EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1004

Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (riformulazzjoni)

OJ L 157, 20.6.2017, p. 1–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/07/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1004/oj

20.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Mejju 2017

dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008

(riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Għandhom isiru numru ta’ emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (4). Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi riformulat.

(2)

Il-Politika Komuni tas-Sajd saritilha riforma permezz tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-għanijiet tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u r-rekwiżiti għall-ġbir ta’ data fis-settur tas-sajd huma mniżżla fl-Artikoli 2 u 25 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) wettaq riforma fl-istruttura tal-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data dwar is-sajd tal-Istati Membri.

(3)

F’konformità mal-objettivi tal-Politika Komuni dwar is-Sajd dwar il-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin f’ilmijiet mhux tal-Unjoni, l-Unjoni jeħtiġilha tieħu sehem fl-isforzi li jsiru għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, b’mod partikolari skont id-dispożizzjonijiet adottati fi ftehimiet sostenibbli ta’ sħubija dwar is-sajd jew minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

(4)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi regoli rigward il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika rigward is-settur tas-sajd.

(5)

Il-qafas għall-ġbir tad-data jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jinkludu l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, il-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati kummerċjalment, u b’mod partikolari l-ilħuq ta’ status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(6)

Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika jenħtieġ li japplikaw ukoll wkoll għad-data dwar is-settur tas-sajd, li l-ġbir tagħha huwa meħtieġ skont atti legali oħra tal-Unjoni, inklużi r-Regolamenti (KE) Nru 1921/2006 (8), (KE) Nru 295/2008 (9), (KE) Nru 762/2008 (10), (KE) Nru 216/2009 (11), (KE) Nru 217/2009 (12), (KE) Nru 218/2009 (13), (UE) Nru 1236/2010 (14), (UE) Nru 1343/2011 (15) u (UE) 2016/2336 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), id-Direttivi 2000/60/KE (17), 2008/56/KE u 2009/147/KE (18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 (19), (KE) Nru 812/2004 (20), (KE) Nru 1967/2006 (21), (KE) Nru 1100/2007 (22) u (KE) Nru 1006/2008 (23), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (24), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/717/UE (25) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 (26).

(7)

Madankollu, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, fejn id-data dwar is-sajd hija miġbura u ġestita skont ir-regoli stipulati f’atti legali oħra tal-Unjoni, bħalma huma r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (27) u r-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), jenħtieġ li dan ir-Regolament jistipula biss ir-regoli għall-użu u t-trażmissjoni ta’ tali data.

(8)

L-obbligi marbuta mal-aċċess għad-data koperta b’dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29), kif ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30).

(9)

Jenħtieġ li jiġi żgurat f’kull ħin u f’kull livell, li, fir-rigward tal-ħżin, l-ipproċessar u l-iskambju tad-data, l-obbligi dwar il-protezzjoni tad-data personali stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) jiġu rrispettati.

(10)

Fl-interess taċ-ċarezza ġuridika, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi sett ta’ definizzjonijiet.

(11)

Id-definizzjoni ta’ “reġjuni tal-baħar” jenħtieġ li tkun ibbażata fuq konsiderazzjonijiet xjentifiċi.

(12)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jilħqu l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għal dak l-għan, huwa meħtieġ li jkun hemm programm pluriennali tal-Unjoni biex l-isforzi kollha ta’ ġbir ta’ data tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu koordinati. Huwa xieraq li jiġu stipulati rekwiżiti u kriterji ewlenin għall-istabbiliment ta’ dan il-programm pluriennali tal-Unjoni, kif ukoll għall-konsultazzjonijiet li għandhom isiru qabel l-adozzjoni tiegħu.

(13)

Jenħtieġ li jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ data tal-utenti finali ta’ data xjentifika, u li jiġi speċifikat liema data għandha tinġabar skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik id-data tinkludi data dwar l-ekosistemi relatata mal-impatt tas-sajd, kif ukoll data dwar is-sostenibbiltà tal-akkwakultura, kif ukoll data soċjoekonomika dwar is-sajd u l-akkwakultura.

(14)

Fl-interess tas-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni, id-data li trid tinġabar jenħtieġ li tiġi magħżula abbażi tal-ħtiġijiet li jkunu sostanzjata b’mod ċar mill-utenti finali ta’ data xjentifika, b’kont meħud tar-rilevanza u l-utilità xjentifika ta’ dik id-data.

(15)

Jenħtieġ li d-data miġbura tippermetti li jiġu determinati l-miri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet pluriennali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, bħalma huma r-rati ta’ mortalità mis-sajd u l-bijomassa ta’ stokk riproduttiv. Jenħtieġ li tippermetti wkoll li l-lakuni fil-kopertura tad-data dwar il-flotta tas-sajd jingħalqu u li l-għadd ta’ stokkijiet li hemm nuqqas ta’ data dwarhom f’ċerti reġjuni jitnaqqas.

(16)

Huwa importanti li tinġabar data bijoloġika dwar is-sajd rikreattiv fejn hemm potenzjalment impatt sinifikanti fuq l-istat tal-istokk, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-ġestjoni u l-konservazzjoni bbażati fuq l-ekosistemi skont kif meħtieġ għat-tħaddim tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif ukoll biex tittejjeb il-valutazzjoni tal-istokkijiet.

(17)

Għall-finijiet ta’ manutenzjoni, aġġustament jew irtirar ta’ miżuri ta’ emerġenza u miżuri oħra bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, normalment hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali. Fejn hu possibbli, jenħtieġ għalhekk li tingħata priorità lill-ġbir tad-data li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tal-miżuri imposti abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

(18)

Fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-istat tar-riżorsi tas-sajd fuq perijodu ta’ żmien, huwa meħtieġ li jinbnew u jinżammu serjiet kronoloġiċi ta’ data sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ xjentifiku fit-tul ta’ dawk ir-riżorsi.

