This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0763
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/763 of 2 May 2017 imposing a definitive anti-dumping duty and collecting definitively the provisional duty imposed on imports of certain lightweight thermal paper originating in the Republic of Korea
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 tat-2 ta' Mejju 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 tat-2 ta' Mejju 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea
C/2017/2573
ĠU L 114, 3.5.2017, p. 3–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2023
3.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 114/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/763
tat-2 ta' Mejju 2017
li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Miżuri Provviżorji
(1) |
Fis-16 ta' Novembru 2016 il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerta karta termali ħafifa (lightweight thermal paper, “LWTP”) li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (“il-pajjiż ikkonċernat”) permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2005 (2) (“ir-Regolament provviżorju”). |
(2) |
L-investigazzjoni nbdiet fit-18 ta' Frar 2016 (3) wara lment li ġie ppreżentat fl-4 ta' Jannar 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karta Termali (European Thermal Paper Association, “ETPA” jew “l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerta LWTP. |
(3) |
Kif iddikjarat fil-premessa (14) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 (“il-perjodu ta' investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kien ikopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sal-aħħar tal-perjodu ta' investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”). |
1.2. Proċedura sussegwenti
(4) |
Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju antidumping provviżorju (id-divulgazzjoni provviżorja), tliet partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet provviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. |
(5) |
Kemm il-Grupp Hansol u l-ETPA talbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali (“l-Uffiċjal tas-Seduta”). Matul is-seduti li saru fit-13 ta' Diċembru 2016 u fit-2 ta' Marzu 2017, il-Grupp Hansol wieġeb dwar il-kwistjonijiet li ġew diskussi matul is-seduta tal-10 ta' Marzu 2016 (jiġifieri t-talba għall-eżenzjoni milli jwieġbu għall-kwestjonarju għal għadd ta' konvertituri relatati) u kkontesta l-metodoloġija li kienet intużat għall-kalkolu tad-dumping u tal-ħsara. Waqt is-seduta tat-22 ta' Marzu 2017, il-Grupp Hansol semma xi kwistjonijiet dwar il-kalkoli tad-dumping u ppropona li tinbidel il-forma tal-miżuri. Fis-seduta tal-24 ta' Jannar 2017, l-ETPA esprimiet tħassib dwar xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità u kkontestat id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp Hansol dwar l-ambitu tal-prodott u l-livell ta' appoġġ għall-miżuri. |
(6) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għall-konklużjonijiet definittivi tagħha. Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet biħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' LWTP li toriġina mir-Repubblika tal-Korea fl-Unjoni (id-divulgazzjoni definittiva). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Wara d-divulgazzjoni definittiva, saru aktar bidliet għal kalkoli ta' dumping u ta' ħsara li għalihom il-partijiet kollha ġew infurmati u ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom (id-divulgazzjoni addizzjonali finali). Għaldaqstant, il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar il-bidla tal-forma tal-miżuri. |
(7) |
Fejn xieraq il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu. |
1.3. Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili
1.3.1. Il-prodott ikkonċernat
(8) |
Kif stabbilit fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat huwa karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew inqas; f'rombli wiesgħa 20 cm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b'kisja ta' taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b'sustanza termosensittiva (jiġifieri taħlita ta' żebgħa u żviluppatur li jirreaġixxu u jifformaw immaġni meta tiġi applikata s-sħana) fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b'kisja ta' fuq jew mingħajrha, li toriġina mir-Repubblika tal-Korea, li attwalment taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85. |
1.3.2. Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott
(9) |
Il-Grupp Hansol tenna t-talba tiegħu sabiex LWTP ħielsa mill-fenol tiġi eskluża mill-ambitu tal-prodott abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq valutazzjoni xierqa ta' serje ta' fatturi. Skont il-Grupp Hansol, l-LWTP ħielsa mill-fenol u tipi oħra ta' LWTP għandhom kompożizzjoni kimika, proċessi ta' produzzjoni u perċezzjoni tal-konsumaturi differenti. |
(10) |
F'termini ta' kompożizzjoni kimika, il-parti ddikjarat li LWTP li fiha fenol u LWTP ħielsa mill-fenol għandhom kompożizzjoni kimika differenti ħafna abbażi tal-fatt li minn perspettiva regolatorja dawn jiġu ttrattati b'mod differenti fis-suq tal-UE, skont l-iżviluppatur li jkun intuża fil-produzzjoni tagħhom. Madankollu għandu jiġi nnotat li l-bisfenol A (“BPA”) biss, jiġifieri wieħed mid-diversi żviluppaturi possibbli li fihom il-fenol, ġie reċentement ipprojbit fl-Unjoni b'effett mill-2020, u li ma hemm l-ebda trattament legali separat għall-iżviluppaturi l-oħrajn kollha li fihom il-fenol. L-allegat trattament regolatorju aktar strett ta' żewġ żviluppaturi li fihom il-bisfenol ma jurix li l-bisfenol u s-sustanzi fenoliċi kollha li jintużaw bħala żviluppaturi huma differenti minn żviluppaturi oħra tal-kulur. Ġie nnotat ukoll li, għalkemm ta' importanza ewlenija, l-iżviluppatur huwa sempliċiment wieħed biss mid-diversi tipi ta' sustanzi kimiċi meħtieġa għall-produzzjoni ta' LWTP. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-fajl li jappoġġja l-allegazzjoni li l-LWTP li fiha l-BPA kienet diġà ġiet ipprojbita f'xi Stati Membri. Għalhekk, minn perspettiva materjali, ġie konkluż li l-LWTP li fiha l-fenol u l-LWTP ħielsa mill-fenol ma għandhomx kompożizzjoni kimika differenti. Għaldaqstant id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda. |
(11) |
Fir-rigward tal-proċessi tal-produzzjoni, il-parti sostniet li mhuwiex possibbli li fl-istess linja ta' produzzjoni tiġi prodotta LWTP ħielsa mill-fenol u ħielsa mill-PBA. Madankollu l-investigazzjoni uriet li, teknikament, huwa possibbli li fl-istess linja ta' produzzjoni tiġi prodotta LWTP ħielsa mill-fenol u LWTP li fiha l-fenol, għalkemm f'lottijiet differenti, u li l-produtturi tal-Unjoni jagħmlu dan. |
(12) |
Fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi, il-parti allegat li l-konsumaturi huma konxji mill-preżenza ta' bisfenol f'LWTP. Barra minn hekk il-grupp Hansol sostna li produttur Amerikan ta' LWTP beda jipproduċi LWTP ħielsa mill-fenol bi tweġiba għal domanda mill-konsumaturi u li katina ta' supermarkets fl-Unjoni esprimiet tħassib dwar it-tip ta' żviluppatur użat fil-LWTP. Madankollu, filwaqt li jista' jkun hemm preferenzi differenti bejn il-konsumaturi, b'mod ġenerali minn perspettiva ta' domanda, it-tipi kollha ta' prodotti huma interkambjabbli (mingħajr ebda tibdil magħmul mill-utenti finali) u jikkompetu bejniethom. |
(13) |
Il-grupp Hansol allega wkoll li hemm disponibbiltà limitata ta' Pergafast 201 (żviluppatur tal-kulur ħieles mill-fenol) u li fid-dawl tal-prezzijiet tax-xiri ta' żewġ kumpaniji fl-Unjoni relatati mal-Grupp Hansol hemm differenza sinifikanti fil-prezz bejn LWTP ħielsa mill-fenol u dik li fiha l-fenol. |
(14) |
Minħabba l-eżistenza ta' ħafna tipi ta' żviluppaturi, l-allegata disponibbiltà limitata ta' tip speċifiku wieħed biss, jiġifieri l-Pergafast 201 (li, fi kwalunkwe każ, il-Grupp Hansol ma jidhirx li uża), hija irrelevanti, minħabba li hemm sorsi alternattivi oħra. Pereżempju, fl-2015 il-Kumitati tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, jiġifieri l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (“RAC”) u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”), qiesu li dak iż-żmien kien hemm xi 10 alternattivi realistiċi għal bisfenol A għall-karta termali kif ukoll alternattivi promettenti ġodda (4). Il-fornituri ta' żviluppaturi ta' sustanzi kimiċi huma mistennija li jkunu lesti għall-projbizzjoni fuq il-BPA msemmija fil-premessa (10) u għall-iskadenza tal-privattiva fuq Pergafast 201 sal-2019. |
(15) |
