Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0838

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/838 tas-17 ta' Mejju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 fir-rigward tal-għalf għal ċerti annimali organiċi tal-akkwakultura (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/3145

    ĠU L 125, 18.5.2017, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R1165

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/838/oj

    18.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/5


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/838

    tas-17 ta' Mejju 2017

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 fir-rigward tal-għalf għal ċerti annimali organiċi tal-akkwakultura

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 16(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi għall-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura, inklużi r-rekwiżiti fir-rigward tal-għalf. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2).

    (2)

    L-Artikolu 15(1)(d)(i) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jeħtieġ li l-ħut u l-krustaċji, jintemgħu b'għalf organiku li jissodisfa l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-annimali fl-istadji varji tal-iżvilupp tagħhom.

    (3)

    L-Artikolu 25l tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-għalf għal ċerti annimali tal-akkwakultura msemmija fit-Taqsimiet 6, 7 u 9 tal-Anness XIIIa ta' dak ir-Regolament. Ir-regoli stipulati f'dak l-Artikolu għandhom l-għan li jagħtu prijorità lill-għalf disponibbli b'mod naturali, meta dan ikun disponibbli.

    (4)

    Skont l-Artikolu 25l(1) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, l-annimali kkonċernati għandhom jingħalfu b'għalf li jkun disponibbli b'mod naturali fil-vaski u fil-lagi. L-Artikolu 25l(2) ta' dak ir-Regolament jippermetti l-użu ta' għalf organiku li ġej mill-pjanti jew mill-alka fejn ma jkunux disponibbli riżorsi naturali tal-għalf fi kwantitajiet suffiċjenti. L-Artikolu 25l(3)(a) u (b) ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi l-perċentwali massimi ta' ħut imqadded mitħun u ta' żejt tal-ħut li jista' jiġi inkluż fil-porzjon ta' għalf tas-siamese catfish u tal-gambli fejn l-għalf naturali disponibbli jiġi ssupplimentat.

    (5)

    L-għalf disponibbli b'mod naturali huwa limitat jew noneżistenti fl-istadju tat-tfaqqis. L-Istati Membri indikaw lill-Kummissjoni li r-regoli dwar it-tmigħ tal-gambli penaeid, b'mod partikolari l-gambli Tigra (Penaeus monodon), stabbiliti fl-Artikolu 25l(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, iwasslu għal malnutrizzjoni u żieda fil-mortalità jekk jiġu applikati fi stadji bikrija tat-trobbija f'mafqas.

    (6)

    L-Artikolu 25l(1) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jitlob li l-annimali kkonċernati jingħalfu b'għalf li jkun disponibbli b'mod naturali fil-vaski u fil-lagi. Ir-regola stabbilita f'dak l-Artikolu għandha tikkonċerna biss l-fażijiet ta' tismin li waqthom l-annimali jinżammu f'għadajjar u lagi, pjuttost milli f'mafqas fejn l-għalf disponibbli naturalment ma jkunx biżżejjed. Dan huwa speċjalment pertinenti mill-31 ta' Diċembru 2016, minn meta, f'konformità mal-Artikolu 25e(3) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008, il-frieħ tal-annimali tal-akkwakultura soġġetti għal kundizzjonijiet partikolari ta' ġestjoni mhux organiċi ma jistgħux jiddaħħlu aktar f'azjendi organiċi. Qabel din id-data, kien permess li jiġi introdott persentaġġ ta' annimali żgħar mhux organiċi f'azjendi agrikoli organiċi, wara stadju f'maqfas taħt ġestjoni mhux organika.

    (7)

    Barra minn hekk, il-grupp ta' esperti biex jagħti pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika (“EGTOP”), imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kommissjoni 2009/427/KE (3) ikkonferma li ir-regoli speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 25l(3)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 huma adattati biss għall-istadji ta' tismin (4). L-EGTOP tqis li l-limitazzjonijiet fuq il-ħut mitħun u ż-żejt tal-ħuta stabbiliti f'dak l-Artikolu ma jippermettux li jintlaħqu l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-annimali matul l-istadji bikrija tal-ħajja filwaqt li l-annimali jkunu f'mafqas.

    (8)

    Il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jiġu emendati r-regoli dwar l-għalf għal ċerti annimali tal-akkwakultura billi jiġi ċċarat li dawn ir-regoli japplikaw biss għall-istadji ta' tismin. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni l-Kummissjoni qieset ir-rekwiżit li jissodisfa l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-annimali fl-istadji varji tal-iżvilupp tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 15(1)(d)(i) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, l-għan tal-Artikolu 25l tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 biex tingħata priorità lill-għalf disponibbli naturalment fejn dan ikun disponibbli, u l-opinjoni tal-EGTOP.

    (9)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju għall-produzzjoni organika,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 25l, il-paragrafu 1 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Fl-istadji ta' tismin, l-annimali tal-akkwakultura kif imsemmija fit-Taqsimiet 6, 7 u 9 tal-Anness XIIIa għandhom jingħalfu b'għalf li jkun disponibbli b'mod naturali fil-vaski u fil-lagi.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/427/KE tat-3 ta' Ġunju 2009 li tistabbilixxi l-grupp ta' esperti biex jagħti pariri tekniċi dwar il-produzzjoni organika (ĠU L 139, 5.6.2009, p. 29).

    (4)  Rapport finali: http://ec.europa.eu/agriculture/organic/sites/orgfarming/files/final_report_egtop_on_aquaculture_part-c_en.pdf


    Top