Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0827

    Regolament (UE) 2017/827 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 258/2014 dwar l-istabbiliment ta' Programm tal-Unjoni għas-sostenn ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar għall-perijodu 2014-2020 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    ĠU L 129, 19.5.2017, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/827/oj

    19.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 129/24


    REGOLAMENT (UE) 2017/827 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-17 ta' Mejju 2017

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 258/2014 dwar l-istabbiliment ta' Programm tal-Unjoni għas-sostenn ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar għall-perijodu 2014-2020

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Abbażi tar-Regolament (UE) Nru 258/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (il-“Fondazzjoni tal-IFRS”), li hija s-suċċessur ġuridiku tal-Fondazzjoni tal-Kumitat tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità, u l-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB) jibbenefikaw minn kofinanzjament min-naħa tal-Unjoni fil-forma ta' għotjiet operattivi sal-31 ta' Diċembru 2020.

    (2)

    Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), abbażi tar-Regolament (UE) Nru 258/2014, ibbenefika minn kofinanzjament min-naħa tal-Unjoni fil-forma ta' għotjiet operattivi sal-31 ta' Diċembru 2016.

    (3)

    Fit-12 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport ta' Philippe Maystadt, konsulent speċjali għall-Kummissarju responsabbli għas-suq intern u s-servizzi (ir-“rapport tal-konsulent speċjali”), li fih iddeskriva fil-qosor riformi potenzjali għall-governanza tal-EFRAG li għandhom l-għan li jsaħħu l-kontribut tal-Unjoni għall-iżvilupp ta' standards internazzjonali tal-kontabilità.

    (4)

    Il-Kummissjoni ssorveljat mill-qrib l-implimentazzjoni tar-riforma tal-governanza tal-EFRAG u informat debitament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress f'dak ir-rigward. Abbażi ta' dak, huwa xieraq li jitkompla l-finanzjament tal-EFRAG għall-perijodu 2017 sal-2020 sabiex jintlaħqu l-objettivi fuq żmien twil tal-programm tal-Unjoni ta' appoġġ għal attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar.

    (5)

    Il-Bord tal-EFRAG, waqt li jirrifletti rappreżentazzjoni bilanċjata kemm tal-interessi pubbliċi kif ukoll dawk privati, jenħtieġ li jiżgura li l-membri tal-Bord tiegħu jintrabtu li jaġixxu fl-interess tal-pubbliku Ewropew. L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Bank Ċentrali Ewropew huma mistiedna jikkontribwixxu b'mod attiv fil-ħidma tal-Bord tal-EFRAG, sa fejn possibbli.

    (6)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisbiet u l-attivitajiet ewlenin tal-EFRAG fis-sena preċedenti. Jenħtieġ li dak ir-rapport jeżamina wkoll l-iżviluppi fir-rigward tal-kriterju tal-ġid pubbliku estiż u jagħti deskrizzjoni ġenerali dettaljata dwar l-iżviluppi fil-qasam tal-istandards internazzjonali ta' rappurtar finanzjarju (IFRS). Jenħtieġ li l-istandards tal-kontabilità la jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u lanqas ixekklu l-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni.

    (7)

    Fir-rigward tal-iżvilupp tal-IFRS, il-PIOB u l-EFRAG, jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni jirreferi wkoll għas-segwitu għal u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-Fondazzjoni tal-IFRS, il-PIOB u l-EFRAG huma mħeġġa jipparteċipaw regolarment, mill-inqas darba fis-sena, f'seduti ta' smigħ organizzati mill-Parlament Ewropew sabiex jagħtu rendikont sħiħ tal-iżvilupp tal-istandards internazzjonali ta' rappurtar finanzjarju u ta' awditjar.

    (8)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni aktar regolari dwar il-ħidma konġunta tal-Fondazzjoni tal-IFRS, tal-PIOB u tal-EFRAG, minħabba li dawk it-tliet korpi huma kkofinanzjati mill-Unjoni u qed jaħdmu favur l-istess objettivi.

    (9)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra wkoll il-bidliet possibbli għall-ħidma u l-istatus ġuridiku privat tal-EFRAG fit-tul.

    (10)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 258/2014 jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari ż-żieda tal-baġit ta' programm tal-Unjoni għall-perijodu mill-2017 sal-2020 sabiex jiġu appoġġati l-attivitajiet tal-EFRAG li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni fir-rigward tar-rappurtar finanzjarju, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dak l-objettiv.