Fir-rigward tal-allegata differenza fil-prezz, huwa komuni li l-prodott li jkun kopert minn investigazzjoni antidumping jinkludi diversi tipi b'meded differenti ta' prezzijiet. Madankollu fiha nnifisha din id-differenza fil-prezzijiet mhijiex biżżejjed sabiex id-diversi tipi jitqiesu bħala prodotti differenti għall-finijiet tad-definizzjoni ta' prodott soġġett għal investigazzjoni antidumping, sakemm id-diversi tipi jikkondividu l-istess karatteristiċi bażiċi u jikkompetu ma' xulxin, li huwa l-każ hawnhekk. Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe element li jaffettwa l-prezzijiet jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tqabbil bejn il-prezzijiet. Il-grupp Hansol tenna li hemm differenza sinifikanti fil-prezz bejn LWTP ħielsa mill-fenol u dik li fiha l-fenol (skont il-prezzijiet tax-xiri tal-konvertituri tagħha fl-Unjoni), li allegatament tkun turi li dawn huma prodotti differenti. F'dan ir-rigward, ir-riżultat ġenerali fil-premessa (113) tar-Regolament provviżorju li l-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità ta' LWTP ħielsa mill-fenol waqgħu taħt il-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità ta' LWTP li fiha l-fenol ma tistax tiġi kontradetta mill-prezzijiet tax-xiri ta' żewġ kumpaniji fl-Unjoni relatati mal-grupp Hansol, li jirrappreżentaw sehem żgħir tal-konsum tal-Unjoni. |
(16) |
Għall-ewwel il-grupp Hansol sostna li l-LWTP ħielsa mill-fenol m'għandhiex tkun koperta mill-investigazzjoni għar-raġuni li l-LWTP la hi prodotta u lanqas esportata mir-Repubblika tal-Korea. F'dan ir-rigward, is-siti web tal-Grupp Hansol juru li din il-parti għandha għall-bejgħ kemm karta termali ħielsa mill-bisfenol kif ukoll LWTP mingħajr BPA. |
(17) |
Il-Grupp Hansol iddikjara wkoll li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddefinixxiet l-ambitu tal-prodott wiesa' żżejjed, minħabba li dan ixekkel l-iżviluppi teknoloġiċi futuri. B'mod partikolari, il-parti allegat li l-katalgi tal-ilmentaturi ma jurux LWTP li tiżen inqas minn 44 g/m2, u tenniet id-dikjarazzjoni tagħha msemmija fil-premessa (20) tar-Regolament provviżorju li dan it-tip ta' LWTP għandu jiġi eskluż. |
(18) |
Din id-dikjarazzjoni ma ġiet sostnuta bl-ebda evidenza. L-ewwel nett, ma hemm xejn fil-fajl li juri li LWTP ta' inqas minn 44 g/m2 għandha karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi, użu, perċezzjoni tal-konsumaturi, kanali ta' distribuzzjoni, proċess ta' manifattura, spejjeż ta' produzzjoni u kwalità differenti minn dawk ta' LWTP oħra jew li mhijiex interkambjabbli. It-tieni nett, ma hemm l-ebda ostakolu tekniku li jwaqqaf lill-produtturi milli jipproduċu LWTP ta' inqas minn 44 g/m2. Fil-fatt, produttur wieħed tal-Unjoni attwalment ibigħ LWTP li tiżen 42 g/m2. It-tielet, ma hemmx linja diviżorja ċara fir-rigward il-piż. Produtturi ta' karta termali jaħdmu b'tolleranza f'dak li jirrigwarda l-piż. Pereżempju huwa possibbli li karta kummerċjalizzata bħala 45 g/m2 fil-fatt tiżen ftit inqas jew li karta kummerċjalizzata bħala 44 g/m2 tabilħaqq tiżen aktar milli mħabbar. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda. |
1.3.3. Konklużjoni
(19) |
Skont dan, il-konklużjonijiet dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li ntlaħqu fil-premessi minn (16) sa (24) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
2. DUMPING
2.1. Il-valur normali
(20) |
Kif ġie spjegat fil-premessa (12) tar-Regolament provviżorju, il-Grupp Hansol huwa magħmul mill-produtturi esportaturi Koreani Hansol Paper u Artone. Fil-każ ta' Artone, kien hemm żewġ tipi ta' prodott bl-ebda bejgħ domestiku jew bejgħ mhux rappreżentattiv. Għal dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien ġie kkalkolat abbażi tal-kost tal-produzzjoni ta' Artone (ara l-premessi (34) sa (36) tar-Regolament provviżorju). Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Hansol sostna li, fid-determinazzjoni tal-valur normali għal dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti, il-Kummissjoni kien imissha użat il-prezzijiet tal-produttur l-ieħor, Hansol Paper, minflok ma ħadmet il-valur normali abbażi tal-kost tal-produzzjoni ta' Artone. Din id-dikjarazzjoni kienet imtennija wara d-divulgazzjoni definittiva. |
(21) |
Id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda, minħabba li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-istruttura tal-kost u l-prezzijiet tal-bejgħ ta' Artone kienu ferm differenti minn dawk ta' Hansol Paper. Barra minn hekk, għal wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti mibjugħa minn Hansol Paper, instab li l-kwantitajiet ta' bejgħ domestiku ma kinux rappreżentattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li f'dawn iċ-ċirkostanzi kien aktar xieraq li l-valur normali għal dawn it-tipi ta' prodotti jiġi kkalkolat abbażi tal-kost tal-produzzjoni ta' Artone flimkien ma' ammont raġonevoli għall-bejgħ, għall-kostijiet ġenerali u amministrattivi (“BĠA”) u l-profitt, skont l-ewwel għażla taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. |
2.2. Prezz tal-esportazzjoni
(22) |
Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni provviżorja, il-Grupp Hansol ikkontesta l-inklużjoni ta' rombli żgħar sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta' dumping għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-volum ta' bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet mhux relatati kien ser ikun wieħed sinifikanti u għalhekk kalkolu abbażi ta' dak il-bejgħ ikun rappreżentattiv. It-tieni nett, ir-rombli żgħar mhumiex il-prodott ikkonċernat. |
(23) |
Kif spjegat fil-premessi (25) u (37) tar-Regolament provviżorju, il-maġġoranza vasta (bejn 75 % u 85 %) tal-bejgħ tal-Unjoni minn Hansol Paper u Artone kien bejgħ lil partijiet relatati destinat għall-konverżjoni f'rombli żgħar. Fid-dawl tal-kwantità sinifikanti tar-rombli jumbo li ġew konvertiti f'rombli żgħar u li wara dan biss reġgħu nbiegħu lil klijenti mhux relatati, il-Kummissjoni sostniet li dawn ir-rombli żgħar ma setgħux jiġu injorati fil-kalkoli. Għalhekk kien xieraq li fir-rigward tal-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati għall-konverżjoni f'rombli żgħar, il-prezz tal-esportazzjoni jiġi stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat u kkonvertit kien reġa' nbiegħ għall-ewwel darba lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. |
(24) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-Grupp Hansol tenna l-oġġezzjoni tiegħu għall-inklużjoni ta' rombli żgħar fil-kalkolu tad-dumping. Madankollu, ma tressqu l-ebda elementi ġodda. |
(25) |
Barra minn hekk, il-Grupp Hansol ikkritika l-fatt li, fir-rigward tal-bejgħ permezz ta' partijiet relatati, il-marġni tad-dumping kien ibbażat fuq data minn konvertitur relatat uniku u mhux fuq data mill-erba' konvertituri relatati kollha. |
(26) |
F'dan ir-rigward, għandu jitqies dan li ġej. Fid-19 ta' Frar 2016, il-Grupp Hansol talab lill-Kummissjoni biex teżenta kompletament tlieta minn erba' konvertituri relatati milli jwieġbu l-kwestjonarju. Fit-23 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni aċċettat din it-talba, madankollu tirriżerva d-dritt li tagħmel aktar stħarriġ/talbiet għal informazzjoni kif u meta jkun meħtieġ fir-rigward ta' dawn it-tliet konvertituri oħrajn relatati. Fis-7 ta' Marzu 2016, wara li analizzat ulterjorment l-informazzjoni ppreżentata mill-Grupp Hansol waqt laqgħa fit-22 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni talbet lil dawn it-tliet konvertituri relatati biex iwieġbu għal verżjoni adattata tal-kwestjonarju li, fost l-oħrajn, kien jinkludi t-talba għal data dwar kostijiet tal-konverżjoni u bejgħ mill-ġdid ta' rombli żgħar. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Grupp Hansol talab smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta li sar fl-10 ta' Marzu 2016. Huwa mmotiva t-talba ta' smigħ tiegħu billi reġa' talab li t-tliet konvertituri jiġu eżentati milli jwieġbu l-kwestjonarju u għaliex ma setax jifhem “għal liema raġuni l-Kummissjoni talbet id-data tal-kostijiet u tal-bejgħ għal prodott mhux ikkonċernat u kif din id-data tista' tintuża b'mod xieraq fl-investigazzjoni preżenti.” Din il-pożizzjoni reġgħet ġiet imtennija matul is-seduta. |
(27) |
