EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1084

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1084 tal-14 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f'dak li għandu x'jaqsam ma' għajnuna għal infrastruttura tal-port u tal-ajruport, livelli limitu ta' notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta' għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/4213

ĠU L 156, 20.6.2017, p. 1–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1084/oj

20.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1084

tal-14 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f'dak li għandu x'jaqsam ma' għajnuna għal infrastruttura tal-port u tal-ajruport, livelli limitu ta' notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta' għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a)(xiv) u l-Artikolu 1(1)(b) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (2) jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern u eżenti mir-rekwiżit li jridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jingħataw. Ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 ħabbar li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tagħmel rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament bil-għan li jiġu inklużi kategoriji oħra ta' għajnuna, u b'mod partikolari għajnuna għal infrastruttura tal-portijiet u tal-ajruporti, ladarba tkun inkisbet biżżejjed esperjenza mill-każijiet.

(2)

Fid-dawl tal-esperjenza li kisbet il-Kummissjoni u sabiex jiġu ssimplifikati u ċċarati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll biex jitnaqqas il-piż amministrattiv li ġġib miegħu n-notifika ta' miżuri diretti ta' għajuna mill-Istat u biex il-Kummissjoni tkun tista' tiffoka fuq il-każijiet potenzjalment l-iktar distortivi, l-għajnuna għall-infrastrutturi tal-portijiet u tal-ajruporti jenħtieġ li tiġi inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 651/2014.

(3)

Għajnuna għall-investiment lil ajruporti reġjonali b'volum medju ta' traffiku annwali ta' passiġġieri sa tliet miljun passiġġier tista' ttejjeb kemm l-aċċessibbiltà ta' ċerti reġjuni kif ukoll l-iżvilupp lokali, skont l-ispeċifiċitajiet ta' kull ajruport. B'hekk dan it-tip ta' investiment jappoġġa l-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku ulterjuri u għall-objettivi ta' interess komuni għall-Unjoni. L-esperjenza miksuba wara l-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u lill-kumpaniji tal-ajru (3) turi li l-għajnuna għall-investiment lil ajruporti reġjonali ma tagħtix lok għal distorsjoni mhux xierqa tal-kummerċ u l-kompetizzjoni, sakemm ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfati. Għalhekk, l-għajnuna għall-investiment lil ajruporti reġjonali għandha tkun koperta mill-eżenzjoni ta' kategorija fir-Regolament (UE) Nru 651/2014, sakemm jiġu ssodisfati dawk il-kundizzjonijiet. Mhuwiex xieraq li jiġi stabbilit limitu għan-notifika f'termini tal-ammont tal-għajnuna, ladarba l-impatt kompetittiv ta' miżura ta' għajnuna jkun jiddependi prinċipalment fuq id-daqs tal-ajruport u mhux fuq id-daqs tal-għajnuna.

(4)

Il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta' għajnuna mir-rekwiżit ta' notifika għandu jkollhom l-għan li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jxekklu il-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, b'mod partikolari billi tkun żgurata l-proporzjonalità tal-ammont ta' għajnuna. Sabiex tkun proporzjonata, l-għajnuna għall-investiment għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet. L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex tkun iktar mill-intensità massima permissibbli tal-għajnuna, li tvarja skont id-daqs tal-ajruport. Barra minn hekk, l-ammont ta' għajnuna ma għandux ikun iktar mid-differenza bejn l-ispejjeż eleġibbli u l-qligħ operatorju tal-investiment. Fil-każ ta' ajruporti żgħar ħafna sa 200 000 passiġġier fis-sena, l-għajnuna għall-investiment għandha tkun meħtieġa biss li tissodisfa waħda minn dawk il-kundizzjonijiet. Il-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà għandhom jiżguraw aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. L-eżenzjoni ma għandhiex tapplika għal għajnuna għall-investiment li tingħata lil ajruporti li jinsabu fil-viċinanzi ta' ajruport eżistenti fejn jitħaddmu servizzi bl-ajru skedati, minħabba li għajnuna ta' dak it-tip lil ajruporti bħal dawk iġġib magħha riskju akbar ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u għalhekk trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna mogħtija lil ajruporti żgħar ħafna sa 200 000 passiġġier fis-sena, fejn mhux probabbli li din tirriżulta f'distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

(5)

Għajnuna operatorja lil ajruporti żgħar ħafna sa 200 000 passiġġier fis-sena ma tagħtix lok għal distorsjoni eċċessiva ta' kummerċ u kompetizzjoni, sakemm jiġu sodisfati ċerti kundizzjonijiet. Il-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà għandhom jiżguraw li l-ammont ta' għajnuna ma jkunx iktar mit-telf operatorju u profitt raġonevoli u li jkun hemm aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. Barra minn hekk, l-ebda għajnuna ma għandha tingħata taħt il-kundizzjoni li operatur ta' ajruport jikkonkludi arranġamenti ma' kumpanija tal-ajru waħda jew iktar li għandhom x'jaqsmu mal-imposti tal-ajruport, pagamenti ta' kummerċjalizzazzjoni jew ma' aspetti finanzjarji oħra fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-linja tal-ajru f'dak l-ajruport. L-arranġamenti bejn ajruport li għandu riżorsi pubbliċi għad-dispożizzjoni tiegħu u linja tal-ajru jistgħu, f'ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lill-linja tal-ajru kkonċernata (4), u dik għajnuna għandha tibqa' kompletament soġġetta għar-rekwiżit ta' notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(6)

Il-portijiet marittimi huma ta' importanza strateġika għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif stabbiliti, fost l-oħrajn, fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” (5). Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni “Portijiet: magna għat-tkabbir” (6), it-tħaddim effettiv tal-portijiet kollha fir-reġjuni marittimi tal-Unjoni jeħtieġ investiment pubbliku u privat. L-investimenti huma meħtieġa, b'mod partikolari, għall-adattament tal-infrastruttura ta' aċċess tal-portijiet u tal-infrastruttura tal-portijiet għaż-żieda fid-daqs u fil-kumplessità tal-flotta, għall-użu ta' infrastruttura ta' fjuwil alternattiva u għal rekwiżiti iktar stretti dwar il-prestazzjoni ambjentali. In-nuqqas ta' infrastruttura tal-port ta' kwalità tajba tirriżulta f'konġestjoni u spejjeż żejda għal kumpaniji tat-tbaħħir, għal operaturi tat-trasport u għall-konsumaturi.

(7)

L-iżvilupp ta' portijiet interni u l-integrazzjoni tagħhom f'trasport multimodali huwa objettiv ewlieni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni. Ir-regoli tal-Unjoni għandhom l-għan espliċitu li jsaħħu l-intermodalità tat-trasport u l-bidla lejn modi ta' trasport li jirrispettaw iktar l-ambjent bħat-trasport bil-ferrovija u bil-baħar/fuq passaġġi tal-ilma interni.

(8)

Il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta' għajnuna lil portijiet mir-rekwiżit ta' notifika għandu jkollhom l-għan li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jxekklu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern, b'mod partikolari billi tkun żgurata l-proporzjonalità tal-ammont ta' għajnuna. Sabiex tkun proporzjonata, l-għajnuna għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet. L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex tkun iktar mill-intensità massima permissibbli ta' għajnuna, li għall-portijiet marittimi tvarja skont id-daqs tal-proġett ta' investiment. Barra minn hekk, l-ammont ta' għajnuna ma għandux ikun iktar mid-differenza bejn l-ispejjeż eleġibbli u l-qligħ operatorju tal-investiment, ħlief fil-każ ta' ammonti żgħar ħafna ta' għajnuna li għalihom huwa xieraq li jittieħed approċċ simplifikat sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Il-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà għandhom jiżguraw ukoll li kull konċessjoni jew inkarigu ieħor lil parti terza biex tibni, ittejjeb, topera u/jew tikri l-infrastruttura ta' port megħjuna tkun assenjata fuq bażi kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u mhux kundizzjonata, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, fejn applikabbli. Għandu jkun żgurat ukoll aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura.