(19)

L-istħarriġiet ta’ riċerka li jsiru fil-post fuq il-baħar huma metodu importanti għall-ġbir ta’ data bijoloġika. Fid-dawl tal-importanza tagħhom fir-reġjuni tal-baħar fejn l-istokkijiet huma kondiviżi, huwa xieraq li jitwettaq fil-livell tal-Unjoni numru biżżejjed ta’ stħarriġiet ta’ riċerka mandatarji li jsiru fil-post fuq il-baħar.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw il-programm pluriennali tal-Unjoni f’livell nazzjonali billi jistabbilixxu l-attivitajiet ewlenin tagħhom ta’ ġbir ta’ data fil-forma ta’ sezzjoni tal-programm operazzjonali msemmi fil-punt (p) tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, issupplimentat bi pjan ta’ ħidma għall-ġbir ta’ data b’konformità mal-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li r-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ dawn il-pjanijiet ta’ ħidma jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(21)

Huwa xieraq li jiġu deskritti l-passi li l-Istati Membri jeħtiġilhom isegwu, kif ukoll l-aspetti li jeħtiġilhom iqisu, meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-metodoloġiji għall-ġbir ta’ data fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta’ ħidma. Bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u omoġenja ta’ dan ir-Regolament mill-Istati Membri, huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ewlenin fir-rigward ta’ arranġamenti ta’ koordinazzjoni nazzjonali, id-drittijiet tal-kolletturi tad-data u l-obbligi tal-kaptani tal-bastimenti tas-sajd.

(22)

Il-Kummissjoni hija meħtieġa li tapprova l-programmi operattivi u l-pjanijiet ta’ ħidma tal-Istati Membri, kif ukoll l-emendi li jsirulhom b’konformità mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. Skont l-Artikolu 22 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar il-proċeduri, il-format u l-iskedi ta’ żmien għall-approvazzjoni tagħhom.

(23)

Huwa xieraq li l-Kummissjoni tivvaluta l-pjanijiet ta’ ħidma wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), sabiex jiġi żgurat li dawk il-pjanijiet ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(24)

Għall-iskop ta’ verifika tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data mill-Istati Membri, huwa meħtieġ li jsir rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni f’format standardizzat u ddefinit b’mod ċar li jnaqqas il-piż amministrattiv.

(25)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw bejniethom, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, u jikkoordinaw il-pjanijiet ta’ ħidma tagħhom fir-rigward tal-ġbir ta’ data dwar l-istess reġjun tal-baħar u reġjuni li jkopri ilmijiet interni rilevanti.

(26)

Fid-dawl tal-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd li tingħata aktar responsabbiltà lill-Istati Membri u li l-utenti finali ta’ data xjentifika jiġu involuti b’mod aqwa fil-ġbir ta’ data, jenħtieġ li l-koordinazzjoni reġjonali tiġi msaħħa u estiża minn laqgħa waħda għal proċess kontinwu kkoordinat minn gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għal kull reġjun tal-baħar. F’dan il-qafas, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għan li jikkooperaw mal-partijiet ikkonċernati rilevanti inklużi pajjiżi terzi.

(27)

Jenħtieġ li dawk il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali jingħataw il-kompitu li jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri, metodi, assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll tal-kwalità għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data bl-għan li jkun jista’ jseħħ titjib ulterjuri tal-affidabbiltà tal-parir xjentifiku.

(28)

Jenħtieġ li l-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali jimmiraw ukoll li jiżviluppaw u jimplimentaw bażijiet tad-data reġjonali, u li jibdew il-passi preparatorji meħtieġa kollha sabiex jilħqu dak l-għan.

(29)

Huwa importanti li wieħed jieħu vantaġġ sħiħ tad-data għall-ġestjoni sostenibbli tas-sajd u għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-istokkijiet u l-ekosistemi inkluża d-data relatata mal-obbligu tal-ħatt l-art.

(30)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw il-mod kif jiġbru d-data, iżda sabiex ikunu jistgħu jgħaqqdu d-data flimkien f’livell reġjonali b’mod sinifikattiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jilħqu ftehim, f’livell reġjonali, dwar ir-rekwiżiti minimi għall-kwalità, il-kopertura u l-kompatibbiltà tad-data, filwaqt li jitqies il-fatt li f’xi reġjuni l-baċini huma ġestiti b’mod konġunt ma’ pajjiżi terzi. Meta jintlaħaq ftehim ġenerali dwar il-metodi f’livell reġjonali, jenħtieġ li l-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali, abbażi ta’ dak il-ftehim, jissottomettu abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

(31)

Jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tibqax tiddetermina d-dettalji tal-metodoloġiji li għandhom jiġu applikati għall-ġbir tad-data. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar metodi partikolari ta’ ġbir ta’ data jenħtieġ li jiġu sostitwiti mid-deskrizzjoni tal-proċess li permezz tiegħu se jiġu ddeterminati. Jenħtieġ li dak il-proċess essenzjalment jinkludi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-utenti tad-data fi gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali, u l-validazzjoni mill-Kummissjoni permezz tal-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma ppreżentati mill-Istati Membri.

(32)

Jenħtieġ li d-data msemmija f’dan ir-Regolament tiddaħħal f’bażijiet tad-data kompjuterizzati nazzjonali sabiex tkun aċċessibbli għall-Kummissjoni u tista’ tiġi magħmula disponibbli għall-utenti finali ta’ data xjentifika u partijiet oħra interessati. Jenħtieġ li data li ma tippermettix identifikazzjoni personali tkun disponibbli mingħajr restrizzjonijiet għal kwalunkwe parti li jkollha interess fl-analiżi tagħha, inkluż dwar l-aspetti ambjentali tal-ġestjoni tas-sajd. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati għajr l-utenti finali ta’ data xjentifika jiġu meqjusa li jinkludu kwalunkwe individwu jew korp li jesprimi interess bħal dan.

(33)

L-għoti ta’ parir xjentifiku lill-ġesturi tar-riżorsi tas-sajd jeħtieġ l-ipproċessar ta’ data dettaljata sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ġesturi tal-industrija tas-sajd. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu disponibbli data meħtieġa għal analiżi xjentifika u jenħtieġ jiżguraw li għandhom il-kapaċità teknika biex jagħmlu dan.

(34)

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huwa meħtieġ li d-disponibbiltà f’waqtha tad-data rilevanti u tal-metodoloġiji rispettivi tiġi żgurata għall-korpi b’interess ta’ riċerka jew ta’ ġestjoni fl-analiżi xjentifika ta’ data fis-settur tas-sajd, kif ukoll għal kwalunkwe partijiet interessati, ħlief f’ċirkostanzi fejn il-protezzjoni u l-kunfidenzjalità jkunu meħtieġa skont il-liġijiet applikabbli tal-UE.