L-uffiċjal tas-Seduta ssuġġerixxa li jintlaħaq kompromess bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-partijiet interessati dwar il-kwistjoni ta' kif għandu jiġi vverifikat jekk il-volum ta' data, it-traċċabilità u tal-prezz tal-esportazzjoni bbażat fuq il-bejgħ ta' rombli żgħar kinux rilevanti għall-investigazzjoni u ssuġġerixxa li ssir żjara ta' verifika minn qabel lir-raba' importatur relatat, li għalih l-ebda eżenzjoni ma kienet mitluba, biex tiġi vverifikata l-korrettezza tal-ispjegazzjonijiet tal-parti. Abbażi tar-riżultati pożittivi, l-Uffiċjal tas-Seduta ssuġġerixxa li tiġi llimitata l-investigazzjoni għal dik il-parti f'dak li jirrigwarda l-kostruzzjoni tal-prezz ta' esportazzjoni għall-bejgħ ta' rombli żgħar mill-Grupp Hansol. B'segwitu għal dawn is-suġġerimenti, il-Kummissjoni kkunsidrat kemm jista' jkun possibbli li jitnaqqas il-piż għall-kumpaniji konvertituri relatati u kif tista' tiġi stabbilita t-traċċabilità bejn il-bejgħ ta' rombli żgħar u l-importazzjonijiet ta' rombli jumbo. |
(28) |
Wara dik l-ewwel seduta f'Marzu 2016 u ż-żjara sussegwenti fuq il-post, il-Kummissjoni stabbilixxiet dan li ġej. L-ewwel nett, fost l-erba' konvertituri relatati, konvertitur relatat kien xtara, bil-bosta, l-aktar sehem baxx ta' rombli jumbo biex jinbidlu minn produtturi oħra mhux relatati u li ma kinux Koreani ta' rombli jumbo (jiġifieri inqas minn 25 % tax-xiri tiegħu ta' rombli jumbo). It-tieni, dak l-istess konvertitur relatat xtara l-akbar volumi ta' rombli jumbo biex jinbidlu f'rombli żgħar mill-Grupp Hansol. It-tielet nett, l-istess konvertitur relatat kien jirrappreżenta parti kbira mill-bejgħ ta' rombli jumbo tal-Grupp Hansol lil konvertituri relatati fl-Unjoni u kien jirrappreżenta wkoll l-akbar volum ta' bejgħ mill-ġdid ta' rombli jumbo lil klijenti indipendenti. Fl-aħħar nett, il-volum ta' bejgħ ta' rombli żgħar lil klijenti mhux relatati kien ukoll ferm ogħla minn dawk il-volumi mill-erba' konvertituri kollha relatati, minbarra wieħed. Madankollu, dan tal-aħħar ġie akkwistat biss matul it-tieni nofs tal-perjodu ta' investigazzjoni u għalhekk kien inqas rappreżentattiv. |
(29) |
F'dan l-isfond, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża r-riżultati tagħha fir-rigward tal-bejgħ tal-Grupp Hansol li sar permezz ta' konvertituri relatati fuq id-data minn dak il-konvertitur relatat li kien meqjus bħala l-aktar wieħed rappreżentattiv. Dawn ir-riżultati ġew ikkunsidrati bħala rappreżentattivi fir-rigward tal-bejgħ tal-kumpanija permezz ta' konvertituri relatati meta wieħed jikkunsidra l-volumi baxxi rreġistrati mill-konvertitur relatat għax-xiri ta' rombli jumbo b'oriġini mhux Koreana għal konverżjoni kif ukoll il-volumi kbar tal-bejgħ tal-Grupp Hansol lil partijiet mhux relatati li l-konvertitur relatat kien ipparteċipa fihom. |
(30) |
Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa (25) tar-Regolament provviżorju, iż-żewġ mezzi ta' bejgħ (jiġifieri l-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet mhux relatati u l-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati destinati għall-konverżjoni f'rombli żgħar) ingħataw l-importanza xierqa. Għalhekk, kif spjegat fil-premessa (45) tar-Regolament provviżorju, il-konstatazzjoni fir-rigward tal-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati għall-konverżjoni fi u l-bejgħ sussegwenti mill-ġdid bħala rombli żgħar lil partijiet mhux relatati ġiet estrapolata biex tirrifletti l-flussi attwali ta' bejgħ tal-Grupp Hansol matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat li dan l-approċċ kien xieraq għar-raġunijiet li ġejjin. Ġie mfakkar li, matul il-perjodu ta' investigazzjoni, 75 % — 85 % tal-bejgħ tal-Grupp Hansol lill-Unjoni kien sar permezz ta' konvertituri relatati għall-konverżjoni f'rombli żgħar. L-investigazzjoni stabbilixxiet li dan il-bejgħ, ikkalkolat lura għal-livell tar-romblu jumbo, kien sar bi prezzijiet differenti meta mqabbel mal-bejgħ ta' rombli jumbo lil klijenti mhux relatati. Għalhekk, sabiex jiġi rifless b'mod xieraq id-dumping li sar, jekk affattu, iż-żewġ mezzi kienu ngħataw l-importanza xierqa, b'kont debitament meħud tal-volumi ta' bejgħ u l-valuri ta' kull mezz ta' bejgħ. |
(31) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-Grupp Hansol sostna wkoll li l-Kummissjoni kienet tabilħaqq ħadet kampjun tal-konvertitur relatat. Skont kif allega l-Grupp Hansol, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, minħabba li matul l-investigazzjoni u b'mod partikolari qabel id-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji ma nfurmatx il-parti rigward il-fatt li l-konklużjoni tal-bejgħ ta' rombli jumbo lil partijiet relatati għall-konverżjoni ta' rombli żgħar u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti ta' dawn tal-aħħar lil partijiet mhux relatati jista' jiġi estrapolat biex jirrifletti l-flussi attwali tal-bejgħ tal-Grupp Hansol. Din l-allegazzjoni kienet imtennija wara d-divulgazzjoni addizzjonali finali. Il-Grupp Hansol iddikjara wkoll li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jiġu estrapolati l-konklużjonijiet rigward il-konvertitur relatat ma kellha l-ebda bażi legali. |
(32) |
Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni mill-bidu nett li ma għamlitx użu tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Peress li l-Grupp Hansol kien oġġezzjona li jwieġeb kwestjonarju għall-erba' konvertituri relatati u sabiex jintlaħaq is-suġġeriment tal-Uffiċjal tas-Seduta li jiġi limitat il-piż lill-parti kkonċernata u jsiru konklużjonijiet affidabbli fir-rigward tal-bejgħ ta' rombli żgħar u l-bejgħ mill-ġdid ta' rombli jumbo, il-Kummissjoni ffukat fuq il-konvertitur relatat inkwistjoni minħabba li abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Grupp Hansol u li ġiet ivverifikata matul iż-żjara sussegwenti fuq il-post, tali konvertitur kien fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi l-aktar ċifri eżatti fir-rigward tal-parti l-kbira tal-bejgħ tal-Grupp Hansol fl-Unjoni (jiġifieri l-bejgħ lil konvertituri relatati għal bejgħ mill-ġdid sussegwenti ta' rombli żgħar lil klijenti mhux relatati). Fir-rigward tat-tliet konvertituri relatati l-oħrajn, il-Kummissjoni sabet li l-bejgħ tagħhom fl-Unjoni kien ħafna inqas preċiż u rappreżentattiv minħabba għadd ta' fatturi deskritti fil-premessa hawn fuq(28). Tabilħaqq, il-livelli ħafna ogħla ta' rombli jumbo ta' oriġini mhux Koreana u l-fatt li wieħed mit-tliet konvertituri relatati l-oħrajn ġie akkwistat biss f'nofs il-perjodu ta' investigazzjoni kien iwassal għal riżultat anqas affidabbli fir-rigward ta' dan l-bejgħ Korean, kieku dan ġie inkluż fl-analiżi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mill-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u d-dikjarazzjoni tal-Grupp Hansol li l-Kummissjoni kienet applikat it-teħid ta' kampjuni fir-rigward tal-konvertituri relatati mhijiex korretta. Għall-kuntrarju, f'konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ppruvat tistabbilixxi, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, kif deskritt fil-premessi (28) u (29)hawn fuq, il-prezz tal-esportazzjoni l-aktar affidabbli fil-każ tal-bejgħ lil partijiet relatati ta' rombli jumbo maħsuba għall-konverżjoni f'rombli żgħar. Skont l-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni żgurat li l-informazzjoni mogħtija mill-parti interessata hija preċiża. |
(33) |
Barra minn hekk, fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni, il-Grupp Hansol kellu jkun konxju tar-rilevanza tal-bejgħ li sar permezz tal-konvertituri relatati. L-ewwel nett, meta l-ilmentatur ppreżenta l-marġni ta' dumping, diġà ġibed l-attenzjoni fl-ilment għall-fatt li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-Unjoni tal-Grupp Hansol saret permezz ta' konvertituri relatati u li d-dumping fir-rigward ta' dan il-bejgħ kien ħafna ogħla mid-dumping rigward il-bejgħ dirett ta' tali grupp. L-ilmentatur ikkalkula żewġ marġnijiet (wieħed għal bejgħ dirett u wieħed għal bejgħ permezz ta' kumpaniji relatati) li għalihom huwa ddetermina wkoll medja sempliċi, peress li ma kienx f'pożizzjoni li jkun jaf bl-eżatt kemm il-bejgħ dirett tal-Grupp Hansol kien sinifikanti għall-partijiet mhux relatati (madankollu l-perċentwal imsemmi fl-ilment li jikkorrispondi għall-proporzjon ta' dan il-bejgħ fir-rigward tal-bejgħ totali tal-Grupp Hansol fl-Unjoni kien ferm qrib ir-realtà). It-tieni, diġà matul l-ewwel seduta, il-Kummissjoni għamlitha ċara lill-Grupp Hansol li hija ma setgħetx tinjora li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-Grupp Hansol sar permezz ta' konvertituri relatati u li dan għandu jiġu kkunsidrat fil-kalkolu tad-dumping. Għal din ir-raġuni, fil-kwestjonarji għal konvertituri relatati, il-Kummissjoni kienet inkludiet talba għal informazzjoni dettaljata rigward il-bejgħ mill-ġdid ta' rombli żgħar u dwar il-kostijiet għall-konverżjoni ta' romblu jumbo f'romblu żgħir. It-tielet, id-diskussjonijiet sussegwenti u l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni, permezz tal-ittra elettronika tal-21 ta' Marzu 2016, tat-talba tal-Grupp Hansol biex jitneħħa r-rekwiżit għat-tliet konvertituri relatati l-oħrajn li jkunu obbligati jwieġbu għall-kwestjonarju wassal sabiex il-Kummissjoni kellha tillimita l-analiżi tagħha fir-rigward ta' dan il-bejgħ lill-konvertituri relatati inkwistjoni. |
