Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0980

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/980 tas-7 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-formuli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-kooperazzjoni fl-attivitajiet superviżorji, għall-verifiki fuq il-post, u l-investigazzjonijiet u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/3789

    ĠU L 148, 10.6.2017, p. 3–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/980/oj

    10.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 148/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/980

    tas-7 ta' Ġunju 2017

    li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-formuli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-kooperazzjoni fl-attivitajiet superviżorji, għall-verifiki fuq il-post, u l-investigazzjonijiet u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) b'mod partikolari l-Artikoli 80(4) u 81(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2014/65/UE tistabbilixxi l-obbligi għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Bħala parti minn din il-proċedura, awtorità kompetenti tista' titlob il-kooperazzjoni tal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor għal verifika fuq il-post jew f'investigazzjoni.

    (2)

    Sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod effiċjenti u fil-ħin għall-finijiet tad-Direttiva 2014/65/UE u jipprovdu lil xulxin assistenza reċiproka sħiħa, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri kif ukoll mudelli u formoli biex jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għal tali kooperazzjoni u skambji ta' informazzjoni, inkluż il-preżentazzjoni ta' talbiet għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni, ir-rikonoxximent tar-riċevuta u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet.

    (3)

    Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet li qed jirċievu t-talba jipproċessaw it-talbiet għal koperazzjoni jew informazzjoni b'mod effiċjenti u malajr, kull talba għandha tistabbilixxi b'mod ċar ir-raġuni għat-talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta' informazzjoni. Lil hinn mill-użu ta' mudelli u formoli għal talbiet għal kooperazzjoni jew għal talbiet għal informazzjoni u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet, il-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni jenħtieġ li jippermettu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, il-konsultazzjoni u l-interazzjoni bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta matul il-proċess kollu.

    (4)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (5)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

    (6)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-ESMA) lill-Kummissjoni.

    (7)

    L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati mal-introduzzjoni ta' formoli, mudelli u proċeduri standard biex jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-iskop u tal-impatt ta' dawn l-istandards, meta wieħed iqis li d-destinatarji tagħhom se jkunu biss l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq.

    (8)

    L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Punti ta' kuntatt

    1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħtru punti ta' kuntatt għall-komunikazzjoni ta' talbiet għal kooperazzjoni u għal iskambju ta' informazzjoni skont l-Artikoli 80 u 81 tad-Direttiva 2014/65/UE rispettivament. Huma għandhom jippubblikaw id-dettalji tal-punti ta' kuntatt fis-siti elettroniċi tagħhom.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta' kuntatt tagħhom lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm u taġġorna lista tal-punti ta' kuntatt deżinjati skont il-paragrafu 1, għall-użu tal-awtoritajiet kompetenti.

    Artikolu 2

    Talba għal kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni

    1.   Awtorità rikjedenti għandha tagħmel talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, billi tuża l-formola li tinsab fl-Anness I. Għandha tindirizza t-talba lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità rikjesta.

    2.   F'każijiet urġenti, l-awtorità rikjedenti tista' tagħmel talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni bil-fomm dment li sussegwentament issir konferma tat-talba bil-miktub fi żmien raġonevoli, sakemm l-awtorità rikjesta ma taqbilx mod ieħor.

    3.   L-awtorità li tagħmel it-talba tista' tehmeż mat-talba kwalunkwe dokument jew materjal ta' appoġġ li tqis meħtieġ biex issostni t-talba.

    Artikolu 3

    Konferma ta' riċevuta

    Fi żmien 10 ijiem minn meta l-punt ta' kuntatt ta' awtorità jirċievi talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni, dik l-awtorità għandha tibgħat konferma tar-riċevuta lill-awtorità rikjedenti, permezz tal-formola li tinsab fl-Anness II.

    Artikolu 4

    Talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni

    1.   Awtorità rikjesta għandha twieġeb għal talba ta' kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, billi tuża l-formola li tinsab fl-Anness III. Sakemm l-awtorità rikjedenti ma tispeċifikax mod ieħor, it-tweġiba għandha tiġi indirizzata lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità rikjedenti.

    2.   L-awtorità rikjesta għandha tesegwixxi t-talbiet għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni b'mod li jiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja meħtieġa tipproċedi mingħajr dewmien żejjed meta wieħed iqis il-kumplessità tat-talba u l-ħtieġa li jiġu involuti partijiet terzi jew xi awtorità oħra.

    Artikolu 5

    Proċeduri għall-bgħit u l-ipproċessar ta' talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni

    1.   L-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkomunikaw dwar it-talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni, jew b'forma stampata jew elettronikament, skont liema minn dawn it-tnejn ikun l-aktar mezz espedjenti u meta jitqiesu il-konsiderazzjonijiet tal-kunfidenzjalità, tat-tul ta' ħin tal-korrispondenza, tal-volum tal-materjal li se jiġi kkomunikat u tal-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti. B'mod partikolari, l-awtorità rikjedenti għandha twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità rikjesta.