(35)

Biex jingħata effett sħiħ lill-punt (e) tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċessi u teknoloġiji elettroniċi xierqa sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data u sabiex dawn jikkooperaw ma’ Stati Membri oħra, mal-Kummissjoni u mal-utenti finali tad-data xjentifika sabiex jiġu żviluppati sistemi u formati kompatibbli ta’ skambju u ħżin ta’ data, filwaqt li titqies id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33). Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll tixrid ulterjuri ta’ informazzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni. F’kull każ, jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa, bħal livell ogħla ta’ aggregazzjoni jew anonimizzazzjoni tad-data f’każ li d-data tinkludi informazzjoni relatata ma’ persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-ipproċessar, in-natura tad-data u r-riskji potenzjali relatati mal-ipproċessar ta’ data personali.

(36)

Hemm bżonn li jiġi żgurat li l-utenti finali jiġu pprovduti b’data f’waqtha u f’format standardizzat, b’sistemi ta’ kodifikazzjoni ċari, minħabba li jeħtiġilhom jipprovdu konsulenza f’waqtha biex jippermettu li s-sajd ikun sostenibbli. Jenħtieġ li partijiet interessati oħrajn ukoll jingħataw garanzija li jirċievu d-data sa ċertu perijodu ta’ żmien.

(37)

Sabiex tittejjeb l-affidabbiltà tal-parir xjentifiku meħtieġ għall-Politika Komuni dwar is-Sajd, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkoordinaw u jikkooperaw fi ħdan il-korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti.

(38)

Jenħtieġ li l-komunità xjentifika tiġi kkonsultata u li l-industrija tas-sajd u gruppi interessati oħra jinżammu infurmati dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġbir tad-data. Il-korpi adatti li fihom jinġabru l-opinjonijiet meħtieġa huma l-STECF, u l-Kunsilli Konsultattivi stabbiliti skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(39)

Sabiex jiġu supplimentati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti b’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ lista dettaljata tar-rekwiżiti tad-data għall-finijiet ta’ ġbir ta’ data taħt dan ir-Regolament fil-qafas tal-programm pluriennali tal-Unjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (34). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(40)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tal-abbozz ta’ pjanijiet ta’ ħidma reġjonali mressqa minn gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali, kif ukoll fir-rigward ta’ proċeduri, arranġamenti ta’ qsim ta’ spejjeż għall-parteċipazzjoni fl-istħarriġiet ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar, iż-żona ta’ reġjun tal-baħar għall-fini ta’ ġbir ta’ data, u l-format u l-iskedi ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ tali pjanijiet ta’ ħidma reġjonali. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35).

(41)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħteġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni għall-istabbiliment, fi ħdan il-qafas tal-programm pluriennali tal-Unjoni, ta’ lista tal-istħarriġiet ta’ riċerka mandatarji fuq il-baħar u tal-livelli limitu li taħthom mhuwiex mandatarju li tinġabar data jew jitwettqu stħarriġiet ta’ riċerka fuq il-baħar. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(42)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tar-regoli dwar proċeduri, format u skedi ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni tar-rapporti annwali ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(43)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tar-regoli dwar proċeduri, formati, kodiċijiet u skedi ta’ żmien li jridu jiġu użati sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-ħżin tad-data u s-sistemi ta’ skambju, u sabiex jiġu stabbiliti salvagwardji, fejn xieraq, f’każ li dawk is-sistemi jinkludu informazzjoni relatata ma’ persuni fiżiċi identifikati jew indentifikabbli. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(44)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda aktar jista’ jintlaħaq, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan

(45)

Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 199/2008 jiġi mħassar. Madankollu, jenħtieġ li ssir dispożizzjoni għal miżuri transitorji fir-rigward tal-programmi nazzjonali li diġà ġew approvati u f’dak li jirrigwarda l-programm pluriennali tal-Unjoni li jinsab fis-seħħ attwalment,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Bl-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli rigward il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjo-ekonomika fis-settur tas-sajd kif previst fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinġabar biss jekk ma jkun jeżisti l-ebda obbligu biex tinġabar skont atti legali tal-Unjoni għajr dan ir-Regolament.

3.   Għal data meħtieġa għall-ġestjoni tas-sajd li tinġabar skont atti legali oħrajn tal-Unjoni, dan ir-Regolament jiddefinixxi biss regoli għall-użu u t-trażmissjoni ta’ dik id-data.

Artikolu 2

Protezzjoni tad-data

Fejn rilevanti, l-ipproċessar, il-ġestjoni u l-użu ta’ data miġbura skont dan ir-Regolament għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 95/46/KE u mar-Regolamenti (KE) Nru 45/2001 u (KE) Nru 223/2009 u mingħajr preġudizzju għalihom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn dan, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“settur tas-sajd” tfisser attivitajiet marbuta ma’ sajd kummerċjali, sajd rikreattiv, l-akkwakultura u l-industriji li jipproċessaw il-prodotti tas-sajd;

(2)

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għar-rikreazzjoni, it-turiżmu jew l-isport;

(3)

“reġjun tal-baħar” tfisser żona ġeografika stabbilita fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, żona stabbilita minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd jew żona definita fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(11);

(4)

“data primarja” tfisser data assoċjata ma’ bastimenti individwali, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew kampjuni individwali;

(5)

“metadata” tfisser data li tagħti informazzjoni kwalitattiva u kwantittativa dwar id-data primarja miġbura;

(6)

“data dettaljata” tfisser data bbażata fuq data primarja f’forma li ma tippermettix li jiġu identifikati persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi b’mod dirett jew indirett;

(7)

“data aggregata” tfisser ir-riżultat tas-sintesi tad-data primarja jew dik dettaljata għal finijiet analitiċi speċifiċi;

(8)

“osservatur xjentifiku” tfisser persuna maħtura biex tosserva l-operazzjonijiet tas-sajd fil-kuntest tal-ġbir tad-data għal skopijiet xjentifiċi u nominata minn korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali għall-ġbir tad-data;

(9)