(34) |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkomunikat ir-raġunijiet kollha u ċ-ċifri li l-estrapolazzjoni, li saret fir-rigward ta' dan il-bejgħ, kienet ibbażata fuqhom, kemm fil-fażi tal-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji kif ukoll fl-istadju tad-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi. Id-drittijiet tal-partijiet interessati ġew rispettati kompletament. Id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp Hansol qegħdin għaldaqstant jiġu miċħuda. |
(35) |
Il-Grupp Hansol sostna wkoll li l-prezzijiet mitluba mill-konvertituri relatati tiegħu kienu skont il-prinċipju ta' distakkament. Għaldaqstant, il-Grupp argumenta li fir-rigward tal-bejgħ tiegħu permezz ta' konvertituri relatati, ma kienx hemm bżonn li l-prezzijiet tal-esportazzjoni jinħadmu bl-użu tal-prezzijiet tal-bejgħ tar-rombli żgħar lil konsumaturi mhux relatati. |
(36) |
Il-Kummissjoni ċaħdet din id-dikjarazzjoni minħabba li d-data fil-fajl ma kinitx tappoġġja dan. L-ewwel nett, it-tip ta' prodott l-aktar mibjugħ (li jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-bejgħ totali tal-Grupp Hansol fl-Unjoni) kien inbiegħ lil partijiet relatati bi prezz tal-bejgħ li kien bejn 8 % — 15 % ogħla mill-prezz tal-bejgħ medju lil konsumaturi mhux relatati. It-tieni nett, jekk it-tipi kollha ta' prodotti jitqiesu flimkien, il-kumpaniji relatati ħallsu prezz li kien bejn 3 % u 6 % ogħla mill-prezz mitlub lil klijenti mhux relatati. Għalhekk, id-dikjarazzjoni li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-Grupp Hansol lil konvertituri relatati kienu skont il-prinċipju ta' distakkament ma kinitx ikkonfermata mid-data fil-fajl. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet ukoll li ż-żewġ partijiet relatati verifikati fl-Unjoni kienu t-tnejn qegħdin jagħmlu telf kbir fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. Dan jikkorrobora s-sejba ta' hawn fuq li l-prezz tax-xiri mħallas mill-kumpaniji relatati tal-Grupp Hansol fl-Unjoni mhuwiex prezz tas-suq għar-rombli jumbo, meta wieħed iqis il-kostijiet li jkollhom iġarrbu jew bħala kostijiet ta' konverżjoni u/jew kostijiet BĠ&A, skont il-kumpanija relatata. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni qieset li għalhekk kellha d-dritt li taħdem il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-bejgħ tiegħu permezz ta' partijiet relatati. |
(37) |
Il-Grupp Hansol sostna wkoll li ċerti kunsiderazzjonijiet fit-terminazzjoni tal-proċedimenti antidumping u antisussidji fir-rigward tas-Salamun (5) u l-proċediment antidumping fuq Ċertu pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli (6), jindikaw li teżisti prassi tal-Kummissjoni li f'ċirkostanzi bħal dawn inkwistjoni tuża l-prezzijiet imħallsa minn partijiet relatati. Dwar il-proċediment inkwistjoni, il-Kummissjoni tenniet li, kif spjegat fil-premessa (36) hawn fuq, instab li l-bejgħ relatat ma kienx sar bi prezzijiet ta' distakkament iżda bi prezzijiet distorti ta' trasferiment u, għaldaqstant, instabu li ma kinux affidabbli għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Dawn iċ-ċirkostanzi huma differenti mill-proċedimenti msemmija mill-Grupp Hansol, peress li f'dawk il-każijiet instab li l-bejgħ lill-partijiet relatati kien sar bi prezzijiet li kienu kompletament konformi mal-prezzijiet mitluba lil klijenti indipendenti. Barra minn hekk, f'dawk il-proċedimenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll li l-partijiet relatati kienu qed joperaw bi profitti raġonevoli, li ma kienx il-każ fil-proċediment inkwistjoni (ara l-premessa (36)). Għalhekk, dan il-kumment ma ġiex aċċettat. |
(38) |
Il-Grupp Hansol sostna wkoll li meta użat il-bejgħ ta' rombli żgħar, il-Kummissjoni kienet inkludiet ukoll ċertu bejgħ ta' rombli żgħar li ma kinux ġew prodotti (jiġifieri konvertiti) mill-konvertitur relatat inkwistjoni, iżda kienu nxtraw minn sorsi relatati u mhux relatati. |
(39) |
Il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni dwar il-prezzijiet tax-xiri jew l-identitajiet tal-fornituri għax-xiri ta' rombli żgħar minn dan il-konvertitur relatat. Madankollu jista' jiġi vverifikat li dan il-bejgħ ta' rombli żgħar mixtrija kien jirrappreżenta 10 % — 15 % (f'piż) tal-bejgħ totali ta' rombli żgħar lil klijenti mhux relatati. Meta wieħed iqis li 85 % — 90 % tar-rombli żgħar mibjugħa ġew konvertiti mill-konvertitur inkwistjoni mir-rombli jumbo, il-Kummissjoni qieset li l-approċċ tagħha kien raġonevoli. Barra minn hekk, il-kalkolu tad-dumping kien ibbażat fuq il-prezzijiet tal-bejgħ ta' rombli żgħar. Fl-istess ħin, il-Grupp Hansol ma pprovda l-ebda evidenza li turi li l-prezz tal-bejgħ tar-rombli żgħar kien ikun differenti fil-każ ta' rombli żgħar li jkunu pproduċew huma stess meta mqabbla ma' dawk mixtrija. Għalhekk, ma hemm l-ebda evidenza li turi li s-sehem minuri ta' rombli żgħar mixtrija kellu impatt sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta' dumping. Għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet din id-dikjarazzjoni. |
(40) |
Wara divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u definittivi, il-Grupp Hansol ikkritika l-inklużjoni ta' rombli jumbo mixtrija mill-Unjoni sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta' dumping għal rombli żgħar. Kif spjegat fil-premessa (43) tar-Regolament provviżorju, minħabba n-nuqqas ta' traċċabilità bejn il-bejgħ ta' rombli żgħar u r-rombli jumbo korrispondenti, rombli żgħar prodotti minn rombli jumbo li ma joriġinawx mill-Grupp Hansol ma setgħux jiġu esklużi sabiex jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni ta' rombli jumbo konvertiti fi u mibjugħa bħala rombli żgħar. Din il-kwistjoni tqum biss peress li l-Grupp Hansol ma għandux sistema ta' traċċabilità fis-seħħ, bħal ma għandhom konvertituri oħra fl-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, kif issemma' wkoll fil-premessa (28)-(29) hawn fuq, fil-kalkolu ta' dan il-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni llimitat il-volum potenzjali tal-preżenza ta' rombli jumbo li ma kinux inxtraw minn Hansol billi llimitat il-kalkolu tagħha ta' dan il-bejgħ għall-konvertitur relatat inkwistjoni. Dan tal-aħħar kien predominantement qiegħed jipproduċi u jerġa' jbigħ rombli żgħar minn rombli jumbo li kienu ġew prodotti minn u akkwistati mill-Grupp Hansol matul il-perjodu ta' investigazzjoni. L-inklużjoni ta' dawn ir-rombli seta' jkollha impatt żgħir fuq il-kalkolu tad-dumping biss, jekk affattu, minħabba l-proporzjon relattivament żgħir tar-rombli jumbo li ma kinux inxtraw mill-Grupp Hansol. Fi kwalunkwe każ, il-kalkolu tad-dumping kien ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ ta' rombli żgħar, li probabbilment kien ser ikun identiku, irrispettivament mill-oriġini tar-romblu jumbo. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda. |
(41) |
Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-Grupp Hansol sostna li, għal ċerti tranżazzjonijiet, l-ispejjeż tat-trasport kien tnaqqsu darbtejn fil-kalkolu tal-prezz ta' esportazzjoni mibni u li dan it-tnaqqis doppju kien ġie applikat ukoll għall-prezz maħdum CIF li ntuża bħala denominatur. Id-dikjarazzjoni ġiet debitament verifikata u ġie stabbilit li tabilħaqq għall-bejgħ ta' rombli żgħar tal-konvertitur relatat, li kienu nxtraw mingħand il-Grupp Hansol permezz tal-kummerċjant relatat, ċerti aġġustamenti kienu tnaqqsu darbtejn. Għaldaqstant, dan l-iżball ġie kkoreġut fir-rigward ta' kemm il-prezz tal-esportazzjoni kif ukoll il-prezz CIF tal-kostruzzjoni. |
(42) |
Anki f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni maħdum, il-Grupp Hansol sostna li f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis ta' aġġustamenti li saru għall-prezz tal-bejgħ ta' rombli żgħar lil konsumaturi mhux relatati, ma ġietx ikkunsidrata biżżejjed il-preżenza ta' ċerti volumi ta' materjal bażiku mhux Korean, li rriżulta f'aġġustamenti globalment eċċessivi. Wara li din id-dikjarazzjoni ġiet ivverifikata, ġie stabbilit li fil-fatt ma kienx iġġustifikat li jiġu applikati l-aġġustamenti fil-kalkolu tal-prezz għall-esportazzjoni peżat mill-fabbrika Korean għall-rombli żgħar magħmula minn rombli jumbo li joriġinaw mill-Ewropa. Dan l-iżball ġie kkorreġut billi tnaqqsu l-aġġustamenti, sa livell CIF biss, għal volum rappreżentattiv ta' bejgħ ta' rombli żgħar. Tabilħaqq, abbażi tal-informazzjoni fuq il-fajl, jista' jiġi stabbilit li l-produttur Ewropew kien biegħ ir-rombli jumbo lill-konvertitur relatat tal-Grupp Hansol skont it-termini tal-konsenja tas-CIP. Għal dan il-bejgħ, il-valur CIF ikkalkolat kien ikkunsidrat li jkun komparabbli għall-valur tal-fabbrika tas-sehem tal-bejgħ b'oriġini Koreana. |