(9)

L-investimenti inklużi fil-pjanijiet ta' ħidma tal-kurituri tan-netwerk ewlieni stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) huma proġetti ta' interess komuni b'mod partikolari b'interess strateġiku għall-Unjoni. Il-portijiet marittimi li jagħmlu parti minn dawk in-netwerks huma l-punti tad-dħul u ta' ħruġ ta' oġġetti li qed jiġu ttrasportati 'l ġewwa u 'l barra mill-Unjoni. Il-portijiet interni li jagħmlu parti minn dawk in-netwerks huma fatturi ewlenin li jippermettu l-multimodalità tan-netwerk. Investimenti bl-għan li jtejbu l-prestazzjoni ta' dawk il-portijiet għandhom jibbenefikaw minn limitu għola ta' notifika.

(10)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba wara l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 (8), huwa wkoll xieraq li jiġu adattati ċerti dispożizzjonijiet ta' dawk ir-Regolamenti.

(11)

B'mod partikolari rigward l-iskemi operatorji ta' għajnuna reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-applikazzjoni ta' regoli differenti ta' kumpens għal spejjeż addizzjonali ta' trasport u ta' spejjeż addizzjonali oħra kienet diffiċli fil-prattika u mhux xierqa biex tindirizza n-nuqqasijiet strutturali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 349 tat-Trattat, id-distanza u l-insularità, iċ-ċokon, topografija u klima diffiċli, id-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li minħabba l-permanenza u l-fatt li jiġu kkumbinati flimkien jirrestrinġu ħafna l-iżvilupp tagħhom, u d-dispożizzjonijiet għandhom għalhekk jiġu sostitwiti b'metodu li japplika għall-ispejjeż addizzjonali kollha. L-implimentazzjoni ta' miżuri ta' investiment u ta' għajnuna operatorja reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi li, fost l-oħrajn, ikunu ta' benefiċċju għall-impriżi attivi fis-settur tas-sajd għandha tkun konformi mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali fejn hija parti kontraenti. Għalhekk, dawk il-miżuri ta' investiment u għajnuna operatorja reġjonali m'għandhomx jibbenefikaw bastimenti involuti f'sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat jew jikkontribwixxu għal sajd żejjed jew għal żieda fil-kapaċità tas-sajd ta' bastimenti.

(12)

Fid-dawl tal-effetti negattivi limitati fuq il-kompetizzjoni li għandhom l-għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u l-għajnuna għal infrastrutturi sportivi u multifunzjonali, il-llimiti ta' notifika għal għajnuna f'dawk l-oqsma għandhom jiżdiedu.

(13)

Sabiex jiġi simplifikat il-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 għal operazzjonijiet li huma, mill-inqas, parzjalment iffinanzjati permezz ta' fond tal-Unjoni li jippermetti l-użu ta' għażliet simplifikati għall-ispejjeż, id-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż eliġibbli jenħtieġ li jkunu adattati.

(14)

Skont l-istrument għall-SMEs ta' Horizon 2020 kif imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-proġetti jistgħu jirċievu t-tikketta tal-kwalità tas-Siġill tal-Kummissjoni ta' Eċċellenza. Proġetti bħal dawn, minħabba l-ammonti limitati ta' għajnuna ta' massimu ta' EUR 2,5 miljun għal kull proġett u l-fatt li huma immirati esklussivament lejn l-SMEs, jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika skont ir-regoli tar-Regolament (UE) Nru 651/2014.

(15)

Jenħtieġ għalhekk, li r-Regolament (UE) Nru 651/2014 u r-Regolament (UE) Nru 702/2014 jiġu emendati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 651/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

(i)

il-punti (k) u (l) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(k)

l-għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta' rikreazzjoni multifunzjonali;

(l)

l-għajnuna għall-infrastrutturi lokali;”;

(ii)

għandhom jiżdiedu l-punti (m) u (n) li ġejjin:

“(m)

l-għajnuna għall-ajruporti reġjonali;

(n)

l-għajnuna għall-portijiet.”;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

għajnuna mogħtija lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, kif koperta mir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) bl-eċċezzjoni għal għajnuna għat-taħriġ, għajnuna għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, għajnuna fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna għall-innovazzjoni għall-SMEs, u għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b'diżabbiltà u għajnuna għall-investiment reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi u l-iskemi operatorji ta' għajnuna reġjonali;

(b)

għajnuna mogħtija fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna għall-investiment reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, l-iskemi ta' għajnuna operattiva reġjonali, l-għajnuna għal konsultazzjoni favur l-SMEs, għajnuna għall-finanzjament tar-riskju, għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna lill-SME's għall-innovazzjoni, għajnuna ambjentali, għajnuna għat-taħriġ u għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati u għall-ħaddiema b'diżabilità;

(c)

għajnuna mogħtija lis-settur tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, fil-każijiet li ġejjin:

(i)

fejn l-ammont tal-għajnuna jiġi stabbilit skont il-prezz jew il-kwantità ta' dawn il-prodotti mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati;

(ii)

fejn l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha kemm hi tingħata lill-produtturi primarji;

(d)

għajnuna biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi, kif kopert bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE (*2);

(e)

il-kategoriji ta' għajnuna reġjonali msemmija fl-Artikolu 13.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1)."

(*2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24).”;"

(c)

il-paragrafu 4 hu emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

skemi ta' għajnuna li ma jeskludux espliċitament il-ħlas tal-għajnuna individwali favur impriża li tkun soġġetta għal ordni pendenti ta' rkupru wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni fejn l-għajnuna mogħtija mill-istess Stat Membru hija ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern, bl-eċċezzjoni ta' skemi ta' għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali;”;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

għajnuna lil impriżi f'diffikultà, bl-eċċezzjoni ta' skemi ta' għajnuna li jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali, l-iskemi ta' għajnuna tal-bidu u l-iskemi għal għajnuna operatorja reġjonali, sakemm dawn l-iskemi ma jiffavorixxux l-impriżi f'diffikultà iktar mill-impriżi l-oħrajn.”;

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (39) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(39)

‘qligħ operatorju’ tfisser id-differenza bejn id-dħulijiet skontati u l-ispejjeż operatorji skontati tul il-ħajja ekonomika tal-investiment, meta dik id-differenza hija pożittiva. L-ispejjeż operatorji jinkludu spejjeż bħal spejjeż marbut mal-persunal, materjali, kuntratti ta' servizz, komunikazzjoni, enerġija, manutenzjoni, kera, amministrazzjoni, iżda jeskludu spejjeż b'rabta mad-deprezzament u l-ispejjeż tal-iffinanzjar jekk dawk ikunu ġew koperti mill-għajnuna għall-investiment. Meta d-dħul u l-ispejjeż operatorji jiġu skontati bl-użu ta' rata ta' skont xierqa jkun jista' jsir profitt raġonevoli;”;

(b)

il-punt (42) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(42)

‘għajnuna operatorja reġjonali’ tfisser għajnuna li tnaqqas in-nefqa kurrenti tal-impriża. Din tinkludi kategoriji ta' spejjeż bħal spejjeż ta' persunal, materjali, kuntratti ta' servizz, komunikazzjoni, enerġija, manutenzjoni, kera, amministrazzjoni, iżda teskludi l-ispejjeż marbuta mad-deprezzament u dawk tal-iffinanzjar jekk ikunu ġew inklużi fl-ispejjeż eleġibbli meta ngħatat l-għajnuna għall-investiment;”;

