk tal-materjal tat-test użat fid-dossiers dwar it-tossiċità, jew dwar il-profil tossikoloġiku tas-sustanza li trid issir.

    (9)

    Konsegwentement, huwa xieraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni ta' dik is-sustanza attiva.

    (10)

    Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza attiva.

    (12)

    Fir-rigward tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta' grazzja b'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu jenħtieġ li jiskadi sa mhux aktar tard mill-14 ta' Ottubru 2018.

    (13)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Irtirar tal-approvazzjoni

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żift taż-żejt tat-tall qed tiġi rtirata.

    Artikolu 2

    Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 251, Ripellenti (permezz ta' riħa) ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żift taż-żejt tat-tall, għandha titħassar.

    Artikolu 3

    Miżuri tranżizzjonali

    L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żift taż-żejt tat-tall bħala sustanza attiva mhux aktar tard mill-14 ta' Ottubru 2017.

    Artikolu 4

    Perjodu ta' grazzja

    Kull perjodu ta' grazzja li jagħtu l-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-14 ta' Ottubru 2018.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 637/2012 tat-13 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi sulfat tal-ħadid, ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żejt tat-tall mhux raffinat u ripellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/żift taż-żejt tat-tall (ĠU L 186, 14.7.2012, p. 20).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    Top