(43) |
Wara d-divulgazzjoni addizzjonali finali, il-Grupp Hansol ikkontesta l-fatt li l-aġġustamenti riveduti tal-unitajiet kienu ġew ikkalkolati bħala medja ponderata għat-tipi kollha tal-prodott, u ppropona li dawn ikunu bbażati, għal tip ta' prodott wieħed, fuq l-aġġustamenti speċifiċi mġarrba fuq il-bejgħ bejn il-kumpaniji ta' dak it-tip ta' prodott biss. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-volum tax-xiri ta' dak it-tip ta' prodott partikolari mill-konvertitur relatat, li jista' jintuża għal dan il-kalkolu, ma kienx rappreżentattiv biżżejjed biex jifforma bażi affidabbli, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, biex jiġu stabbiliti l-aġġustamenti għall-kalkolu ta' prezz ta' esportazzjoni peżat mill-fabbrika Korean ta' dan it-tip ta' prodott. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-volumi ta' dan it-tip ta' prodott inkiseb permezz ta' katina ta' akkwist relatata oħra li ma kinitx użata għal dan il-kalkolu. Barra minn hekk, il-Grupp Hansol ma setax juri li l-metodu tal-Kummissjoni biex tikkalkula u tapplika medja ma kienx preċiż. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda. |
(44) |
Fir-rigward tal-BĠ&A ikkalkolati u applikati għall-bejgħ permezz ta' negozjant relatat wieħed fl-Unjoni, wara divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u għal darb'oħra wara d-divulgazzjoni ta' dawk definittivi, il-Grupp Hansol ikkontesta li l-ammont miżjud mill-Kummissjoni bħala spiża fit-tabella tal-profitt u t-telf tan-negozjant relatat rigward l-ispejjeż ta' ġestjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li n-negozjant relatat inkwistjoni kien irċieva, mingħand Hansol Korea u konvertituri relatati oħrajn, kontribuzzjoni finanzjarja marbuta ma' spejjeż amministrattivi. li kienet kienu inkluża fit-tabella tal-profitt u t-telf tan-negozjant relatat bħala dħul, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq, li tikkunsidra wkoll 100 % tal-ispejjeż relatati, jiġifieri l-ispejjeż tas-salarji għall-maniġers inkwistjoni. Dawn l-ispejjeż li kienu ġew identifikati waqt il-verifika fuq il-post fil-Korea, ġew ikkonvertiti fil-munita Euro billi ntużat ir-rata tal-kambju medja tal-perjodu tal-investigazzjoni, indikata mill-Kummissjoni u ġew ittrasferiti fit-tabella tal-profitti u t-telf tan-negozjant relatat bħala spiża. B'dan il-mod, it-trattament tat-tariffi tal-ġestjoni (dħul) ġie ibbilanċjat mat-trattament tal-ġestjoni għas-salarji (spejjeż). |
(45) |
Il-Grupp Hansol sostna li l-fatturat iġġenerat min-negozjant relatat kien jirrigwarda biss parti mill-perjodu ta' investigazzjoni u li l-ebda wieħed mill-maniġers ma kien involut fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, iċ-ċifra tal-BĠ&A użata kienet ġiet iddikjarata b'mod eċċessiv. L-approċċ tal-Kummissjoni kien li tistabbilixxi r-rata tal-BĠ&A (inklużi l-ispejjeż inkwistjoni) tan-negozjant relatat b'rabta mal-fatturat totali tat-tali negozjant. Dan il-fatturat jirreferi fit-totalità tiegħu għall-prodott ikkonċernat. Anki jekk l-ispejjeż BĠ&A eventwalment ikkunsidrati setgħu ġew imġarrba parzjalment qabel ma ġie ġġenerat il-fatturat, ir-rabta tagħhom mal-fatturat tibqa', minħabba li l-ispejjeż ġew imġarrba biex jinkiseb dan il-fatturat. B'hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-approċċ adottat kien wieħed preċiż. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda. |
(46) |
Wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u wara d-divulgazzjoni ta' dawk definittivi, il-Grupp Hansol sostna li l-Kummissjoni kellha tikklassifika mill-ġdid il-bejgħ ta' tip wieħed ta' prodott permezz tal-konvertitur relatat, minħabba li l-konsumatur finali kien ġie fatturat għal tip ta' prodott differenti minn dak li huwa effettivament irċieva. Fir-rigward ta' din il-kwistjoni, matul il-verifika fuq il-post, il-Kummissjoni sabet li l-konvertitur relatat xtara mill-Grupp Hansol xi kwantità ta' rombli jumbo li fihom l-iżviluppatur Bisphenol-S, iżda dan il-prodott kien inbiegħ sussegwentement lil klijent mhux relatat bil-kontenut tal-iżviluppatur Bisphenol-A. Din id-dikjarazzjoni ġiet ivverifikata kif xieraq u jiġi nnutat dan li ġej. L-ewwel nett, iż-żewġ prodotti huma b'mod ċar tipi differenti ta' prodott li għandhom kost ta' produzzjoni differenti u jinbiegħu fis-suq domestiku Korean bi prezzijiet differenti. It-tieni, il-fatt li konvertitur relatat, fil-fatturazzjoni tiegħu, biegħ il-prodott bħala tip ta' prodott differenti fis-suq tal-Unjoni mhuwiex raġuni valida biex ma jiġux rispettati l-ispeċifikazzjonijiet attwali tal-prodott għall-finijiet ta' tqabbil tal-prezzijiet. Il-parti ma pprovdiet ebda evidenza li turi li d-deskrizzjoni qarrieqa tal-prodott fl-istadju tal-bejgħ mill-ġdid affettwat ukoll il-prezz tal-bejgħ tiegħu. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda. |
2.3. Paragun
(47) |
Meta ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. |
(48) |
Wara l-kummenti tal-Grupp Hansol wara d-divulgazzjoni provviżorja, ġiet aċċettata dikjarazzjoni li tittratta l-metodu ta' kalkolu u l-applikazzjoni tal-kostijiet ta' konverżjoni. Din il-korrezzjoni wasslet ukoll għall-identifikazzjoni ta' żball metodoloġiku simili fir-rigward tat-tnaqqis ta' ċerti konċessjonijiet għall-kost tat-trasport, li b'hekk ġie rranġat. Barra minn hekk, wara l-kumment tal-Grupp Hansol ġie kkoreġut żball f'kalkolu klerikali. Fl-aħħar nett, il-Grupp Hansol sostna wkoll li kellhom jingħataw għadd ta' konċessjonijiet (relatati mal-kostijiet ta' kreditu u ta' rifużjoni ta' dazju) u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija fil-pajjiż ikkonċernat għandha tiġi riveduta billi jiġi applikat il-metodu ta' allokazzjoni pprovdut mill-Grupp Hansol. Il-Kummissjoni aċċettat ukoll dawn id-dikjarazzjonijiet u aġġustat il-kalkoli tal-valur normali u/jew tal-prezz tal-esportazzjoni kif xieraq. |
2.4. Il-marġni tad-dumping
2.4.1. Ponderazzjoni tal-marġni tad-dumping
(49) |
Kif spjegat fil-premessa (46) tar-Regolament provviżorju, il-marġni provviżorju tad-dumping stabbilit għall-Grupp Hansol kien medja ponderata tal-marġni tad-dumping stabbiliti għall-bejgħ ta' rombli jumbo (marġni ta' 0,5 % — 5 % b'ponderazzjoni ta' 15 % — 25 %) u għall-bejgħ ta' rombli żgħar (marġni ta' 10 % — 15 % b'ponderazzjoni ta' 75 % — 85 %). Din il-ponderazzjoni kienet ibbażata fuq il-volum ta' bejgħ lill-Unjoni tal-Grupp Hansol lil klijenti relatati u mhux relatati matul il-perjodu ta' investigazzjoni. |
(50) |
Wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u dwak definittivi, il-Grupp Hansol sostna li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda bażi ġuridika biex tapplika tali ponderazzjoni u li l-ponderazzjoni kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet mhux sostanzjati. Din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda, minħabba li l-ponderazzjoni kienet ibbażata fuq il-volumi importati tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni kif irrapportat mill-Grupp Hansol. Il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li wieħed jaġġusta l-ponderazzjoni tal-marġni ta' dumping stabbilit għal bejgħ lil partijiet relatati (għal bejgħ mill-ġdid sussegwenti bħala rombli żgħar lil klijenti mhux relatati) għall-ponderazzjoni attwali tagħha kif kienet fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. |
(51) |
Il-Grupp Hansol kkontesta wkoll il-fatt li l-Kummissjoni kkalkolat il-prezz CIF użat bħala d-denominatur għal dak il-bejgħ li l-ewwel ġie kkonvertit f'rombli żgħar minn partijiet relatati fl-Unjoni, qabel ma ġie mibjugħ lil utenti mhux relatati. Huwa ppropona li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-medja tal-prezz CIF tat-trasferiment iddikjarat ta' rombli jumbo jew valur medju CIF ikkalkolat għal kull tunnellata abbażi tal-bejgħ dirett tal-Grupp Hansol lil konsumaturi mhux relatati għal dan il-bejgħ. Alternattivament, jekk il-Kummissjoni ma tużax wieħed mill-metodi ta' hawn fuq, il-Grupp Hansol stieden lill-Kummissjoni biex tapplika dazju antidumping f'forma ta' ammont speċifiku kull tunnellata minflok dazju ad valorem. Il-parti argumentat li d-dazju espress fil-forma ta' ammont speċifiku għal kull tunnellata ikun jindirizza b'mod adegwat it-tħassib tagħha li dazju antidumping ad valorem miġbur, allegatament jaqbeż l-ammont ta' dumping misjub. |