“data xjentifika” tfisser id-data msemmija fl-Artikolu 1(1) li tinġabar, li hija ġestita jew li tintuża skont dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

ĠBIR U ĠESTJONI TA’ DATA FIL-QAFAS TA’ PROGRAMMI PLURIENNALI TAL-UNJONI

TAQSIMA 1

Programmi pluriennali tal-Unjoni

Artikolu 4

Stabbiliment ta’ programm pluriennali tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm pluriennali tal-Unjoni għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 1(1), skont il-kontenut u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-parti tal-programm pluriennali tal-Unjoni li tkopri materji prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1), permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 24.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-parti tal-programm pluriennali tal-Unjoni li tkopri materji previsti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 5(1) permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

2.   Qabel ma tadotta l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 9, l-STECF u kwalunkwe korpi xjentifiċi xierqa oħra msemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 5

Kontenut u kriterji għall-istabbiliment ta’ programm pluriennali tal-Unjoni

1.   Il-programm pluriennali tal-Unjoni għandu jistabbilixxi:

(a)

lista dettaljata tar-rekwiżiti tad-data biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

lista ta’ stħarriġiet obbligatorji ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar;

(c)

livelli limitu li taħthom mhuwiex mandatarju li l-Istati Membri jiġbru data fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom tas-sajd u tal-akkwakultura jew iwettqu stħarriġ ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar;

2.   Id-data msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

data bijoloġika dwar l-istokkijiet kollha maqbuda jew maqbuda b’mod inċidentali f’attivitajiet ta’ sajd kummerċjali tal-Unjoni u, fejn xieraq, f’attivitajiet ta’ sajd rikreattiv f’ilmijiet ġewwa u barra mill-Unjoni, inkluż is-sajd għas-sallura u s-salamun f’ilmijiet interni rilevanti oħra, kif ukoll għal speċijiet oħra ta’ ħut dijadromi ta’ interess kummerċjali, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu ġestjoni u konservazzjoni bbażati fuq l-ekosistema, skont kif meħtieġ għall-funzjonament tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(b)

data biex jiġi vvalutat l-impatt tas-sajd tal-Unjoni fuq l-ekosistema tal-baħar f’ilmijiet ġewwa u barra mill-Unjoni, inkluża data dwar il-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet mhux fil-mira, b’mod partikolari speċijiet protetti skont il-liġijiet tal-Unjoni jew internazzjonali, data dwar l-impatti tas-sajd fuq il-ħabitats tal-baħar inklużi ż-żoni vulnerabbli tal-baħar,u data dwar l-impatti tas-sajd fuq il-katini alimentari;

(c)

data dwar l-attività tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni f’ilmijiet ġewwa u barra mill-Unjoni, inklużi l-livelli tas-sajd, u dwar l-isforzi u l-kapaċità tal-flotta tal-Unjoni;

(d)

data soċjoekonomika dwar is-sajd biex il-prestazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd tal-Unjoni tkun tista’ tiġi evalwata;

(e)

data soċjoekonomika u data dwar is-sostenibbiltà rigward l-akkwakultura tal-baħar biex il-prestazzjoni soċjoekonomika u s-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura tal-Unjoni, inkluż l-impatt ambjentali tiegħu, ikunu jistgħu jiġu evalwati;

(f)

data soċjoekonomika dwar is-settur tal-ipproċessar tal-ħut biexil-prestazzjoni soċjoekonomika ta’ dak is-settur tkun tista’ tiġi evalwata.

3.   Barra minn hekk, id-data msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 tista’ tinkludi data soċjoekonomika u data dwar is-sostenibbiltà rigward l-akkwakultura tal-ilma ħelu biex il-prestazzjoni soċjoekonomika u s-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura tal-Unjoni, inkluż l-impatt ambjentali tiegħu, ikunu jistgħu jiġu evalwati.

4.   Għall-finijiet li tistabbilixxi il-programm pluriennali tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a)

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Politika Komuni tas-Sajd, bl-għan li jintlaħqu l-objettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Tali informazzjoni għandha tippermetti wkoll li jiġu determinati l-miri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet pluriennali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament;

(b)

il-ħtieġa ta’ data li hija rilevanti, komprensiva u affidabbli għall-iskop ta’ deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi, inklużi l-ispeċijiet u l-ħabitats vulnerabbli;

(c)

il-ħtieġa għal u r-rilevanza tad-data għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jitqies il-karattru, fil-biċċa l-kbira lokali, tal-impatti tagħha;

(d)

il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-miżuri ta’ politika;

(e)

l-ispejjeż u l-benefiċċji, b’kont meħud tal-aktar soluzzjonijiet kosteffettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-ġbir tad-data;

(f)

il-ħtieġa li tiġi evitata l-interruzzjoni tas-serjiet kronoloġiċi eżistenti;

(g)

il-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni u li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ġbir tad-data, f’konformità mal-Artikolu 1;

(h)

fejn rilevanti, il-ħtieġa li d-data tkopri s-sajd li hemm nuqqas ta’ data dwaru;

(i)

l-ispeċifiċitajiet reġjonali u l-ftehimiet reġjonali konklużi fil-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali;

(j)

l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

(k)

il-kopertura ġeografika u temporali tal-attivitajiet tal-ġbir tad-data.

5.   Waqt li tkun qed tiġi mfassla l-lista ta’ stħarriġiet obbligatorji ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu meqjusal-ħtiġijiet li ġejjin:

(a)

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għall-ġestjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd, bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tagħha kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn koordinazzjoni u armonizzazzjoni miftiehma f’livell internazzjonali;

(c)

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni;

(d)

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ ta’ fatturi varjabbli relatati mal-ekosistemi;

(e)

il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għal kopertura adegwata ta’ żoni tal-istokkijiet;

(f)

il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-istħarriġiet ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar; u

(g)

il-ħtieġa li tiġi evitata l-interruzzjoni tas-serjiet kronoloġiċi.

6.   Għall-istokkijiet li huma soġġetti għal limiti fuq il-qabdiet, ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni minn Stati Membri differenti fl-istħarriġiet ta’ riċerka fuq il-baħar imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq is-sehem tal-Istati Membri rilevanti fil-qabdiet totali permissibbli li huma disponibbli għall-Unjoni għall-istokkijiet ikkonċernati. Għall-istokkijiet li mhumiex soġġetti għal limiti fuq il-qabdiet, dawk ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq is-sehem relattiv tal-Istati Membri rilevanti fl-isfruttament totali tal-istokk ikkonċernat.