    2.   Meta l-awtorità rikjesta tantiċipa dewmien ta' aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data stmata għat-tweġiba speċifikata fir-rikonoxximent tal-wasla hija għandha tinnotifika b'dan lill-awtorità rikjedenti.

    3.   Meta l-awtorità rikjedenti tikkwalifika r-rikjesta bħala urġenti, l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jaqblu dwar il-frekwenza li biha l-awtorità rikjesta se taġġorna lill-awtorità rikjedenti dwar it-trattament tat-talba u dwar id-data li fiha tistenna li tagħti risposta.

    4.   L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta' talba.

    Artikolu 6

    Proċedura għal talbiet biex tittieħed dikjarazzjoni mingħand persuna

    1.   Jekk l-awtorità rikjedenti fit-talba tagħha tinkludi li tittieħed dikjarazzjoni minn xi kwalunkwe persuna, l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom, soġġett għal-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet legali eżistenti u kwalunkwe differenza fir-rekwiżiti proċedurali, jivvalutaw u jieħdu kont ta':

    (a)

    id-drittijiet tal-persuna jew tal-persuni li jridu jittieħdu d-dikjarazzjonijiet tagħhom;

    (b)

    ir-rwol tal-persunal tal-awtorità rikjesta u tal-awtorità rikjedenti fit-teħid tad-dikjarazzjoni;

    (c)

    jekk il-persuna li mingħandha trid tittieħed d-dikjarazzjoni għandhiex id-dritt li tkun assistita minn rappreżentant legali, u jekk iva, l-ambitu tal-assistenza mir-rappreżentant matul it-teħid tad-dikjarazzjoni, inkluż fir-rigward ta' kwalunkwe rekord jew rapport tad-dikjarazzjoni;

    (d)

    jekk id-dikjarazzjoni tkunx se tittieħed fuq bażi volontarja jew imġiegħla, jekk din id-distinzjoni tkun teżisti;

    (e)

    jekk, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli fiż-żmien tat-talba, il-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni tkunx xhud jew suġġett ta' investigazzjoni;

    (f)

    jekk, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli fiż-żmien tat-talba, id-dikjarazzjoni tkunx tista' jew hijiex maħsuba biex tintuża fi proċedimenti kriminali;

    (g)

    l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità rikjedenti;

    (h)

    ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni u tal-proċeduri applikabbli, inkluż jekk hux ser ikunu kontemporanji jew minuti sommarji miktubin jew reġistrazzjoni awdjo jew awdjoviżiva;

    (i)

    il-proċeduri dwar iċ-ċertifikazzjoni jew il-konferma tad-dikjarazzjoni mill-persuni li jagħmlu d-dikjarazzjoni, anke jekk dan iseħħ wara li d-dikjarazzjoni tkun ittieħdet.

    2.   L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti biex il-persunal tagħhom jipproċedi b'mod effiċjenti, inklużi arranġamenti li jippermettu lill-persunal tagħhom jiftiehem dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista' tkun meħtieġa, inklużi dan li ġej:

    (a)

    l-ippjanar ta' dati;

    (b)

    il-lista ta' mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni u r-rieżami tagħha;

    (c)

    l-arranġamenti tal-ivvjaġġar, inkluż l-iżgurar li l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni qabel ma tittieħed id-dikjarazzjoni;

    (d)

    l-arranġamenti tat-traduzzjoni.

    Artikolu 7

    Il-proċedura għal talbiet għal verifika jew investigazzjoni fuq il-post

    1.   Meta jkun hemm talba biex titwettaq verifika jew investigazzjoni fuq il-post, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkonsultaw ma' xulxin dwar l-aħjar mod biex iwettqu t-talba għal kooperazzjoni billi jikkunsidraw il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, inkluż dwar il-merti biex titwettaq verifika konġunta jew investigazzjoni konġunta fuq il-post.

    Meta jiddeċiedu dwar l-aħjar mod biex iwettqu b'mod utli t-talba għall-kooperazzjoni, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom iqisu tal-anqas dan li ġej:

    (a)

    il-kontenut ta' kwalunkwe talba għal koperazzjoni rċevuta mingħand l-awtorità rikjedenti, inkluż kwalunkwe suġġeriment dwar l-adegwatezza li twettaq investigazzjoni jew verifika konġunta fuq il-post;

    (b)

    jekk humiex it-tnejn li huma qed iwettqu inkjesti separati dwar kwistjoni b'implikazzjonijiet transfruntiera u jekk din il-kwistjoni tkunx trattata aħjar b'kollaborazzjoni konġunta;

    (c)

    il-qafas legali u regolatorju fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom, b'mod li jiżguraw li ż-żewġ awtoritajiet ikunu fehmu sew ir-restrizzjonijiet potenzjali u l-limitazzjonijiet legali fuq l-aġir tagħhom u fuq kwalunkwe proċediment li jista' jsegwi, inkluż kwalunkwe kwistjoni relatata mal-prinċipju ta' ne bis in idem;

    (d)

    l-immanġġjar u d-direzzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post;

    (e)

    l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ħatra tal-persunal inkarigat biex iwettaq investigazzjonijiet jew spezzjonijiet fuq il-post;

    (f)

    il-possibbiltà li jiġi stabbilit pjan ta' azzjoni konġunta u l-iskedar tal-ħidma miż-żewġ awtoritajiet;

    (g)

    id-determinazzjoni ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu, b'mod konġunt jew b'mod individwali, minn kull awtorità;

    (h)

    kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni miġbura u tar-rappurtar dwar ir-riżultati tal-azzjonijiet individwali meħuda;

    (i)

    kwistjonijiet speċifiċi oħra tal-każ.