(52) |
L-argument tal-aħħar jiġi indirizzat b'mod speċifiku u aċċettata fil-premessa (127) u (128)hawn taħt. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn tieħu pożizzjoni dwar iż-żewġ għażliet alternattivi ta' valuri CIF proposti mill-Grupp Hansol, peress li dawn isiru mingħajr skop. |
(53) |
Wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi, il-Grupp Hansol ikkontesta t-tnaqqis ta' kostijiet tal-kreditu fil-kalkolu tal-valur CIF maħdum. Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi aċċettata. Barra minn hekk, il-prezz CIF użat bħala d-denominatur kien affettwat mill-bidliet deskritti fil-premessa (41) sa (42) hawn fuq. |
(54) |
Filwaqt li jitqies it-tibdil fl-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni, il-valur normali u l-prezz CIF, kif stabbilit fil-premessa (41), (42), (48) u (53) hawn fuq u filwaqt li jiġu kkonfermati s-sejbiet l-oħra fil-premessi minn (25) sa (47) tar-Regolament provviżorju, il-medja ponderata tal-marġni definittiv ta' dumping tal-Grupp Hansol, espressa bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel il-ħlas tad-dazju, kienet ta' 10,3 %. Kif deskritt fil-premessi (49) u (50) tar-Regolament provviżorju, il-marġni residwali tad-dumping kien ġie stabbilit fl-istess livell. |
3. ĦSARA
3.1. Introduzzjoni
(55) |
Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li għadd ta' indikaturi ta' ħsara żviluppaw b'mod pożittiv jew kienu stabbli. Din id-dikjarazzjoni kienet diġà ġiet miċħuda fil-premessi minn (95) sa (96) tar-Regolament provviżorju u hija b'dan definittivament miċħuda. |
(56) |
Sabiex jiġi konkluż li hemm ħsara materjali, mhuwiex neċessarju li l-analiżi tal-ħsara turi li kull indikatur jindika sitwazzjoni ta' ħsara. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 3.5 tar-Regolament bażiku, fattur wieħed jew aktar rilevanti ta' ħsara mhux neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva. F'dan il-każ, il-ħsara li nstabet hija materjali. Dan jidher b'mod partikolari mil-livell ta' profittabilità, l-indikaturi relatati mal-prezz u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Il-produtturi kollha fil-kampjun esperjenzaw tnaqqis lineari qawwi fil-profitti u fil-likwidità li kkoinċida maż-żmien li fih seħħet iż-żieda fl-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea. Barra minn hekk, il-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni baqa' relattivament stabbli, iżda peress li dan seħħ fil-kuntest ta' żieda sinifikanti fil-konsum tal-Unjoni (+ 15 %), fil-fatt is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni kien qiegħed jonqos. Anki jekk ċerti fatturi ta' ħsara bħall-utilizzazzjoni tal-kapaċità, l-impjiegi, il-kost lavorattiv u l-investimenti ma jistgħux jagħtu gwida deċiżiva dwar il-qagħda ta' ħsara tal-produtturi tal-Unjoni, ma kkontradixxewx u lanqas ipprekludew il-konstatazzjoni ta' ħsara materjali. |
(57) |
L-argumenti speċifiċi mqajma mill-Grupp Hansol dwar indikaturi partikolari ta' ħsara huma indirizzati fid-dettall fil-bqija ta' din it-Taqsima. |
3.2. Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
(58) |
Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (51) u (52) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.3. Konsum tal-Unjoni
(59) |
Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (53) sa (55) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.4. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
3.4.1. Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
(60) |
Il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien ferm 'il fuq mil-livelli negliġibbli (7). |
(61) |
Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (56) sa (58) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.4.2. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz
(62) |
Il-Grupp Hansol qies li l-marġni ta' twaqqigħ tal-prezz ta' 8,1 % stabbilit b'mod provviżorju mhuwiex sinifikanti minħabba l-volum limitat ta' importazzjonijiet (13,6 % tal-konsum tal-Unjoni). Il-parti sostniet li r-rapport tal-Bord tad-WTO dwar Ċipep DRAM (8) iqis li “sinifikanti” tfisser importanti, maġġuri, konsegwenzjali, aktar milli sempliċiment moviment nominali/marġinali. Tikkwota wkoll żewġ każijiet (Karbonat dens tas-sodju (9) u Ċerti sistemi ta' qari ottiku bil-lażer (10)) fejn il-Kummissjoni qieset li l-marġni ta' twaqqigħ kien limitat. |
(63) |
Il-Kummissjoni ċaħdet id-dikjarazzjonijiet tal-Grupp Hansol għar-raġunijiet segwenti. L-ewwel nett, anke jekk f'Karbonat dens tas-sodju l-Kummissjoni qieset li marġni ta' twaqqigħ ta' 6 % mhuwiex sinifikanti, ġie nnotat li f'dak il-każ is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet kien ħafna inqas (3,2 % qabel l-1983; 1,4 % wara dan) milli fil-każ attwali. It-tieni nett, id-deċiżjoni dwar Ċerti sistemi ta' qari ottiku bil-lażer kienet prinċipalment tittratta prodotti mhux omoġenji b'varjetà kbira ta' karatteristiċi u differenzi tekniċi u soġġetti għal żvilupp teknoloġiku mgħaġġel, li mhuwiex il-każ fir-rigward ta' prodotti LWTP. L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kummissjoni qieset li fir-rigward ta' LWTP, marġni ta' twaqqigħ ta' 8,1 % tal-prezz kien sinifikanti peress li l-livell ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping kien importanti u li dan żdied b'mod qawwi matul il-perjodu meqjus. Kif indikat fil-premessa (67) hawn taħt, il-marġni definittiv ta' twaqqigħ fil-prezz stabbilit kien saħansitra ogħla minn dak provviżorju, li jikkontesta wkoll l-argument li l-marġni kellu jitqies bħala wieħed limitat. |
(64) |
Id-dikjarazzjoni tal-Grupp Hansol li l-kalkolu tat-twaqqigħ fil-prezz kien illegali ġiet miċħuda għal raġunijiet simili bħal dawk dikjarati fit-Taqsima 6.1 hawn taħt. |
(65) |
Sabiex tiġi segwita l-istess metodoloġija bħal fil-każ tal-kalkolu tad-dumping, fi stadju definittiv ġie deċiż li t-twaqqigħ tal-prezz jiġi kkalkolat bl-applikazzjoni tal-istess ponderazzjoni bħal fit-Taqsima 2.4.1 ta' dan ir-Regolament. Il-marġni ta' twaqqigħ tal-prezz stabbilit għall-Grupp Hansol kien medja ponderata tal-marġni stabbilit għall-bejgħ ta' rombli jumbo (marġni ta' — 5 % — 0 % b'ponderazzjoni ta' 15 % — 25 %) u għall-bejgħ ta' rombli żgħar (marġni ta' 10 % — 20 % b'ponderazzjoni ta' 75 % -85 %). Dan l-approċċ u l-korrezzjonijiet spjegati fit-Taqsima 2 hawn fuq kienu jinvolvu reviżjoni tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz stabbilit b'mod provviżorju. |
(66) |
Wara divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi, il-Grupp Hansol sostna li l-Kummissjoni ma ffurmatx il-konklużjonijiet tagħha billi bbażat fuq il-marġni negattiv ta' twaqqigħ fil-prezz li nstab għal parti waħda tal-bejgħ u b'hekk kisret l-Artikoli 3(2) u 3(3) tar-Regolament bażiku. Madankollu din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda peress li l-Kummissjoni għamlet il-konklużjonijiet tagħha abbażi ta' marġni ġenerali ta' twaqqigħ tal-prezz, skont il-prattika normali tagħha. |
(67) |
Il-marġni definittiv ta' twaqqigħ tal-prezz ilaħħaq id-9,4 %. |
(68) |
Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, u bl-eċċezzjoni tal-marġni ta' twaqqigħ tal-prezz kif spjegat fil-premessi hawn fuq, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (59) sa (64) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.5. Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
3.5.1. Indikaturi makroekonomiċi
3.5.1.1. Il-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità
(69) |
Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li, ħlief għal kumpanija waħda, ir-riżultati tal-produzzjoni kienu impressjonanti u xi produtturi tal-Unjoni żiedu l-kapaċità ta' produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tagħhom. Qal ukoll li l-utilizzazzjoni tal-kapaċità kienet kważi laħqet il-kapaċità sħiħa. |
(70) |