(c)

il-punt (48) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(48)

‘żoni skarsament popolati’ tfisser reġjuni tan-NUTS 2 b'inqas minn 8 abitanti għal kull km2 jew reġjuni tan-NUTS 3 b'inqas minn 12,5 abitanti għal kull km2 jew żoni li huma rikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala tali f'deċiżjoni individwali fuq mappa ta' għajnuna reġjonali fis-seħħ fil-mument li tingħata l-għajnuna;”;

(d)

jiddaħħal il-punt (48a) li ġej:

“(48a)

‘żoni ħafna skarsament popolati’ tfisser reġjuni tan-NUTS 2 b'inqas minn 8 abitanti għal kull km2 jew żoni li huma rikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala tali f'deċiżjoni individwali fuq mappa ta' għajnuna reġjonali fis-seħħ fil-mument li tingħata l-għajnuna;”;

(e)

il-punt (55) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(55)

‘iż-żoni eliġibbli għall-għajnuna operatorja’ tfisser reġjun ultraperiferiku msemmi fl-Artikolu 349 tat-Trattat, żona skarsament popolata, jew żona ħafna skarsament popolata;”;

(f)

jiddaħħal il-punt (61a) li ġej:

“(61a)

‘rilokazzjoni’ tfisser it-trasferiment ta' attività identika jew simili jew parti minnha minn stabbiliment f'parti kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE (l-istabbiliment inizjali) għall-istabbiliment fejn l-investiment megħjun għandu jseħħ f'parti kontraenti oħra tal-Ftehim taż-ŻEE (l-istabbiliment li ġie megħjun). Ikun hemm trasferiment jekk il-prodott jew is-servizz fl-istabbiliment inizjali u dak megħjun iservi tal-inqas parzjalment l-istess għanijiet u jilħaq it-talbiet jew il-ħtiġijiet tal-istess tip ta' klijenti u jintilfu impjiegi f'attività identika jew simili f'wieħed mill-istabbilimenti tal-benefiċjarju fiż-ŻEE;”;

(g)

wara l-punt 143, jiddaħħlu t-titoli u l-punti (144) sa (165) li ġejjin:

“Definizzjonijiet ta' Għajnuna għal ajruporti reġjonali

(144)

‘infrastruttura tal-ajruport’ tfisser infrastruttura u tagħmir għall-provvista ta' servizzi tal-ajruport mill-ajruport lil-linji tal-ajru u lill-fornituri varji tas-servizzi, inklużi r-runways, it-terminals, ir-rampa tal-ajruport, it-taxiways, l-infrastruttura ċentralizzata tal-groundhandling u kull faċilità oħra li tappoġġa direttament lis-servizzi tal-ajruport, esklużi l-infrastruttura u t-tagħmir, li huma primarjament meħtieġa biex jiġu segwiti attivitajiet mhux ajrunawtiċi;

(145)

‘linja tal-ajru’ tfisser kull linja tal-ajru b'liċenzja operattiva valida maħruġa minn Stat Membru jew minn Membru tal-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

(146)

‘ajruport’ tfisser entità jew grupp ta'entitajiet li jwettqu l-attività ekonomika li tipprovdi servizzi tal-ajruport lil-linji tal-ajru;

(147)

‘servizzi tal-ajruport’ tfisser servizzi pprovduti lil-linji tal-ajru minn ajruport jew kull wieħed mis-sussidjarji tiegħu biex ikun żgurat l-immaniġġar tal-inġenji tal-ajru, mill-inżul sat-tluq, u tal-passiġġieri u l-merkanzija, biex jippermettu li l-linji tal-ajru jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru; inkluża l-provvista ta' servizzi ta' groundhandling u l-provvista ta' infrastruttura ċentralizzata tal-groundhandling;

(148)

‘traffiku annwali medju tal-passiġġieri’ tfisser ċifra ddeterminata fuq il-bażi tat-traffiku tal-passiġġieri deħlin u dawk ħerġin matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel dik li fiha tkun ingħatat l-għajnuna;

(149)

‘infrastruttura ċentralizzata tal-groundhandling’ tfisser infrastruttura li normalment hija mħaddma mill-maniġer tal-ajruport u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' diversi fornituri tas-servizzi tal-groundhandling li huma attivi f'ajruport bi skambju għal remunerazzjoni, eskluż tagħmir proprjetà ta' fornituri ta' servizzi ta' groundhandling jew imħaddma minnhom;

(150)

‘tren ta' veloċità kbira’ tfisser tren li kapaċi jlaħħaq veloċità ta' iktar minn 200 km/h;

(151)

‘servizzi ta' groundhandling’ tfisser is-servizzi pprovduti lill-utenti tal-ajruporti fl-ajruporti kif deskritt fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (*4);

(152)

‘attivitajiet mhux ajrunawtiċi’ tfisser servizzi kummerċjali lil-linji tal-ajru jew lil utenti oħra tal-ajruport, bħal servizzi anċillari għal passiġġieri, trasportaturi tal-merkanzija jew fornituri oħra tas-servizz, il-kiri ta' uffiċċji u ħwienet, parkeġġi u lukandi;

(153)

‘ajruport reġjonali’ tfisser kull ajruport b'volum medju ta' traffiku annwali ta' passiġġieri sa 3 miljun passiġġier;

Definizzjonijiet għall-Għajnuna għall-portijiet

(154)

‘port’ tfisser żona ta' art u ilma b'infrastruttura u tagħmir simili, li jippermetti li jiġu akkomodati bastimenti, it-tagħbija u l-ħatt tagħhom, il-ħżin ta' prodotti, l-aċċettazzjoni u l-kunsinna ta' dawk il-prodotti u l-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri, l-ekwipaġġ u persuni oħra u kull infrastruttura oħra meħtieġa għall-operaturi tat-trasport fiż-żona tal-port;

(155)

‘port marittimu’ tfisser port li prinċipalment jakkomoda bastimenti fuq l-ilma bil-baħar;

(156)

‘port intern’ tfisser port ieħor għajr port marittimu, biex jakkomoda bastimenti li jbaħħru fuq passaġġi fuq l-ilma interni;

(157)

‘infrastruttura tal-portijiet’ tfisser infrastruttura u faċilitajiet għall-forniment ta' servizzi portwarji relatati mat-trasport, inklużi irmiġġi użati għall-irmiġġ ta' bastimenti, ħitan tal-mollijiet, mollijiet u rampi tal-pontun varjabbli f'żoni tal-marea, baċiri interni, backfills u reklamazzjoni tal-art, infrastruttura ta' fjuwil alternattiv u infrastruttura għall-ġbir ta' skart iġġenerat mill-bastimenti u r-residwi tal-merkanzija;

(158)

‘sovrastruttura tal-port’ tfisser arranġamenti tas-superfiċje (bħal pereżempju għall-ħżin), apparat fiss (bħal imħażen u bini tat-terminals) kif ukoll it-tagħmir mobbli (bħal krejnijiet) li jinsab f'port għall-forniment ta' servizzi portwarji relatati mat-trasport;

(159)

‘infrastruttura għall-aċċess’ tfisser kull tip ta' infrastruttura meħtieġa biex jiġu żgurati l-aċċess u d-dħul mill-art jew mill-baħar u mix-xmajjar mill-utenti għal port, jew f'port, bħal toroq, linji ferrovjarji, kanali ta' aċċess u locks;

(160)

‘tħammil’ tfisser it-tneħħija ta' sedimenti minn qiegħ l-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma għal port jew f'port;

(161)