7.   Għall-istokkijiet li huma soġġetti għal limiti fuq il-qabdiet, il-livell limitu msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jkun stabbilit abbażi tas-sehem tal-Istat Membru rilevanti fil-qabdiet totali permissibbli li huma disponibbli għall-Unjoni għall-istokk ikkonċernat. Għall-istokkijiet li mhumiex soġġetti għal limiti fuq il-qabdiet, dak il-livell limitu għandu jiġi stabbilit abbażi tas-sehem relattiv tal-Istat Membru rilevanti fl-isfruttament totali tal-istokk ikkonċernat. Fir-rigward tal-akkwakultura u s-settur tal-ipproċessar, tali livelli limitu għandhom ikunu proporzjonati ma-d-daqs relattiv ta’ dawk is-setturi ta’ Stat Membru.

TAQSIMA 2

Implimentazzjoni tal-Programm Pluriennali tal-Unjoni mill-Istati Membri

Artikolu 6

Pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali

1.   Mingħajr ħsara għall-obbligi attwali dwar il-ġbir ta’ data skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiġbru data fi ħdan il-qafas ta’ programm operazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, u pjan ta’ ħidma mfassal skont il-programm pluriennali tal-Unjoni u skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 (“pjan ta’ ħidma nazzjonali”).

2.   Meta tkun qed tapprova l-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-Kummissjoni għandha tqis l-evalwazzjoni mwettqa mill-STECF f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament. Jekk din l-evalwazzjoni tindika li pjan ta’ ħidma nazzjonali ma jikkonformax ma’ dan l-Artikolu jew li ma jiżgurax ir-rilevanza xjentifika tad-data jew il-kwalità suffiċjenti tal-metodi u l-proċeduri proposti, il-Kummissjoni għandha immedjatament tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat u tindika emendi għal dak il-pjan ta’ ħidma li l-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa. Sussegwentement, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta pjan ta’ ħidma nazzjonali rivedut lill-Kummissjoni.

3.   Il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali għandhom jinkludu deskrizzjoni dettaljata ta’ dan li ġej:

(a)

id-data li trid tinġabar skont il-programm pluriennali tal-Unjoni;

(b)

id-distribuzzjoni temporali u ġeografika u kull kemm tkun se tinġabar id-data;

(c)

is-sors tad-data, il-proċeduri u l-metodi għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data fis-settijiet ta’ data li jkunu se jiġu pprovduti lill-utenti finali tad-data xjentifika;

(d)

il-qafas ta’ garanzija tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità sabiex tiġi żgurata kwalità xierqa tad-data b’konformità mal-Artikolu 14;

(e)

f’liema format u meta d-data għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti finali ta’ data xjentifika, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet definiti mill-utenti finali ta’ data xjentifika, fejn dawn ikunu magħrufa;

(f)

l-arranġamenti internazzjonali u reġjonali ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni, inklużi ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament; u

(g)

kif ġew meqjusal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

4.   Waqt it-tħejjija tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali tiegħu, kull Stat Membru għandu, fil-qafas tal-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 9, jikkoopera u jikkoordina l-isforzi tiegħu ma’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-istess reġjun tal-baħar, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kopertura suffiċjenti u effiċjenti u li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data. F’dak il-proċess, l-Istati Membri għandhom jimmiraw ukoll li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livell xieraq. Fejn ikun xieraq, tali kooperazzjoni u koordinazzjoni jistgħu jseħħu wkoll barra l-qafas tal-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali.

Artikolu 7

Korrispondenti nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korrispondent nazzjonali u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bih. Il-korrispondent nazzjonali għandu jkun il-kuntatt ewlieni għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali.

2.   Barra minn hekk, il-korrispondent nazzjonali għandu, b’mod partikolari, iwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

jikkoordina t-tħejjija tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 11;

(b)

jiżgura li ssir it-trażmissjoni tal-informazzjoni fi ħdan l-Istat Membru; u

(c)

jikkoordina l-attendenza ta’ esperti rilevanti f’laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti organizzati mill-Kummissjoni, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali rilevanti msemmija fl-Artikolu 9.

3.   Jekk diversi korpi fi Stat Membru jkunu qed jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali, il-korrispondent nazzjonali għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ dik il-ħidma.

4.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-korrispondent nazzjonali tiegħu jkollu mandat suffiċjenti biex jirrappreżenta lill-Istat Membru tiegħu fil-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 8

Kooperazzjoni fi ħdan l-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex ikomplu jtejbu aktar il-kwalità, il-puntwalità u l-kopertura tad-data sabiex ikun jista’ jseħħ titjib ulterjuri tal-affidabbiltà tal-metodi tal-ġbir tad-data, bl-għan li jtejbu l-attivitajiet tagħhom ta’ ġbir tad-data.

Artikolu 9

Koordinazzjoni u kooperazzjoni reġjonali

1.   Kif previst fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data tagħhom ma’ Stati Membri oħra fl-istess reġjun tal-baħar, filwaqt li għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi li għandhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fl-istess reġjun tal-baħar.

2.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni reġjonali, gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri rilevanti għal kull reġjun tal-baħar.

3.   Il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom l-għan li jiżviluppaw u jimplimentaw proċeduri, metodi, assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll tal-kwalità għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data bl-għan li jkun jista’ jseħħ titjib ulterjuri tal-affidabbiltà tal-parir xjentifiku. Għal dak il-għan, il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom jimmiraw biex jiżviluppaw u jimplimentawi bażijiet tad-data reġjonali.

4.   Il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom ikunu magħmula minn esperti nnominati mill-Istati Membri, inklużi korrispondenti nazzjonali, u minn esperti mill-Kummissjoni.

5.   Il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom ifasslu u jaqblu dwar regoli ta’ proċeduri għall-attivitajiet tagħhom.

6.   F’każijiet fejn ikun hemm kwistjonijiet li jaffettwaw bosta reġjuni tal-baħar, il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkoordinaw bejniethom u mal-Kummissjoni.