Madankollu, fir-rigward tal-produzzjoni, il-premessa (70) tar-Regolament provviżorju wriet li l-volum ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod ġenerali b'wieħed fil-mija. Din it-tendenza negattiva hija konsistenti mal-konstatazzjoni li l-industrija kienet fi stat ta' ħsara, minħabba l-ispejjeż fissi għoljin li ġġarrab. Din il-konstatazzjoni ġenerali ma tistax tiġi mdgħajfa minħabba s-sitwazzjoni ta' xi produtturi individwali. Fi kwalunkwe każ, iż-żieda sostanzjali fl-output tal-produzzjoni ta' produttur wieħed mhux fil-kampjun kienet sempliċiment ir-riżultat matematiku tal-bidu mill-ġdid ta' operazzjonijiet li kienu waqfu temporanjament, kif spjegat fil-premessa (71) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, produttur wieħed kien iqiegħed jelimina l-produzzjoni tal-LWTP b'mod gradwali. Dan seħħ fil-kuntest ta' żieda fil-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat (+ 15 %). F'każijiet passati, bħal f'Certain candles (11), il-Kummissjoni sabet ħsara fil-preżenza ta' żieda fil-produzzjoni (li mhuwiex il-każ fir-rigward ta' LWTP), fejn tali żieda kienet anqas miż-żieda fil-konsum tal-Unjoni. |
(71) |
Fir-rigward tal-kapaċità ta' produzzjoni, mhuwiex korrett li, kif sostniet il-parti, li l-produtturi kollha tal-Unjoni żiedu l-kapaċità ta' produzzjoni tagħhom, ħlief għal kumpanija waħda. Il-produttur tal-Unjoni msemmi fil-premessa (71) tar-Regolament provviżorju ma żiedx il-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu bħala tali. Sempliċiment reġa' beda faċilità ta' produzzjoni li ma kinitx disponibbli għall-użu fl-2012, u għalhekk ma kinitx meqjusa bħala kapaċità eżistenti dik is-sena. Barra minn hekk, il-premessa (70) tar-Regolament provviżorju tenfasizza d-diffikultajiet esperjenzati minn kumpanija waħda fil-kampjun fir-rigward tal-produzzjoni. |
(72) |
Fir-rigward tal-utilizzazzjoni ġenerali tal-kapaċità, it-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju ma turix żieda iżda tnaqqis fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità fl-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda sostanzjali minn produttur wieħed tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità tiegħu kienet ir-riżultat tal-bidu mill-ġdid tal-operazzjonijiet wara l-waqfa ddikjarata fil-premessa (71) tar-Regolament provviżorju. |
(73) |
Barra minn hekk, anki jekk utilizzazzjoni tal-kapaċità ta' 92 % tista' tabilħaqq tidher għolja, huwa meqjus li distakk ta' 8 % bejn il-kapaċità u l-utilizzazzjoni attwali, speċjalment f'industrija bi spejjeż fissi għoljin, mhuwiex insinifikanti. Il-produtturi ta' LWTP jridu jżommu reġistru tal-ordnijiet kostanti, jibqgħu jbiegħu u jipproduċu sabiex jiġi evitat ħin wieqaf fuq il-linji tal-produzzjoni tagħhom. Produttur tal-karta jippreferi jbigħ prodott bi prezz aktar baxx, pjuttost milli jipproduċi inqas, peress li magni wieqfa saħansitra jikkawżaw ħsara akbar. Minħabba n-natura ferm intensiva fil-kapital tal-industrija tal-karta u l-kamp ta' applikazzjoni sikwit limitat tal-prezzijiet meta tinbiegħ, rati għoljin ta' utilizzazzjoni huma essenzjali għall-profittabilità. Għalhekk, tibdil marġinali fir-rati ta' utilizzazzjoni jista' jgħin jew jeqred ditta. Fir-rigward tad-distakk ta' 8 %, dan jirrappreżenta 32 240 tunnellata ta' produzzjoni ta' LWTP, li huwa aktar mill-volumi tal-importazzjoni tal-Grupp Hansol fl-2015. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni għandhom tagħmir li jservi diversi skopijiet b'“kapaċità polivalenti” (swing capacity), kif enfasizzat fil-premessa (125) tar-Regolament provviżorju. Madankollu l-“kapaċità polivalenti” ma tistax tintuża f'suq fejn jeżistu prattiki ta' dumping. |
(74) |
Konsegwentement, id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda, u, fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (69) sa (72) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.5.1.2. Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq
(75) |
Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx għaliex i) il-produtturi tal-Unjoni żiedu l-bejgħ tagħhom fl-Unjoni u ii) iddeċidew li jnaqqsu l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lis-suq tal-Unjoni sabiex jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq swieq ta' pajjiżi terzi. |
(76) |
Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda peress li, anki jekk il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdied b'mod globali b'1 % matul il-perjodu meqjus, il-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jaħsdu l-benefiċċji kollha taż-żieda fil-konsum tal-Unjoni (+ 15 %). Dan sarraf f'telf sostanzjali fl-ishma tas-suq. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni dwar it-tnaqqis tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni, din tikkontradixxi l-ewwel parti tad-dikjarazzjoni. |
(77) |
Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (73) sa (75) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.5.1.3. L-impjiegi, il-kost lavorattiv u l-produttività
(78) |
Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li t-Tabella 6 tar-Regolament provviżorju tippreżenta fil-qosor il-prestazzjoni tajba tal-industrija tal-Unjoni b'referenza għall-impjiegi. Il-parti ddikjarat ukoll li ma kien hemm l-ebda inflazzjoni li setgħet tispjega żieda fil-kost lavorattiv. |
(79) |
Fir-rigward tal-impjiegi, il-Kummissjoni ma sabitx li l-industrija tal-Unjoni kienet sejra tajjeb. Kif enfasizzat fir-Regolament provviżorju, b'kuntrast hija sabet li l-livell ta' impjiegi naqas b'1 %. Skont il-fajl ippreżentat għal spezzjoni mill-partijiet interessati, il-livell tal-impjiegi żdied b'mod sinifikanti għal tnejn mill-produtturi tal-Unjoni. Madankollu, minħabba d-daqs ta' dawn il-produtturi, dan isarraf fi ftit impjiegi f'termini assoluti u fi tnaqqis ġenerali għall-industrija sħiħa tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, meta wieħed iqis li f'dan is-settur speċifiku l-livell tal-impjiegi jsegwi mill-qrib il-produzzjoni, l-impjiegi mhumiex meqjusa bħala indikatur li jagħti gwida deċiżiva dwar il-qagħda ta' ħsara tal-produtturi tal-Unjoni. |
(80) |
Wara divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi, il-Grupp Hansol sostna li minħabba s-sitwazzjoni speċifika tagħhom il-forza tax-xogħol minn żewġ produtturi tal-Unjoni għandha tiġi eskluża mit-Tabella 6 tar-Regolament provviżorju. Din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda għax ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni biex ma ssegwix il-prassi normali tagħha f'dak li jirrigwarda l-analiżi tal-indikaturi ta' ħsara makroekonomika. |
(81) |
Fir-rigward tal-kost lavorattiv, il-premessa (86) tar-Regolament provviżorju trid tiġi interpretata fis-sens li fid-dawl tar-rati annwali ta' inflazzjoni ż-żieda fil-kost lavorattiv ma kinitx tidher għolja wisq. |
(82) |
Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda, u, fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (77) sa (79) u (85) sa (86) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.5.1.4. Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet
(83) |
Il-Grupp Hansol sostna li l-prezzijiet fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jiġu investigati. Din il-parti poġġiet f'dubju n-nuqqas ta' żidiet fil-prezzijiet mill-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni abbażi tal-allegazzjoni li ċerti produtturi tal-Unjoni kienu żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Il-Grupp Hansol iddikjara wkoll li t-tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ li seħħ bejn l-2013 u l-2014 kien ikkawżat mill-fatt li produttur wieħed tal-Unjoni faqa' s-suq tal-Unjoni b'oġġetti li ma setax ibigħ fl-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”). |
(84) |
Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda. Fir-rigward tal-ewwel dikjarazzjoni, il-fatt li xi produtturi kienu ħabbru sensiela ta' żidiet fil-prezzijiet ma jfissirx li ż-żidiet kollha seħħew. Id-dikjarazzjoni tal-parti hija bbażata fuq żidiet fil-prezzijiet għall-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni lill-kumpaniji relatati tagħha, li jirrappreżenta biss parti żgħira mill-konsum tal-Unjoni. Skont it-Tabella 7 tar-Regolament provviżorju, li hija bbażata fuq ċifri vverifikati, ma kienx hemm żieda globali fil-prezzijiet fl-Unjoni. L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-waqgħa fil-prezzijiet tal-bejgħ bejn l-2013 u l-2014 tikkoinċidi fiż-żmien mal-akbar tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Repubblika tal-Korea skont it-Tabella 3 tar-Regolament provviżorju. |
(85) |
Dwar it-tieni dikjarazzjoni, it-Tabella 5 tar-Regolament provviżorju (il-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni) ma turi l-ebda sinjal tal-allegat ammont eċċessiv ta' inventarju għall-bejgħ fis-suq. Bejn l-2013 u l-2014 l-indiċi naqas minn 101 għal 97. |
(86) |
Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (82) sa (84) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.5.1.5. Inventarji
(87) |
Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li l-livelli ta' inventarji naqsu kemm f'termini assoluti u relattivi, b'hekk l-industrija tal-Unjoni ma sabet l-ebda diffikultà biex tbigħ il-produzzjoni tagħha. |