‘infrastruttura għall-fjuwils alternattivi’ tfisser infrastruttura tal-port fissa, mobbli jew offshore li tippermetti li port jipprovdi bastimenti b'sorsi ta' enerġija bħall-elettriku, l-idroġenu, il-bijofjuwils kif iddefiniti fil-punt (i) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28/KE, il-karburanti sintetiċi u paraffiniċi, il-gass naturali, inkluż il-bijometan, f'forma gassuża (gass naturali kkompressat (CNG)) u f'forma likwifikata (gass naturali likwifikat (LNG)) u l-gass likwifikat miż-żejt (LPG) li iservu, mill-inqas parzjalment, ta' sostitut għas-sorsi ta' żejt fossili fil-provvista tal-enerġija għat-trasport, u li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport;

(162)

‘bastimenti’ tfisser strutturi li jżommu f'wiċċ l-ilma, sew jekk awtopropulsivi jew le, li jkollhom buq ta' spostament wieħed jew iktar;

(163)

‘bastimenti tal-baħar’ tfisser bastimenti ta' xort'oħra minn dawk li jbaħħru biss jew prinċipalment fuq passaġġi fuq l-ilma interni jew f'ilmijiet imkennija jew li jmissu mill-qrib magħhom;

(164)

‘bastiment tal-passaġġi fuq l-ilma interni’ tfisser bastimenti maħsuba esklużivament jew prinċipalment biex ibaħħru f'passaġġi fuq l-ilma interni jew f'ilmijiet imkennija jew li jmissu mill-qrib magħhom;

(165)

‘infrastrutturi għall-ġbir tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija’ tfisser faċilitajiet tal-port fissi, li jżommu f'wiċċ l-ilma jew mobbli u kapaċi jirċievu l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u mill-fdalijiet tal-merkanzija kif definit fid-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3)."

(*4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36)."

(*5)  Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).”;"

(3)

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (z) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(z)

għal għajnuna għall-investiment għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju: EUR 150 miljun għal kull proġett; l-għajnuna operatorja għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju: EUR 75 miljun għal kull impriża kull sena;”;

(b)

il-punt (bb) huwa sostitwit b'dan li kif ġej:

“(bb)

għal għajnuna għall-ininvestiment għall-isport u għall-infrastrutturi rikreazzjonali multifunzjonali: EUR 30 miljun jew l-ispejjeż totali li jaqbżu EUR 100 miljun għal kull proġett; l-għajnuna operatorja għall-infrastruttura sportiva: EUR 2 miljuni għal kull infrastruttura fis-sena;”;

(c)

għandhom jiżdiedu l-punti (dd), (ee) u (ff) li ġejjin:

“(dd)

għal għajnuna għal ajruporti reġjonali: l-intensitajiet tal-għajnuna u l-ammonti ta' għajnuna stabbiliti fl-Artikolu 56a;

(ee)

għal għajnuna għal portijiet marittimi: spejjeż eleġibbli ta' EUR 130 miljun għal kull proġett (jew EUR 150 miljun għal kull proġett f'port marittimu inkluż fil-pjan ta' ħidma ta' Kuritur tan-Netwerk Ewlieni kif imsemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6); fir-rigward tat-tħammil, proġett hu definit bħala kwalunkwe tħammil imwettaq f'perjodu ta' sena kalendarja;

(ff)

għal għajnuna għal portijiet interni: spejjeż eleġibbli ta' EUR 40 miljun għal kull proġett (jew EUR 50 miljun għal kull proġett f'port intern inkluż fil-pjan ta' ħidma ta' Kuritur tan-Netwerk Ewlieni kif imsemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013); fir-rigward tat-tħammil, proġett hu definit bħala kwalunkwe tħammil imwettaq f'perjodu ta' sena kalendarja.

(*6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).”;"

(4)

fl-Artikolu 5(2), jiżdied il-punt (k) li ġej:

“(k)

għajnuna fil-forma ta' bejgħ jew kiri ta' assi tanġibbli b'rati iktar baxxi mir-rati tas-suq fejn il-valur huwa stabbilit permezz ta' evalwazzjoni minn esperti indipendenti qabel it-tranżazzjoni jew b'referenza għal punt ta' riferiment disponibbli pubblikament u aġġornat regolarment u ġeneralment aċċettat.”;

(5)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

l-għajnuna operatorja reġjonali u l-għajnuna għall-iżvilupp urban reġjonali, fejn il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16 ikunu ġew issodisfati;”;

(b)

il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej;

“(d)

l-għajnuna li tikkumpensa għall-spejjeż addizzjonali biex jiġu impjegati ħaddiema b'diżabilità u għajnuna għall-kumpens tal-ispejjeż tal-assistenza pprovduta lil ħaddiema żvantaġġati, fejn il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 34 u 35 ikunu ġew issodisfati;”;

(6)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-ammonti ta' spejjeż eleġibbli jistgħu jiġu kkalkolati skont l-opzjonijiet tal-ispejjeż simplifikati previsti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7), sakemm l-operazzjoni tkun mill-inqas finanzjata parzjalment permezz ta' fond tal-Unjoni li jippermetti li jintużaw dawk l-opzjonijiet ta' spejjeż simplifikati u li l-kategorija ta' spejjeż tkun eliġibbli skont id-dispożizzjoni ta' eżenzjoni rilevanti.

(*7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).”;"

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“L-għajnuna pagabbli fil-futur, inkluża għajnuna f'għadd ta' pagamenti, għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata.”;

(c)

jitħassar il-paragrafu 4;

(7)

fl-Artikolu 8, għandu jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.   Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1 sa 6, meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk il-limiti massimi ta' għajnuna operatorja reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif stabbilit fl-Artikolu 15(4), humiex rispettati, għandha titqies biss l-għajnuna operatorja reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi implimentata skont dan ir-Regolament.”;

(8)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Monitoraġġ

1.   Biex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja l-għajnuna eżentata min-notifika minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri, jew inkella, f'każ li l-għajnuna tkun ingħatat lill-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, l-Istat Membru li fih tinsab l-Awtorità Maniġerjali, għandhom iżommu reġistri dettaljati bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta' sostenn meħtieġa biex jistabbilixxu li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dawn ir-reġistri għandhom jinżammu għal 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna ad hoc jew tkun ingħatat l-aħħar għajnuna skont l-iskema.

2.   Fil-każ ta' skemi li fihom tingħata għajnuna fiskali fuq bażi awtomatika, bħal dawk ibbażati fuq dikjarazzjonijiet tat-taxxa tal-benefiċjarji, u fejn ma tkun saret l-ebda verifika ex ante li l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà jkunu ġew issodisfati kollha minn kull benefiċjarju, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw b'mod regolari, mill-inqas fuq bażi ex post u fuq bażi ta' kampjuni, li l-kundizzjonijiet kollha ta' kompatibbiltà huma ssodisfati, u għandhom jaslu għall-konklużjonijiet neċessarji. L-Istati Membri għandhom iżommu reġistri dettaljati tal-verifiki għal mill-inqas 10 snin mid-data tal-kontrolli.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob, minn kull Stat Membru, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta' sostenn kollha li l-Kummissjoni tqis neċessarji biex timmonitorja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluża l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba u d-dokumenti ta' sostenn fi żmien 20 jum ta' xogħol minn meta jirċievi it-talba jew f'perjodu itwal li jista' jiġi stabbilit fit-talba.”;

(9)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna reġjonali

Din it-Taqsima ma tapplikax għal:

(a)

għajnuna li tiffavorixxi attivitajiet fis-settur tal-azzar, fis-settur tal-faħam, fis-settur tal-bini tal-bastimenti u fis-settur tal-fibri sintetiċi;

(b)

għajnuna għas-settur tat-trasport kif ukoll għall-infrastruttura relatata, u għajuna għall-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni u l-infrastruttura tal-enerġija ħlief għal għajnuna ta' investiment reġjonali u skemi tal-għajnuna operatorja reġjonali;

(c)

għajnuna reġjonali fil-forma ta' skemi li huma mmirati lejn għadd limitat ta' setturi speċifiċi ta' attività ekonomika; skemi mmirati lejn attivitajiet turistiċi, l-infrastrutturi broadband jew l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli mhumiex ikkunsidrati li huma mmirati lejn setturi speċifiċi tal-attività ekonomika;

(d)

l-għajnuna operatorja reġjonali li tingħata lil impriżi li l-attività ewlenija tagħhom taqa' taħt it-Taqsima K ‘Attivitajiet finanzjarji u ta' assigurazzjoni’ tan-NACE Rev. 2 jew lil impriżi li jwettqu attivitajiet intragrupp li l-attività ewlenija tagħhom taqa' taħt il-klassijiet 70.10 ‘Attivitajiet tal-uffiċċji ċentrali’ jew 70.22 ‘In-negozju u attivitajiet oħra ta' konsulenza maniġerjali’ tan-NACE Rev. 2.”