    (12)

    Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-finanzjament tal-EFRAG, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu u jenħtieġ li japplika mill-1 ta' Jannar 2017,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 258/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 3(1)(a), il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(i)

    EFRAG;”;

    (2)

    L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-2014 sal-2020 għandu jkun ta' EUR 57 007 000 fi prezzijiet attwali.”;

    (b)

    fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    għall-EFRAG: EUR 23 134 000;”.

    (3)

    L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4a.   Fir-rigward tal-Fondazzjoni tal-IFRS u l-IASB, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jivvaluta wkoll il-governanza tagħhom, b'mod partikolari f'termini tat-trasparenza, il-prevenzjoni tal-konflitti ta' interess u tad-diversità tal-esperti, u l-passi li ttieħdu biex tiġi żgurata rappreżentazzjoni wiesgħa ta' interessi u r-responsabbiltà pubblika.

    Barra minn hekk, bl-għan li jiġu żgurati standards ta' kontabilità ta' kwalità għolja u standards għoljin ta' trasparenza, responsabbiltà u integrità, ir-rapport għandu jidentifika u jivvaluta l-azzjonijiet meħuda fi ħdan il-Fondazzjoni tal-IFRS li, fost affarijiet oħra, jikkonċernaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, id-djalogu miftuħ mal-istituzzjonijiet Ewropej u l-partijiet ikkonċernati differenti, ir-regoli dwar it-trasparenza tal-laqgħat tal-partijiet ikkonċernati, u l-istabbiliment tar-reġistri ta' trasparenza.”;

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Fir-rigward tal-PIOB u l-organizzazzjoni suċċessur tiegħu, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkopri l-iżviluppi fid-diversifikazzjoni tal-finanzjament u għandu jivvaluta l-mod kif il-ħidma tal-PIOB tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kwalità tal-awditjar, inkluż l-integrità fil-professjoni tal-awditjar. Jekk il-finanzjament mill-IFAC f'sena partikolari jilħaq aktar minn żewġ terzi tat-total annwali tal-finanzjament tal-PIOB, il-Kummissjoni għandha tipproponi li l-kontribuzzjoni annwali tagħha għal dik is-sena tkun limitata għal massimu ta' EUR 300 000.”;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “6a.   Fir-rigward tal-EFRAG, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jivvaluta mill-2018:

    (a)

    jekk il-kriterju ta' ġid pubbliku estiż kif irrakkomandat fir-rapport tal-konsulent speċjali ġiex rispettat matul il-proċess ta' konferma mwettaq matul is-sena preċedenti;

    (b)

    jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kinux involuti fi stadju bikri waqt l-iżvilupp tal-istandards tar-rappurtar finanzjarju, b'mod ġenerali, u fil-proċess ta' konferma b'mod partikolari;

    (c)

    jekk l-istruttura ta' finanzjament tal-EFRAG hix diversifikata u bbilanċjata b'mod suffiċjenti sabiex dan ikun jista' jaqdi l-missjoni tiegħu fl-interess pubbliku b'mod indipendenti u effiċjenti; u

    (d)

    il-governanza tal-EFRAG, b'mod partikolari f'termini ta' trasparenza, u l-passi li jkunu ttieħdu biex tiġi żgurata rappreżentazzjoni wiesgħa ta' interessi u r-responsabbiltà pubblika.

    Barra minn hekk, għandu jidentifika u jivvaluta l-azzjonijiet meħuda fi ħdan l-EFRAG sabiex jiġu żgurati standards għoljin ta' responsabbiltà demokratika, trasparenza, u integrità li, fost affarijiet oħra, jikkonċernaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, id-djalogu miftuħ mal-istituzzjonijiet Ewropej u l-partijiet ikkonċernati differenti, l-istabbiliment ta' reġistri obbligatorji ta' trasparenza u regoli dwar it-trasparenza tal-laqgħat tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll regoli interni, b'mod partikolari l-prevenzjoni tal-konflitti ta' interess.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi.Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ABELA


    (1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 147.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2017.

    (3)  Regolament (UE) Nru 258/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' programm tal-Unjoni għas-sostenn ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju u l-awditjar għall-perijodu 2014-2020 u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE (ĠU L 105, 8.4.2014, p. 1).


    Top