7.   Ir-rappreżentanti tal-utenti finali rilevanti ta’ data xjentifika, inklużi l-korpi xjentifiċi xierqa kif imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, il-Kunsilli Konsultattivi, u l-pajjiżi terzi għandhom jiġu mistiedna jattendu għal-laqgħat tal-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali bħala osservaturi, fejn ikun meħtieġ.

8.   Il-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali jistgħu jħejju abbozzi ta’ pjanijiet ta’ ħidma reġjonali, li għandhom ikunu kompatibbli ma’ dan ir-Regolament u mal-programm pluriennali tal-Unjoni. Dawk l-abbozzi ta’ pjanijiet ta’ ħidma reġjonali jistgħu jinkludu l-proċeduri, il-metodi, il-garanzija tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 5, strateġiji ta’ kampjunar ikkoordinati f’livell reġjonali u l-kundizzjonijiet biex id-data tintbagħat fil-bażijiet tad-data reġjonali. Dawn jista’ jkun fihom ukoll arranġamenti għal qsim tal-ispejjeż għall-parteċipazzjoni fl-istħarriġiet ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar.

9.   Fejn jiġi mħejji abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iressquh lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru tas-sena li tiġi qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta’ ħidma reġjonali, kemm-il darba ma jkunx għadu japplika pjan eżistenti, f’liema każ l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan. Il-Kummissjoni tista’ tapprova abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2). Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tqis, fejn rilevanti, l-evalwazzjoni tal-STECF kif imsemmi fl-Artikolu 10. Jekk din il-valutazzjoni tindika li abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali ma jikkonformax ma’ dan l-Artikolu jew ma jiżgurax ir-rilevanza xjentifika tad-data jew il-kwalità suffiċjenti tal-metodi u l-proċeduri proposti, il-Kummissjoni għandha tinforma immedjatament lill-Istati Membri kkonċernati u tindika emendi għal dak l-abbozz ta’ pjan ta’ ħidma li l-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa. Sussegwentement, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iressqu abbozz ta’ pjan ta’ ħidma reġjonali rivedut lill-Kummissjoni.

10.   Pjan ta’ ħidma reġjonali għandu jitqies li jissostitwixxi jew jissupplimenta l-partijiet rilevanti tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali ta’ kull Stat Membru kkonċernat.

11.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar il-proċeduri, l-arranġamenti tal-qsim tal-ispejjeż għall-parteċipazzjoni fl-istħarriġiet ta’ riċerka fil-post fuq il-baħar, iż-żona ta’ reġjun tal-baħar għall-fini ta’ ġbir ta’ data, u l-format u l-iskedi ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ħidma reġjonali, kif imsemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

Artikolu 10

Evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma mill-STECF

L-STECF għandu jevalwa l-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali u l-abbozzi tal-pjanijiet ta’ ħidma reġjonali msemmija fl-Artikoli 6 u 9. Meta jsir dan, għandu jieħu kont ta’:

(a)

il-konformità tal-pjanijiet ta’ ħidma u kwalunkwe emenda fihom mal-Artikoli 6 u 9, u

(b)

ir-rilevanza xjentifika tad-data koperta mill-pjanijiet ta’ ħidma għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u l-kwalità tal-metodi u l-proċeduri proposti.

Artikolu 11

Evalwazzjoni u approvazzjoni tar-riżultati tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom fuq bażi annwali jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar il-proċeduri, il-format u l-iskedi ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni tar-rapporti annwali. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

2.   Skont l-Artikolu 10, l-STECF għandu jevalwa:

(a)

it-twettiq ta’ pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali; u

(b)

il-kwalità tad-data miġbura mill-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali abbażi ta’:

(a)

l-evalwazzjoni mill-STECF; u

(b)

il-konsultazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd adatti li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti jew osservatur u korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti.

TAQSIMA 3

Ħtiġijiet għall-proċess tal-ġbir ta’ data

Artikolu 12

Aċċess għal siti ta’ kampjunar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex iwettqu dmirijiethom, il-kolletturi ta’ data maħtura mill-korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali jkollhom aċċess għall-qabdiet u l-bastimenti kollha, u għal siti oħra ta’ kampjunar, kif ukoll għar-reġistri kollha tan-negozju u għal kwalunkwe data meħtieġa oħra.

2.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jaċċettaw abbord osservaturi xjentifiċi u jikkooperaw magħhom sabiex jippermettulhom jaqdu dmirijiethom filwaqt li jkunu abbord bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, kif ukoll l-użu ta’ metodi alternattivi ta’ ġbir ta’ data fejn xieraq, stabbiliti fil-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali.

3.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw abbord lill-osservaturi xjentifiċi li jkunu qed joperaw taħt l-iskema ta’ monitoraġġ fuq il-baħar abbażi biss ta’ nuqqas evidenti ta’ spazju fuq il-bastiment jew inkella għal raġunijiet ta’ sikurezza skont il-liġi nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, id-data għandha tinġabar permezz ta’ metodi alternattivi ta’ ġbir ta’ data li huma stabbiliti fil-pjan ta’ ħidma nazzjonali u mfassla u kkontrollati mill-korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali.

TAQSIMA 4

Proċess tal-ġestjoni ta’ data

Artikolu 13

Ħżin ta’ data

L-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżguraw li d-data primarja miġbura skont il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tinħażen b’mod sikur f’bażijiet ta’ data kompjuterizzati u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li din id-data tkun trattata bħala kunfidenzjali;

(b)

jiżguraw li metadata relatata mad-data primarja soċjoekonomika miġbura skont il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tinħażen b’mod sikur f’bażijiet ta’ data kompjuterizzati;

(c)

jieħdu l-miżuri tekniċi kollha meħtieġa biex jipproteġu din id-data minn kwalunkwe distruzzjoni aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, deterjorament, jew konsultazzjoni jew distribuzzjoni mhux awtorizzata.