(10)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Fil-każ ta' akkwist tal-assi ta' stabbiliment skont it-tifsira tal-punt 49 jew il-punt 51 tal-Artikolu 2, jitqiesu biss l-ispejjeż ta' xiri tal-assi mingħand partijiet terzi mhux relatati max-xerrej.”;

(b)

fil-paragrafu 7, l-ewwel sentenza tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Għal għajnuna mogħtija lil impriż kbar biex iwettqu bidla fundamentali fil-proċess tal-produzzjoni, l-ispejjeż eleġibbli għandhom ikunu iktar mid-deprezzament tal-assi marbuta mal-attività li tkun trid tiġi mmodernizzata matul it-tliet snin fiskali preċedenti.”;

(c)

għandhom jiżdiedu l-paragrafi 16 u 17 li ġejjin:

“16.   Il-benefiċjarju għandu jikkonferma li ma wettaqx rilokazzjoni tal-istabbiliment fejn għandu jsir l-investiment inizjali li għalih tintalab l-għajnuna, fis-sentejn ta' qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna u jimpenja ruħu li mhux se jagħmel rilokazzjoni fi żmien sentejn wara li jitlesta l-investiment inizjali li għalih tintalab l-għajnuna.

17.   Fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, l-għajnuna ma għandhiex tingħata lil impriżi li wettqu ksur wieħed jew iktar minn dawk elenkati fl-Artikolu 10(1)(a) sa (d) u l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8) u għal operazzjonijiet tal-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament.

(*8)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).”;"

(11)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Għajnuna operatorja reġjonali

1.   L-iskemi operatorji ta' għajnuna reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, fiż-żoni skarsament popolati u fiż-żoni ħafna skarsament popolati għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u jkunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm jiġu issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

2.   F'żoni skarsament popolati, l-iskemi ta' għajnuna operatorja reġjonali għandhom jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali tat-trasport ta' oġġetti li jkunu ġew prodotti fl-żoni eliġibbli għal għajnuna operatorja, kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport ta' oġġetti li jkunu pproċessati iktar f'dawk iż-żoni, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għajnuna tkun kwantifikabbli oġġettivament bil-quddiem skont ammont fiss jew proporzjon għal kull tunnellata/kilometru jew xi unità oħra rilevanti;

(b)

l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport huma kkalkulati abbażi tal-vjaġġ tal-oġġetti ġewwa l-fruntieri nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat permezz ta' mezz ta' trasport li jiswa l-inqas għall-benefiċjarju.

L-intensità tal-għajnuna ma tkunx iktar minn 100 % tal-ispejjeż ta' trasport addizzjonali stabbiliti f'dan il-paragrafu.

3.   F'żoni ħafna skarsament popolati, l-iskemi ta' għajnuna operatorja reġjonali għandhom jipprevjenu jew inaqqsu d-depopolazzjoni skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-benefiċjarji jkollhom l-attività ekonomika tagħhom fiż-żona kkonċernata;

(b)

l-ammont annwali ta' għajnuna għal kull benefiċjarju taħt l-iskemi kollha ta' għajnuna operatorja ma tkunx iktar minn 20 % tal-ispejjeż tax-xogħol annwali mġarrba mill-benefiċjarju fiż-żona kkonċernata.

4.   Fir-reġjuni ultraperiferiċi, skemi ta' għajnuna operatorja jikkumpensaw għall-ispejjeż operatorji addizzjonali mġarrba f'dawk ir-reġjuni bħala effett dirett ta' wieħed jew iktar mill-iżvantaġġi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat, fejn il-benefiċjarji jkollhom l-attività ekonomika tagħhom f'reġjun ultraperiferiku sakemm l-ammont ta' għajnuna annwali għal kull benefiċjarju taħt l-iskemi kollha ta' għajnuna operatorja implimentati skont dan ir-Regolament ma jkunx iktar minn kwalunkwe mill-persentaġġi li ġejjin:

(a)

35 % tal-valur miżjud gross maħluq annwalment mill-benefiċjarju fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat;

(b)

40 % tal-ispejjeż annwali kollha tal-lavranti mġarrba mill-benefiċjarju fir- reġjun ultraperiferiku kkonċernat;

(c)

30 % tal-fatturat nett annwali tal-benefiċjarju magħmul mill-benefiċjarju fir-reġjun l-iktar imbiegħed ikkonċernat.”;

(12)

fl-Artikolu 21, il-paragrafu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-frażi introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“Miżura ta' finanzjament ta' riskju li tipprovdi garanziji jew self lill-impriżi eliġibbli jew tipprovdi investiment ta' kważi ekwità bħala dejn lil intrapriżi eliġibbli, għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:”;

(b)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

f'każ ta' self u investimenti ta' kważi ekwità strutturati bħala dejn, huwa l-ammont nominali tal-istrument li jitqies fil-kalkolu tal-ammont massimu tal-investiment għall-iskopijiet ta' paragrafu 9;”;

(13)

fl-Artikolu 22 il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-impriżi eliġibbli huma kwalunkwe intrapriża żgħira li ma tkunx elenkata sa ħames snin wara r-reġistrazzjoni tagħha, li tissodisfa il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ma tkunx wirtet l-attività ta' intrapriża oħra;

(b)

ma tkunx għadha iddistribwiet il-profitti;

(c)

ma tkunx ġiet iffurmata permezz ta' fużjoni.

Għal impriżi eliġibbli li mhumiex soġġetti għal reġistrazzjoni, il-perjodu ta' eliġibbiltà ta' ħames snin jista' jitqies li jibda mill-mument meta l-intrapriża tibda l-attività ekonomika tagħha jew tkun soġġetta għat-taxxa minħabba l-attività ekonomika tagħha.

