Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0803

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/803 tat-8 ta' Mejju 2017 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 316/91 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2017/3219

    ĠU L 121, 12.5.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/803/oj

    12.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 121/1


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/803

    tat-8 ta' Mejju 2017

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 316/91 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti.

    (2)

    Il-punt 2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 316/91 (3) ikklassifika sustanza bajda mgħaġuna magħrufa bħala “krema tal-ġewż tal-Indi” li ġeneralment hija maħsuba għall-użu fil-kċina fit-tħejjija ta' zlazi u oġġetti oħra tal-ikel u mmanifatturata permezz tad-dħin fin tal-polpa tal-ġewż tal-Indi u ppasturizzata, taħt l-intestatura 2008 tan-Nomenklatura Magħquda bħala ġewż ippreparat mod ieħor, mhux speċifikat jew inkluż band'oħra. Il-klassifikazzjoni tal-prodott taħt l-intestatura 0801 tan-Nomenklatura Magħquda kienet eskluża minħabba li l-pasturizzazzjoni ma kinitx permessa fil-Kapitolu 8.

    (3)

    In-Nomenklatura Magħquda, stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata ta' Oġġetti (“Sistema Armonizzata”) internazzjonali, imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali (issal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali), u adottata mill-Konvenzjoni Internazzjonali, konkluża fi Brussell, fl-14 ta' Ġunju 1983, u approvata f'isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (4).

    (4)

    In-nota 3 a) tal-Kapitolu 8 ġiet introdotta fis-Sistema Armonizzata fl-1992. Din tippermetti trattament bis-sħana moderata għall-preservazzjoni jew stabilizzazzjoni addizzjonali ta' ġewż imnixxef li ssir referenza għalih f'dak il-Kapitolu. Skont id-dokumenti storiċi mis-Sistema Armonizzata, it-terminu “pasturizzazzjoni”, li oriġinarjament kien propost fit-test ta' dik in-nota fl-aħħar ġie sostitwit bl-espressjoni iktar ġenerali “trattament bis-sħana moderata”. In-noti ta' Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (5) għall-Kapitolu 8 iċċaraw fil-livell tal-Unjoni li l-pasturizzazzjoni hija, inter alia, ammissibbli għal ġewż u frott imnixxef ta' dan il-Kapitolu.

    (5)

    B'konsegwenza ta' dan, huwa xieraq li jitħassar il-punt 2 tat-tabella stipulata fl-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 316/91, sabiex jiġu evitati diverġenzi potenzjali fil-klassifikazzjoni ta' prodotti mnixxfin tal-ġewż tal-Indi, bħall-krema tal-ġewż tal-Indi li tkun irċeviet trattament jkun ġie trattat bis-sħana moderata u biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fl-Unjoni.

    (6)

    Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 316/91 għandu jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-ringiela li tikkorrispondi mal-oġġett 2 ġot-tabella li tinstab fl-Anness ta' dan ir-Regolament (KEE) Nru 316/91 hija mħassra.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2017.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 316/91 tas-7 ta' Frar 1991 li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 37, 9.2.1991, p. 25).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta' April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta' Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).

    (5)  ĠU C 214, 30.6.2015, p. 4.


    Top