Artikolu 14

Kontroll tal-kwalità u validazzjoni ta’ data

1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-kwalità u l-kompletezza ta’ data primarja miġbura skont il-programmi ta’ ħidma nazzjonali, id-data dettaljata u aggregata li ġejja minnha li hija trasmessa lill-utenti finali ta’ data xjentifika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

id-data primarja miġbura skont il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tiġi kkontrollata kif adatt għal żbalji permezz ta’ proċeduri adatti għall-kontroll tal-kwalità;

(b)

id-data dettaljata u aggregata miksuba mid-data primarja miġbura skont il-pjanijiet ta’ ħidma nazzjonali tiġi vvalidata qabel ma tkun trasmessa lill-utenti finali ta’ data xjentifika;

(c)

il-proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità applikati għal data primarja, iddettaljata u aggregata msemmija fil-punti (a) u (b) jiġu żviluppati skont il-proċeduri adottati mill-korpi xjentifiċi internazzjonali, l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, l-STECF u l-gruppi ta’ koordinazzjoni reġjonali.

KAPITOLU III

UŻU TA’ DATA

Artikolu 15

Aċċess għal u trażmissjoni ta’ data primarja

1.   Għall-fini tal-verifika tal-eżistenza ta’ data primarja miġbura skont l-Artikolu 6(1) minbarra data soċjoekonomika, l-Istati membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni għandha aċċess għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 13.

2.   Għall-fini tal-verifika tad-data soċjoekonomika miġbura skont l-Artikolu 6(1) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni għandha aċċess għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 13.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkonkludu ftehimiet mal-Kummissjoni biex jiġi żgurat aċċess effettiv u bla xkiel għall-bażijiet ta’ data kompjuterizzati nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti minn regoli oħrajn tal-Unjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data primarja miġbura fl-istħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar tiġi trażmessa lill-organizzazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u lil korpi xjentifiċi adatti fi ħdan l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd skont l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

Artikolu 16

Ipproċessar ta’ data primarja

1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw id-data primarja f’settijiet ta’ data dettaljati jew aggregati skont:

(a)

l-istandards internazzjonali rilevanti, fejn applikabbli;

(b)

il-protokolli maqbula f’livell internazzjonali jew reġjonali, fejn applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-utenti finali ta’ data xjentifika u lill-Kummissjoni, kull fejn meħtieġ, deskrizzjoni tal-metodi applikati sabiex jipproċessaw id-data mitluba u l-proprjetajiet statistiċi tagħha.

Artikolu 17

Proċedura biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data dettaljata u aggregata

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċessi u teknoloġiji elettroniċi xierqa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u ta’ dan ir-Regolament. Huma għandhom iżommu lura minn kwalunkwe restrizzjoni mhux meħtieġa fuq it-tixrid ta’ data dettaljata u aggregata għall-utenti finali ta’ data xjentifika u partijiet interessati oħra.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw salvagwardji xierqa, f’każ li d-data tinkludi informazzjoni relatata ma’ persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi identifikati jew identifikabbli. Stat Membru jista’ jirrifjuta li jittrażmetti d-data dettaljata u aggregata rilevanti jekk ikun hemm ir-riskju li jiġu identifikati persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi, f’liema każ l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproponi mezzi alternattivi biex jissodisfa l-ħtiġijiet identifikati mill-utenti finali ta’ data xjentifika li jiżguraw l-anonimità.

3.   Fil-każ ta’ talbiet magħmula minn utenti finali ta’ data xjentifika sabiex isservi bħala bażi għall-pariri lill-ġesturi tas-sajd, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data rilevanti dettaljata u aggregata tiġi aġġornata u magħmula disponibbli għall-utenti finali rilevanti ta’ data xjentifika fil-limitu ta’ żmien stabbilit fit-talba, li ma jistax ikun ta’ anqas minn xahar mid-data tal-wasla ta’ talba għal dik id-data.

4.   Fil-każ ta’ talbiet ta’ xort’oħra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data rilevanti tiġi aġġornata u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-utenti finali rilevanti ta’ data xjentifika u partijiet interessati oħra f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Fi żmien xahrejn mid-data ta’ meta taslilhom it-talba, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-parti li tkun qed tagħmel it-talba dwar id-durata ta’ tali żmien, li għandha tkun proporzjonata mal-ambitu tat-talba, u tal-ħtieġa possibbli ta’ pproċessar addizzjonali tad-data mitluba.

5.   Fil-każijiet fejn it-talba għal data minn utenti finali oħra ta’ data xjentifika minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 3 jew partijiet interessati oħra tirrikjedi pproċessar addizzjonali ta’ data diġà miġbura, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-parti li tkun qed tagħmel it-talba l-ispejjeż attwali tal-ipproċessar addizzjonali tad-data meħtieġ qabel it-trasmissjoni tagħha.

6.   F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-estensjoni tal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3.

7.   F’każijiet fejn tintalab data dettaljata għal skopijiet ta’ pubblikazzjoni xjentifika, l-Istati Membri, sabiex jipproteġu l-interessi professjonali tal-kolletturi tad-data maħtura mill-korp inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma nazzjonali, jistgħu jeħtieġu li l-pubblikazzjoni ta’ data tiddewwem bi 3 snin mid-data li għaliha tirreferi d-data. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-utenti finali ta’ data xjentifika u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni ta’ dan it-tip, u bir-raġunijiet li jkunu wasslu għat-teħid ta’ dik id-deċiżjoni.

Artikolu 18

Sistemi kompatibbli ta’ skambju u ħżin ta’ data

1.   Bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġi ffaċilitat l-aċċess għal data dettaljata u aggregata għall-utenti finali ta’ data xjentifika u għal partijiet interessati oħra, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-korpi konsultattivi xjentifiċi u kwalunkwe utenti finali rilevanti ta’ data xjentifika għandhom jikkooperaw biex jiġu żviluppati sistemi kompatibbli ta’ skambju u ħżin ta’ data, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/2/KE. Dawk is-sistemi għandhom jiffaċilitaw ukoll it-tixrid ta’ informazzjoni lil partijiet interessati oħrajn. Sistemi bħal dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’ bażijiet tad-data reġjonali. Il-pjanijiet ta’ ħidma reġjonali msemmija fl-Artikolu 9(8) ta’ dan ir-Regolament jistgħu jservu bħala bażi għal ftehim dwar sistemi ta’ dan it-tip.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar proċeduri, formati, kodiċijiet u skedi ta’ żmien li għandhom jintużaw sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ sistemi ta’ skambju u ħżin ta’ data, u li tistabbilixxi salvagwardji, fejn xieraq, f’każ li s-sistemi ta’ skambju u ta’ ħżin ta’ data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jinkludu informazzjoni relatata ma’ persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).