B'deroga mill-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-intrapriżi ffurmati permezz ta' fużjoni bejn impriżi eliġibbli għall-għajnuna skont dan l-Artikolu għandhom ukoll jitqiesu bħala impriżi eliġibbli sa ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni tal-eqdem intrapriża li tipparteċipa fil-fużjoni.”;

(14)

fl-Artikolu 25, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-għajnuna għal proġetti ta' riċerka u żvilupp, inklużi proġetti li rċevew tikketta tal-kwalità tas-Siġill ta' Eċċellenza skont l-instrument għall-SMEs Horizon 2020, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.”;

(15)

fl-Artikolu 31(3), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

l-ispejjeż operatorji tal-ħarrieġ u tal-apprendisti relatati direttament mal-proġett ta' taħriġ bħall- ispejjeż tal-ivvjaġġar, materjal u fornituri relatati direttament mal-proġett, id-deprezzament ta' għodda u ta' tagħmir, sakemm jintużaw esklussivament għall-proġett ta' taħriġ;”;

(16)

fl-Artikolu 52, jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   Bħala alternattiva għall-istabbiliment ta' spejjeż eleġibbli kif ipprovdut fil-paragrafu 2, l-ammont massimu ta' għajnuna għal proġett jista' jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' proċess ta' għażla kompetittiva kif meħtieġ mill-paragrafu 4.”;

(17)

L-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

mużewijiet, arkivji, libreriji, ċentri jew spażji artistiċi u kulturali, teatri, ċinemas, teatri tal-opra, swali tal-kunċerti, organizzazzjonijiet oħra ta' spettaklu, istituzzjonijiet tal-patrimonju tal-films u infrastrutturi artistiċi u kulturali, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħrajn simili;”;

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Għal għajnuna ta' mhux iktar minn EUR 2 miljuni, l-ammont massimu ta' għajnuna jista' jiġi stabbilit għal 80 % tal-ispejjeż eleġibbli, bħala alternattiva għall-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-paragrafi 6 u 7.”;

(c)

fil-paragrafu 9, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Għall-attivitajiet definiti fil-paragrafu 2(f), l-ammont massimu ta' għajnuna m'għandhuxikun iktar mid-differenza bejn l-ispejjeż eleġibbli u d-dħul skontat tal-proġett u lanqas minn 70 % tal-ispejjeż eleġibbli.”

(18)

Fl-Artikolu 54(4), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Fiż-żewġ każijiet, in-nefqa massima soġġetta għall-obbligi ta' -nefqa territorjali fl-ebda każ ma għandha tkun iktar minn 80 % tal-baġit globali tal-produzzjoni.

Sabiex il-proġetti jkunu eliġibbli għall-għajnuna, Stat Membru jista' jitlob ukoll livell minimu ta' attività ta' produzzjoni fit-territorju kkonċernat, iżda dak il-livell ma għandux ikun iktar minn 50 % tal-baġit kumplessiv tal-produzzjoni.”;

(19)

fl-Artikolu 55 il-paragrafu 12 jinbidel b'dan li ġej:

“12.   Għal għajnuna ta' mhux iktar minn EUR 2 miljuni, l-ammont massimu ta' għajnuna jista' jiġi stabbilit għal 80 % tal-ispejjeż eleġibbli, bħala alternattiva għall-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-paragrafi 10 u 11.”;

(20)

it-taqsimiet 14 u 15 li ġejjin jiddaħħlu wara l-Artikolu 56:

TAQSIMA 14

Għajnuna għal ajruporti reġjonali

Artikolu 56a

Għajnuna għal ajruporti reġjonali

1.   L-għajnuna għall-investiment għal ajruport għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 14 ta' dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-għajnuna operatorja għal ajruport għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3, 4, 10 u 15 sa 18 ta' dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

3.   L-ajruport għandu jkun miftuħ għall-utenti potenzjali kollha. Fil-każ ta' limitazzjoni fiżika tal-kapaċità, l-allokazzjoni ssir fuq il-bażi ta' kriterji pertinenti, objettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

4.   L-għajnuna ma tingħatax għal rilokazzjoni tal-ajruporti eżistenti jew il-ħolqien ta' ajruport tal-passiġġieri ġdid, inkluża l-konverżjoni ta' mitjar eżistenti f'ajruport tal-passiġġieri.

5.   L-investiment ikkonċernat ma għandux ikun iktar minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi akkomodat it-traffiku mistenni fuq terminu medju, fuq il-bażi ta' previżjonijiet tat-traffiku raġonevoli.

6.   L-għajnuna għall-investiment ma għandhiex tingħata lil ajruport li jinsab 100 kilometru 'l bogħod jew 60 minuta ta' vvjaġġar bil-karozza, bix-xarabank, ferrovija jew ferrovija ta' velocità għolja minn ajruport eżistenti minn liema jitħaddmu servizzi tal-ajru skedati, fis-sens tal-Artikolu 2(16) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

7.   Il-paragrafi 5 u 6 ma għandhomx japplikaw għal ajruporti li l-medja annwali tagħhom ta' traffiku ta' passiġġieri mhix iktar minn 200 000 passiġġier matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel is-sena li fiha l-għajnuna tkun effettivament mogħtija jekk l-għajnuna għall-investiment mhix mistennija li żżid il-medja tat-traffiku annwali tal-passiġġieri tal-ajruport għal iktar minn 200 000 passiġġier fis-sentejn finanzjarji wara l-għoti tal-għajnuna. Għajnuna għall-investiment mogħtija lil ajruporti bħal dawn għandha tkun konformi mal-paragrafu 11 jew mal-paragrafi 13 u 14.

8.   Il-paragrafu 6 m'għandux japplika fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata lil ajruport li jinsab fid-distanza ta' 100 kilometru minn ajruporti eżistenti fejn huma operati servizzi tal-ajru skedati, fis-sens tal-Artikolu 2(16) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, sakemm ir-rotta bejn kull wieħed minn dawk l-ajruporti eżistenti l-oħrajn u l-ajruport li jirċievi l-għajnuna neċessarjament tinvolvi mill-inqas total ta' 90 minuta ta' vjaġġar permezz ta' trasport marittimu jew trasport bl-ajru.

9.   L-għajnuna għall-investiment ma tingħatax lil ajruporti li l-mejda tagħhom ta' traffiku tal-passiġġieri annwali hija iktar minn tliet miljun passiġġier matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel is-sena li fiha l-għajnuna tkun effettivament mogħtija. L-għajnuna għall-investiment ma għandhiex tkun mistennija li żżid il-medja tat-traffiku annwali tal-ajruport biex dik il-medja tkun iktar minn tliet miljun passiġġier fis-sentejn finanzjarji wara l-għoti tal-għajnuna.

10.   Din l-għajnuna m'għandhiex tingħata lil ajruporti li l-medja annwali tagħhom ta' traffiku ta' merkanzija tkun iktar minn 200 000 tunnellata ta' merkanzija matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel is-sena li fiha l-għajnuna tkun effettivament mogħtija. M'għandhux ikun mistenni li l-għajnuna tirriżulta f'żieda fil-mejda tat-traffiku annwali ta' merkanzija tal-ajruport biex dik il-medja tkun iktar minn 200 000 tunnellata fis-sentejn finanzjarji wara l-għoti tal-għajnuna.

11.   L-ammont ta' għajnuna għall-investiment ma għandux ikun iktar miid-differenza bejn l-ispejjeż eleġibbli u l-qligħ operatorju tal-investiment. Il-qligħ operatorju għandhu jitnaqqas mill-ispejjeż eleġibbli ex ante, abbażi ta' projezzjonijiet raġonevoli, jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

12.   L-ispejjeż eleġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż relatati mal-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport, inklużi l-ispejjeż tal-ippjanar.

13.   L-ammont tal-għajnuna għall-investiment ma għandhux ikun iktar minn:

(a)

50 % tal-ispejjeż eleġibbli għal ajruporti b'medja annwali ta' traffiku tal-passiġġieri ta' miljun sa tliet miljun passiġġier matul is-sentejn finanzjarji ta' qabel is-sena li fiha l-għajnuna tkun effettivament mogħtija;

(b)

75 % tal-ispejjeż eleġibbli għal ajruporti b' medja ta' traffiku annwali ta' passiġġieri li ma jkunx iktar minn miljun passiġġier matul l-aħħar sentejn finanzjarji qabel is-sena li fiha l-għajnuna tkun effettivament mogħtija.

14.   L-intensitajiet massimi tal-għajnuna stabbiliti fil-paragrafu 13 jistgħu jiżdiedu b'20 punt perċentwali fil-każ ta' ajruporti li jinsabu f'reġjuni remoti.