    2.   Meta l-awtorità rikjesta twettaq il-verifika jew l-investigazzjoni hija stess, hija għandha żżomm lill-awtorità rikjedenti infurmata dwar il-progress ta' dawn l-attivitajiet u għandha tagħti r-riżultati tagħha fil-ħin.

    3.   Meta l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta jiddeċiedu li jwettqu verifika jew investigazzjoni konġunta fuq il-post, huma għandhom:

    (a)

    jidħlu fi djalogu kontinwu biex jikkoordinaw il-proċess tal-ġbir tal-informazzjoni u l-konstatazzjoni tal-fatti;

    (b)

    jaħdmu mill-qrib u jikkooperaw ma' xulxin meta jwettqu investigazzjoni jew spezzjoni konġunta fuq il-post;

    (c)

    jidentifikaw id-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni jew tal-ispezzjoni fuq il-post;

    (d)

    meta rilevanti, jaqblu dwar mill-inqas dan li ġej:

    (i)

    it-tfassil ta' pjan ta' azzjoni konġunt li jispeċifika s-sustanza, in-natura u l-iskedar tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, inkluż l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fl-implimentazzjoni tal-eżitu tal-ħidma u filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet rispettivi ta' kull awtorità;

    (ii)

    l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' kwalunkwe limitazzjoni jew restrizzjoni legali u kwalunkwe differenzi fil-proċeduri fir-rigward ta' azzjoni investigattiva jew ta' infurzar jew kwalunkwe proċediment ieħor, inklużi d-drittijiet ta' kwalunkwe persuna soġġetta għal investigazzjoni;

    (iii)

    l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-privileġġi professjonali legali speċifiċi li jista' jkollhom impatt fuq il-proċedimenti ta' investigazzjoni kif ukoll il-proċedimenti ta' infurzar, inkluż l-awtoinkriminazzjoni;

    (iv)

    l-istrateġija mal-pubbliku u mal-istampa

    (v)

    l-użu intenzjonat tal-informazzjoni skambjata.

    Artikolu 8

    Skambji mhux mitluba ta' informazzjoni

    1.   Meta awtorità kompetenti jkollha informazzjoni li temmen li tkun ta' għajnuna għal awtorità kompetenti oħra biex twettaq dmirijietha skont id-Direttiva 2014/65/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), din għandha tittrażmetti dik l-informazzjoni f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti l-oħra.

    2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, jekk l-awtorità kompetenti li tibgħat l-informazzjoni, taħseb li l-informazzjoni għandha tintbagħat b'urġenza, din tista' inizjalment tikkomunika l-informazzjoni verbalment dment li ssir trasmissjoni sussegwenti tal-informazzjoni bil-miktub fi żmien raġonevoli, sakemm l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni ma taqbilx mod ieħor.

    3.   Awtorità li tibgħat informazzjoni fuq bażi mhux mitluba għandha tagħmel dan permezz tal-formola li tidher fl-Anness III, filwaqt li tidentifika b'mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

    Artikolu 9

    Rekwiżit li l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati

    1.   Meta, skont l-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, awtorità kompetenti ta' suq regolat tindirizza direttament lil ditti ta' investiment li jkunu membri jew parteċipanti remoti tas-suq regolat, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-membru jew tal-parteċipant remot, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, bl-użu tal-formola li tidher fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament, immedjatament wara li tkun ikkuntattjat lill-membru jew lill-parteċipant remot dment li l-awtorità tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-membru jew tal-parteċipant remot ma tkunx diġà qablet bil-miktub li tiġi infurmata permezz ta' mezzi oħra ta' komunikazzjoni.

    2.   Jekk ir-raġuni biex jiġi indirizzat il-membru jew il-parteċipant remot tas-suq regolat tkun urġenti, l-awtorità kompetenti tas-suq regolat tista' għal raġunijiet ġustifikati tinnotifika verbalment, dment li l-konferma sussegwenti tat-talba ssir bil-miktub fi żmien raġonevoli, sakemm l-awtorità rikjesta ma taqbilx mod ieħor.

    Artikolu 10

    Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).


    ANNESS I

    Formula għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta' informazzjoni

    Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

    ANNESS II

    Formola tal-konferma tar-riċevuta

    Image Test ta 'immaġni

    ANNESS III

    Formula għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta' informazzjoni

    Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

    ANNESS IV

    Formola għan-notifika biex jiġi indirizzat direttament membru jew parteċipant remot ta' suq regolat

    Image Test ta 'immaġni

    Top