Artikolu 19

Reviżjoni ta’ ċaħda li tkun ipprovduta data

Jekk Stat Membru jiċħad li jipprovdi data skont l-Artikolu 17(7), l-utent finali ta’ data xjentifika jista’ jitlob lill-Kummissjoni sabiex tanalizza ċ-ċaħda. Jekk il-Kummissjoni ssib li ċ-ċaħda mhijiex debitament iġġustifikata, tista’ teħtieġ li l-Istat Membru jipprovdi d-data lill-utent finali ta’ data xjentifika fi żmien xahar.

Artikolu 20

Obbligi għall-utenti finali ta’ data xjentifika u partijiet interessati oħra

1.   L-utenti finali ta’ data xjentifika, u partijiet interessati oħra għandhom:

(a)

jużaw id-data biss għall-fini ddikjarata fit-talba tagħhom għall-informazzjoni skont l-Artikolu 17;

(b)

jirrikonoxxu kif xieraq is-sorsi ta’ data;

(c)

ikunu responsabbli għall-użu korrett u adatt ta’ data rigward l-etika xjentifika;

(d)

jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati bi kwalunkwe problemi suspettati li jista’ jkollha d-data;

(e)

jipprovdu lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni r-referenzi għar-riżultati tal-użu ta’ data;

(f)

ma jgħaddux id-data mitluba lil partijiet terzi mingħajr qbil mill-Istat Membru kkonċernat;

(g)

ma jbigħux id-data lil kwalunkwe parti terza.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe non-konformità mill-utenti finali ta’ data xjentifika jew partijiet interessati oħra.

3.   Fejn l-utenti finali ta’ data xjentifika jew partijiet interessati oħra jonqsu milli jikkonformaw ma’ kwalunkwe waħda mill-ħtiġiet imniżżlin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jillimita jew jiċħad lil dawk l-utenti ta’ data aċċess għal data.

KAPITOLU IV

APPOĠĠ GĦAL PARIR XJENTIFIKU

Artikolu 21

Parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ korpi internazzjonali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-esperti nazzjonali tagħhom jipparteċipaw f’laqgħat rilevanti ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti jew osservatur u ta’ korpi xjentifiċi internazzjonali.

Artikolu 22

Koordinazzjoni u kooperazzjoni internazzjonali

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jikkooperaw sabiex itejbu aktar il-kwalità, il-puntwalità u l-kopertura tad-data sabiex ikun jista’ jseħħ titjib ulterjuri tal-affidabbiltà tal-parir xjentifiku, il-kwalità tal-pjanijiet ta’ ħidma u l-metodi ta’ ħidma ta’ organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti jew osservatur u ta’ korpi xjentifiċi internazzjonali.

2.   Tali koordinazzjoni u kooperazzjoni għandhom isseħħu mingħajr preġudizzju għal dibattitu xjentifiku miftuħ u għandhom jimmiraw li jippromwovu parir xjentifiku imparzjali.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni, flimkien mal-STECF, għandhom jissorveljaw il-progress tal-pjanijiet ta’ ħidma fil-Kumitat għas-sajd u l-akkwakultura msemmi fl-Artikolu 25.

2.   Mhux aktar tard mill-11 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Eżerċitar tad-delega

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ tliet snin mill-10 ta’ Lulju 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Tali deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ taddotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25

Proċedura ta’ kumitat

1.   Waqt li timplimenta dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għas-sajd u l-akkwakultura stabbilit mill-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 26

Tħassir u dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 199/2008 huwa mħassar b’effett mill-10 ta’ Lulju 2017.

2.   Minkejja l-paragrafu 1:

(a)

id-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jibqgħu applikabbli għal programmi nazzjonali approvati qabel l-10 ta’ Lulju 2017;

(b)

tal-programm pluriennali tal-Unjoni fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2017, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, għandu jibqa’ applikabbli għall-perijodu tad-durata tiegħu jew sa ma jkun ġie adottat programm pluriennali tal-Unjoni ġdid skont dan ir-Regolament, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel.

3.   Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness hawnekk.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 201.

(2)  ĠU C 120, 5.4.2016, p. 40.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Marzu 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2017.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri u li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91 (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar statistika strutturali kummerċjali (formulazzjoni mill-ġdid) (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 13).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 762/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar il-preżentazzjoni mill-Istati Membri tal-istatistika dwar l-akkwakultura u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 788/96 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f’ċerti żoni li mhumiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni tal-istatistika tal-qabda u tal-attività mill-Istati Membri li jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 42).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999 (ĠU L 348, 31.12.2010, p. 17).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/2336 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 1)

(17)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi ta’ aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta’ ħażniet tal-baħar fond (ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6).

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 tas-26 ta’ April 2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fil-mededd (żoni) tas-sajd u jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/98 (ĠU L 150, 30.4.2004, p. 12).

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).

(24)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(25)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/717/UE tat-8 ta’ Novembru 2010 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 321, 7.12.2010, p. 1).

(26)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta’ Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (ĠU L 34, 9.2.2017, p. 9).

(27)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(28)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(29)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(30)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(31)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(32)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(33)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(34)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(35)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 199/2008

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2

Artikolu 2(a), (c) sa (h)

Artikolu 3(1) sa (7)

Artikolu 2(b), (i), (j), (k),

Artikolu 3(8) u (9)

Artikolu 3

Artikoli 4 u 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikoli 8 u 9

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 10

Artikolu 7

Artikolu 11

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 12(1)

Artikolu 11

Artikolu 12(2) u (3)

Artikolu 12

Artikolu 5(1)(b) u (5)

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16

Artikolu 18, 19 u 20

Artikolu 17

Artikolu 21

Artikolu 19

Artikolu 22

Artikolu 20

Artikolu 23

Artikolu 21

Artikolu 24

Artikolu 22

Artikoli 25 u 27

Artikoli 24 u 25

Artikolu 26

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(2)

Artikolu 28

Artikolu 26

Artikolu 29

Artikolu 27

Anness

Anness


Top