EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0953

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/953 tas-6 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format u t-twaqqit tar-rapporti dwar il-pożizzjonijiet tad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq ta' ċentri tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/3671

ĠU L 144, 7.6.2017, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/953/oj

7.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/953

tas-6 ta' Ġunju 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-format u t-twaqqit tar-rapporti dwar il-pożizzjonijiet tad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq ta' ċentri tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(7) tagħha

Billi:

(1)

Sabiex tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi ta' komoditajiet, tal-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi tagħhom, jenħtieġ li l-operaturi tas-suq u d-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar li fih jiġu nnegozjati dawn l-istrumenti finanzjarji jippubblikaw rapport ta' kull ġimgħa li juri l-għadd aggregat ta' persuni li għandhom il-kuntratt u t-total ta' pożizzjonijiet miftuħa għal kull derivattiva ta' komoditajiet, kwota tal-emissjonijiet jew derivattiva tal-kwota ta' emissjonijiet li tkun taqbeż il-limiti speċifikati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/591 (2) fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajietu jikkomunikaw dak ir-rapport lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(2)

Il-preżentazzjoni f'waqtha tar-rapporti preċedentement ippubblikati miċ-ċentri tan-negozjar rispettivi bi skadenza ċara u komuni tiffaċilita l-pubblikazzjoni ċentralizzata ta' kull ġimgħa mill-ESMA ta' dawn ir-rapporti minn madwar l-Unjoni.

(3)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(5)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skadenzi tar-rapportar

L-operaturi tas-suq u d-ditti tal-investiment imsemmija fl-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jibgħatu lill-ESMA, mhux aktar tard mill-Erbgħa 17.30 CET tal-ġimgħa sussegwenti, ir-rapport ta' kull ġimgħa imsemmi fil-punt (a) ta' dan l-Artikolu rigward il-pożizzjonijiet aggregati miżmuma, kull ġimgħa fil-ħin tal-għeluq tan-negozju.

Meta t-Tnejn, it-Tlieta jew l-Erbgħa tal-ġimgħa li fiha għandu jiġi ppreżentat ir-rapport ma jkunx jum tax-xogħol għall-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment imsemmija fl-ewwel paragrafu, dan l-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment għandhom jippreżentaw ir-rapport mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-Ħamis 17.30 CET ta' dik il-ġimgħa.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/591 tal-1 ta' Diċembru 2016 li jissuplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-applikazzjoni ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komoditajiet (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 479).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top