15.   L-għajnuna operatorja m'għandhiex tingħata lil ajruporti b' medja annwali ta' traffiku ta' passiġġieri li tkun iktar minn 200 000 passiġġier matul is-sentejn finanzjarji li jippreċedu s-sena li fiha l-għajnuna tkun effettivament mogħtija.

16.   L-ammont tal-għajnuna operatorja m'għandhiex ktun iktar minn dak li huwa meħtieġ biex jitkopra t-telf operatorju u profitt raġonevoli matul il-perjodu rilevanti. L-għajnuna għandha tingħata fil-forma ta' pagamenti perjodiċi fissi ex ante, li m'għandhomx jiżdiedu matul il-perjodu li għalih tingħata l-għajnuna, jew fil-forma ta' ammonti definiti ex post abbażi tat-telf operatorju osservat.

17.   L-għajnuna operatorja ma għandhiex titħallas fir-rigward ta' kwalunkwe sena kalendarja li matulha t-traffiku tal-passiġġieri annwali tal-ajruport ikun iktar minn 200 000 passiġġier.

18.   L-għoti ta' għajnuna operatorja ma għandux ikun marbut mal-kundizzjoni li jkun hemm konklużjoni ta' arranġamenti ma' linji tal-ajru speċifiċi relatati ma' miżati tal-ajruport, il-pagamenti ta' kummerċjalizzazzjoni jew ma' aspetti finanzjarji oħra tal-operazzjonijiet tal-linji tal-ajru fl-ajruport ikkonċernat.

TAQSIMA 15

Għajnuna għal portijiet

Artikolu 56b

Għajnuna għal portijiet marittimi

1.   L-għajnuna għal portijiet marittimi għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-ispejjeż eleġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-ippjanar, ta':

(a)

investimenti għall-kostruzzjoni, is-sostituzzjoni jew it-tiġdid ta' infrastrutturi ta' portijiet marittimi;

(b)

investimenti għall-kostruzzjoni, is-sostituzzjoni jew it-tiġdid ta' infrastrutturi ta' aċċess;

(c)

tħammil.

3.   L-ispejjeż marbuta ma' attivitajiet mhux relatati mat-trasport, inklużi faċilitajiet ta' produzzjoni industrijali attivi f'port, uffiċċji jew ħwienet, kif ukoll għas-superstrutturi tal-port m'għandhomx ikunu spejjeż eleġibbli.

4.   L-ammont ta' għajnuna ma għandux ikun iktar mid-differenza bejn l-ispejjeż eleġibbli u l-qligħ operatorju tal-investiment jew tat-tħammil. Il-qligħ operatorju għandhu jitnaqqas mill-ispejjeż eleġibbli ex ante, abbażi ta' projezzjonijiet raġonevoli, jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

5.   L-intensità tal-għajnuna għal kull investiment li hemm referenza għalih fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ma għandhiex tkun iktar minn:

(a)

100 % tal-ispejjeż eleġibbli fejn l-ispejjeż eleġibbli totali tal-proġett ikunu mhux iktar minn EUR 20 miljun;

(b)

80 % tal-ispejjeż eleġibbli fejn l-ispejjeż eleġibbli totali tal-proġett ikunu iktar minn EUR 20 miljun u mhux iktar minn EUR 50 miljun;

(c)

60 % tal-ispejjeż eleġibbli fejn l-ispejjeż eleġibbli totali tal-proġett ikunu iktar minn EUR 50 miljun u mhux iktar mill-ammont stabbilit fil-punt (ee) tal-Artikolu 4(1).

L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex tkun iktar minn 100 % tal-ispejjeż eleġibbli stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 2 u fil-punt (c) tal-paragrafu 2 sal-ammont stabbilit fil-punt (ee) tal-Artikolu 4(1).

6.   L-intensitajiet tal-għajnuna stabbiliti fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jistgħu jiżdiedu b'10 punti perċentwali għall-investimenti li jinsabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u b'5 punti perċentwali għall-investimenti li jinstabu f'żoni megħjuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat.

7.   Kull konċessjoni jew inkarigu ieħor lil parti terza biex tibni, ittejjeb topera jew tikri l-infrastruttura ta' port megħjun għandha tingħata fuq bażi kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u bla kundizzjonijiet.

8.   L-infrastruttura tal-portijiet megħjuna għandha tkun disponibbli għal utenti interessati fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja b'termini tas-suq.

9.   Għal għajnuna li ma tkunx iktar minn EUR 5 miljuni, l-ammont massimu ta' għajnuna jista' jiġi stabbilit għal 80 % tal-ispejjeż eleġibbli, bħala alternattiva għall-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6.

Artikolu 56c

Għajnuna għal portijiet interni

1.   L-għajnuna għal portijiet interni għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I jiġu ssodisfati.

2.   L-ispejjeż eleġibbli għandhom ikunu l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-ippjanar, ta':

(a)

investimenti għall-kostruzzjoni, is-sostituzzjoni jew it-tiġdid ta' infrastrutturi ta' portijiet marittimi;

(b)

investimenti għall-kostruzzjoni, is-sostituzzjoni jew it-tiġdid ta' infrastrutturi ta' aċċess;

(c)

tħammil.

3.   L-ispejjeż marbuta ma' attivitajiet li mhux relatati mat-trasport, inklużi faċilitajiet ta' produzzjoni industrijali attivi f'port, uffiċċji jew ħwienet, kif ukoll għas-superstrutturi tal-port m'għandhomx ikunu spejjeż eleġibbli.

4.   L-ammont ta' għajnuna ma għandux ikun iktar mid-differenza bejn l-ispejjeż eleġibbli u l-qligħ operatorju tal-investiment jew tat-tħammil. Il-qligħ operatorju jitnaqqas mill-ispejjeż eleġibbli ex ante, abbażi ta' projezzjonijiet raġonevoli, jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rkupru.

5.   L-intensità massima tal-għajnuna ma għandhiex tkun iktar minn 100 % tal-ispejjeż eleġibbli stabbiliti fil-punt (ff) tal-Artikolu 4(1).

6.   Kull konċessjoni jew inkarigu ieħor lil parti terza biex tibni, ittejjeb, topera jew tikri l-infrastruttura ta' port megħjun għandha tingħata fuq bażi kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u bla kundizzjonijiet.

7.   L-infrastruttura tal-portijiet megħjuna għandha tkun disponibbli għal utenti interessati fuq bażi ugwali u mhux diskriminatorja b'termini tas-suq.

8.   Għal għajnuna ta' mhux iktar minn EUR 2 miljuni, l-ammont massimu ta' għajnuna jista' jiġi stabbilit għal 80 % tal-ispejjeż eleġibbli, bħala alternattiva għall-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5.”;

(21)

L-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet rispettivi ta' dan ir-Regolament, fejn l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija bejn l-1 ta' Lulju 2014 u d-9 ta' Lulju 2017 skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament kif applikabbli fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern u eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Kull għajnuna individwali li ngħatat qabel l-1 ta' Lulju 2014 f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9, kif applikabbli qabel jew wara l-10 ta' Lulju 2017, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern u eżentata mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.”;

(c)

għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   Jekk dan ir-Regolament jiġi emendat, kwalunkwe skema ta' għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament kif applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' din l-iskema għandha tibqa' eżentata għal perjodu ta' aġġustament ta' sitt xhur.”;

(22)

Fl-Anness II, il-Parti II hija sostitwita bit-test tal-Anness ta' dan ir-Regolament;

(23)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

in-nota ta' qiegħ il-paġna 2 hija sostitwita b'dan li ġej:

“(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).”;

(b)

l-ewwel sentenza tan-nota f'qiegħ il-paġna 3 hija sostitwita b'dan li ġej:

“L-ekwivalenti gross tas-sovvenzjoni, jew għal miżuri skont l-Artikoli 16, 21, 22 jew 39 ta' dan ir-Regolament, l-ammont ta' investiment.”.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-ammonti ta' spejjeż eleġibbli jistgħu jiġu kkalkolati skont l-opzjonijiet tal-ispejjeż simplifikati previsti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9), sakemm l-operazzjoni tkun mill-inqas parzjalment finanzjata permezz tal-FAEŻR u li l-kategorija ta' spejjeż tkun eliġibbli skont id-dispożizzjoni rilevanti ta' eżenzjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(3)  ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3.

(4)  Ara b'mod partikolari t-taqsima 3.5 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u għall-linji tal-ajru.

(5)  COM(2011) 144.

(6)  COM(2013) 295.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f'żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).


ANNESS

“PARTI II

se tiġi pprovduta permezz tal-applikazzjoni tal-IT stabbilita tal-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 11

Jekk jogħġbok indika skont liema dispożizzjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali ta' Kategorija (GBER) hija implimentata l-miżura tal-għajnuna.

Objettiv primarju — Objettivi Ġenerali (elenka)

Objettivi (elenka)

Intensità massima tal-għajnuna f' % jew Ammont massimu tal-għajnuna annwali fil-munita nazzjonali (f'ammonti sħaħ)

Bonuses lill-SME f' %

Għajnuna reġjonali — għajnuna għall-investiment (1) (Art. 14)

Skema

… %

… %

Għajnuna ad hoc

… %

… %

Għajnuna reġjonali — għajnuna operatorja (Art. 15)

Spejjeż tat-trasport ta' oġġetti f'żoni eliġibbli (Art. 15(2)(a))

… %

… %

Spejjeż addizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi (Art. 15(2)(b))

… %

… %

Għajnuna għall-iżvilupp urban reġjonali (Art. 16)

… munita nazzjonali

… %

Għajnuna għall-SME (Art. 17 — 18 — 19 –20)

Għajnuna għall-investiment lill-SMEs (Art. 17)

… %

… %

Għajnuna għal konsulenza favur l-SMEs (Art. 18)

… %

… %

Għajnuna lill-SMEs għall-parteċipazzjoni fil-fieri (Art.19)

… %

… %

Għajnuna għall-ispejjeż ta' kooperazzjoni mġarrba mill-parteċipazzjoni tal-SMEs fi proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Art.20)

… %

… %

Għajnuna għall-SME — aċċess tal-SMEs għal finanzjament (Art. 21-22)

Għajnuna għal finanzjament ta' riskju (Art. 21)

… munita nazzjonali

… %

Għajnuna għall-bidu ta' negozju (Art. 22)

… munita nazzjonali

… %

Għajnuna għall-SMEs — Għajnuna għal pjattaformi alternattivi ta' negozjar speċjalizzati fl-SMEs (Art. 23)

… %; f'każ li l-miżura tal-għajnuna tieħu l-forma ta' għajnuna għall-bidu ta' negozju: … munita nazzjonali

… %

Għajnuna għall-SMEs — Għajnuna għall-ispejjeż tat-tfittix (Art. 24)

… %

… %

Għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (Arti. 25 — 30)

Għajnuna għal proġetti ta' riċerka u l-iżvilupp- (Art. 25)

Riċerka fundamentali (Art. 25(2)(a))

… %

… %

Riċerka industrijali (Art. 25(2)b)

… %

… %

Żvilupp sperimentali (Art. 25(2)(c))

… %

… %

Studji ta' vijabbiltà (Art. 25(2)(d))

… %

… %

Għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi tar-riċerka (Art. 26)

… %

… %

Għajnuna għar-ragruppamenti tal-innovazzjoni (Art. 27)

… %

… %

Għajnuna għall-innovazzjoni lill-SMEs (Art. 28)

… %

… %

Għajnuna għall-innovazzjoni fil-proċess u fl-organizzazzjoni (Artikolu 29)

… %

… %

Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura (Art. 30)

… %

… %

Għajnuna għat-taħriġ (Art. 31)

… %

… %

Għajnuna għal ħaddiema żvantaġġati jew b'diżabilità (Arti. 32-35)

Għajnuna għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta' sussidji ta' pagi (Art. 32)

… %

… %

Għajnuna għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità fil-forma ta' sussidji tal-pagi (Art. 33)

… %

… %

Għajnuna għall-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali għall-impjieg ta' ħaddiema b'diżabilità (Art. 34)

… %

… %

Għajnuna għall-kumpens tal-ispejjeż tal-assistenza pprovduta lil ħaddiema żvantaġġati (Art. 35)

… %

… %

Għajnuna għall-Protezzjoni Ambjentali (l-Art. 36-49)

Għajnuna għall-investiment li tippermetti lill-impriżi jmorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni għall-protezzjoni ambjentali jew jgħollu l-livell tal-protezzjoni ambjentali fin-nuqqas ta' standards tal-UE (Art. 36)

… %

… %

Għajnuna għal adattament bikri għall-istandards futuri tal-Unjoni (Art. 37)

… %

… %

Għajnuna għall-investiment għal miżuri ta' effiċjenza enerġetika (Art. 38)

…%

…%

Għajnuna għall-investiment għal proġetti għall-effiċjenza enerġetika fil-bini (Art. 39)

… munita nazzjonali

…%

Għajnuna għall-investiment għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja (Art. 40)

… %

… %

Għajnuna għall-investiment għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (Art. 41)

…%

…%

Għajnuna operatorja għall-promozzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli (Art. 42)

… %

… %

Għajnuna operatorja għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f'installazzjonijiet ta' skala żgħira (Art. 43)

…%

…%

Għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-Direttiva 2003/96/KE (Art. 44)

… %

… %

Għajnuna għall-investiment għar-riabilitazzjoni ta' siti kkontaminati (Art. 45)

… %

… %

Għajnuna għall-investiment għall-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali(Art. 46)

… %

… %

Għajnuna għall-investiment għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart (Art. 47)

… %

… %

Għajnuna għall-investiment għall-infrastruttura tal-enerġija (Art. 48)

… %

… %

Għajnuna għall-istudji dwar l-ambjent (Art. 49)

… %

… %

L-iskemi ta' għajnuna biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn ċerti diżastri naturali (Art. 50)

Intensità massima tal-għajnuna

… %

… %

Tip ta' diżastru naturali

terremot

valanga

uqigħ tal-art

għargħar

tromba tal-arja

uragan

eruzzjoni vulkanika

nirien fil-foresti

Id-data ta' meta seħħ id-diżastru naturali

jj/xx/ssss sa jj/xx/ssss

Għajnuna soċjali għat-trasport għal residenti f'reġjuni mbiegħda (Art. 51)

… %

… %

Għajnuna għal infrastrutturi tal-broadband (Art. 52)

… munita nazzjonali

… %

Għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju (Art. 53)

… %

… %

Skemi ta' għajnuna għal xogħlijiet awdjoviżivi (Art. 54)

 

 

… %

… %

Għajnuna għall-infrastrutturi tal-isport u għall-infrastrutturi ta ' rikreazzjoni multifunzjonali (Art. 55)

… %

… %

Għajnuna għall-investiment għall-infrastrutturi lokali (Art. 56)

… %

… %

Għajnuna għal ajruporti reġjonali (Art. 56a)

… %

… %

Għajnuna għall-portijiet marittimi (Art. 56b)

… %

… %

Għajnuna għall-portijiet interni (Art. 56c)

… %

… %


(1)  Fil-każ ta' għajnuna reġjonali ad hoc li tissupplimenta għajnuna mogħtija skont skema/i ta' għajnuna, jekk jogħġbok indika, kemm l-intensità tal-għajnuna mogħtija bl-iskema kif ukoll l-intensità tal-għajnuna ad hoc.”


Top