(88) |
Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda minħabba li, kif intqal fil-premessa (88) tar-Regolament provviżorju, b'mod ġenerali l-prodott simili huwa prodott abbażi ta' ordnijiet speċifiċi tal-utenti. Għalhekk, l-istokks mhumiex meqjusa bħala indikatur importanti ta' ħsara għal din it-tip ta' industrija minħabba li dawn isegwu l-produzzjoni u matul il-perjodu kkunsidrat baqgħu b'mod konsistenti mhux akbar mill-produzzjoni ta' xahar. |
(89) |
Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (87) sa (88) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.5.1.6. Profittabilità u investimenti
(90) |
Il-Grupp Hansol sostna li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx minħabba li l-investimenti tagħha aktar milli rdoppjaw matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fil-fehma tiegħu, it-Tabella 10 tar-Regolament provviżorju u l-evidenza dokumentata ma jsostnux id-dikjarazzjoni fil-premessa (93) tar-Regolament provviżorju li l-produtturi fil-kampjun żammew il-livell ta' investiment tagħhom fl-ammonti assolutament meħtieġa biex ikomplu jiffunzjonaw. Sostna wkoll li żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għamlu investimenti kbar fl-2014. |
(91) |
Madankollu d-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda minħabba li, minkejja l-fatt li l-investimenti rdoppjaw, il-livell assolut ta' investiment baqa' limitat, b'mod partikolari meta wieħed iqis il-fatt li, pereżempju, il-valur ta' linja ta' produzzjoni ġdida ta' LWTP huwa stmat li jlaħħaq il-EUR 120 miljun. Matul il-perjodu meqjus, kif jissemma fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni ppostponiet xi investimenti minħabba tnaqqis fil-profitti. |
(92) |
L-istess parti talbet ukoll għal rivalutazzjoni tal-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni minħabba l-problemi ta' produttur wieħed tal-Unjoni fil-kampjun li allegatament kienu ġejjin minn fatturi li mhumiex relatati mal-importazzjonijiet soġġett ta' dumping imma, b'mod partikolari, minn spejjeż kbar marbuta mal-għeluq ta' żewġ imtieħen, u, barra minn hekk, bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet ta' kumpanija oħra biex jiġu koperti pagamenti futuri ta' dazji antidumping fl-Istati Uniti. Żiedet li kwalunkwe preġudizzju dwar l-istrateġiji tas-suq imwettqa miż-żewġ kumpaniji l-oħra fil-kampjun fi swieq ġeografiċi differenti għandu jiġu eliminat u allegat li, b'mod ġenerali, matul il-perjodu ta' investigazzjoni l-istess żewġ kumpaniji ġġeneraw profitti sostanzjali. |
(93) |
Il-Kummissjoni qieset li ma hemmx bżonn ta' rivalutazzjoni tal-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni għax l-allegati kostijiet eċċezzjonali kollha kienu diġà ġew iżolati u esklużi mill-istabbiliment tal-profittabilità murija fl-istadju provviżorju. Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-premessa (90) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ, jiġifieri twarrbet il-profittabilità fis-swieq mhux tal-Unjoni. Għalhekk, dawk id-dikjarazzjonijiet ġew miċħuda. |
(94) |
Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (89) sa (91) u, fir-rigward tal-investimenti, fil-premessa (93) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.5.1.7. Daqs tal-marġni tad-dumping, tkabbir, likwidità, redditu fuq l-investimenti u kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' kapital
(95) |
Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar id-daqs tal-marġni tad-dumping, it-tkabbir, il-likwidità, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' kapital, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (76), (80) sa (81), (92), (93) fir-rigward tar-redditu fuq l-investimenti u fil-premessa (94) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
3.5.2. Konklużjoni dwar il-ħsara
(96) |
Abbażi tal-analiżi tal-kummenti ppreżentati fil-qosor fil-premessi minn(55) sa (95) hawn fuq, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (95) sa (98) tar-Regolament provviżorju kienu b'dan ikkonfermati. |
4. KAWŻALITÀ
(97) |
Il-Grupp Hansol sostna li l-ħsara ma setgħetx tiġi attribwita għall-importazzjonijiet ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat iżda għal: l-impatt tal-miżura antidumping tal-Istati Uniti fuq produttur wieħed tal-Unjoni fil-kampjun; l-impatt tal-kostijiet tal-manifattura flimkien mar-rati tal-kambju; u l-impatt tal-prezz ta' LWTP ħielsa mill-fenol. Ħafna mill-argumenti kienu tennija ta' dawk diġà ppreżentati fl-istadju provviżorju. Dawn huma kollha indirizzati fil-premessi minn (98) sa (101) hawn taħt. |
(98) |
Fir-rigward tal-miżura antidumping tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni nnotat li fil-premessa (109) tar-Regolament provviżorju ġie rikonoxxut li kien hemm xi impatt fuq il-produttur tal-Unjoni inkwistjoni. Anki jekk tali impatt ma kienx limitat għal dik il-kumpanija, kif spjegat fil-premessa (110) tar-Regolament provviżorju, l-impatt globali kien kważi ineżistenti għall-industrija sħiħa tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fil-premessa (110) tar-Regolament provviżorju ġie stabbilit li l-Istati Uniti imponew dazji għoljin fuq produttur tal-Unjoni wieħed biss, iżda li dawn id-dazji tneħħew fl-2015 u li l-produttur tal-Unjoni fil-kampjun rnexxielu jikkumpensa parzjalment billi żied l-esportazzjonijiet lejn swieq oħra. Jekk il-produttur tal-Unjoni fil-kampjun inkwistjoni rnexxilux jikkumpensa b'mod sħiħ għall-bejgħ mitluf fl-Istati Uniti u jirkuprah huwa irrelevanti peress li dawk iċ-ċirkostanzi mhu ser ikollhom ebda effett fuq ħafna mid-data relatata mal-produttur tal-Unjoni, kif iddikjarat fil-premessa (109) tar-Regolament provviżorju. Kuntrarjament għal dak li ssuġġerixxa l-Grupp Hansol, fiż-żmien meta kien hemm dazji għoljin mill-Istati Uniti fis-seħħ, ma kienx hemm ammont eċċessiv ta' LWTP għall-bejgħ li kienet toriġina mill-Unjoni (din id-dikjarazzjoni hija kkonfutata ulterjorment fil-premessa (85) hawn fuq) jew żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ fl-2015 (kif muri fit-Tabelli 3 u 7 tar-Regolament provviżorju). Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u tas-sejbiet fl-istadju provviżorju, ġie konkluż li l-miżuri antidumping mill-Istati Uniti li ġew analizzati ma wasslux għal tnaqqis fil-prezzijiet u fil-profittabilità fis-suq tal-Unjoni. |
(99) |
Dwar il-kostijiet tal-manifattura, il-parti l-ewwel iffokat biss fuq il-perjodu bejn l-2014-2015. Wara d-divulgazzjoni definittiva hija estendiet id-dikjarazzjoni għall-perjodu kollu taħt investigazzjoni u sostniet li ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, flimkien mat-tendenza 'l isfel tar-rata tal-kambju tal-Euro affettwat b'mod partikolari l-industrija tal-Unjoni. Madankollu ġie stabbilit li, matul il-perjodu kkunsidrat, it-telf fil-profittabilità kien dovut għal nuqqas ta' korrelazzjoni bejn il-kostijiet (+ 3 %) u l-prezzijiet (- 11 %), fejn il-waqgħa fil-prezzijiet kienet ogħla miż-żidiet fil-kost. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u tas-sejbiet fl-istadju provviżorju, ġie konkluż li ż-żieda fil-kostijiet ma kisritx ir-rabta kawżali bejn il-ħsara materjali u l-importazzjonijiet soġġett ta' dumping mir-Repubblika tal-Korea. |
(100) |
Fir-rigward tal-impatt tal-prezz ta' LWTP ħielsa mill-fenol, l-allegati prezzijiet ogħla tax-xiri ta' xi kumpaniji relatati mal-produttur esportatur ma jikkontradixxux is-sejba globali fil-premessa (113) tar-Regolament provviżorju li “matul il-perjodu meqjus il-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità ta' LWTP ħielsa mill-fenol waqgħu għal inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità ta' LWTP li fiha l-fenol”. Dawk il-kumpaniji jirrappreżentaw sehem minuri tal-konsum tal-Unjoni. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u tas-sejbiet fl-istadju provviżorju, ġie konkluż li t-tnaqqis fil-prezz tal-industrija tal-Unjoni ma setax jiġi attribwit għall-allegat tnaqqis fil-prezz ta' LWTP ħielsa mill-fenol. |
(101) |
Il-Grupp Hansol sostna li anke kieku l-ebda wieħed mill-fatturi allegati waħdu ma kellu influwenza deċiżiva, il-Kummissjoni għandha tkompli tinvestiga kawżi attwali ta' ħsara allegata, inkluż l-effett aggregat tagħhom. Din id-dikjarazzjoni madankollu ġiet miċħuda, peress li l-Kummissjoni kienet diġà għamlet valutazzjoni kombinata bħal din fil-premessa (121) tar-Regolament provviżorju, u ma ġie ppreżentat l-ebda element ġdid wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. |
(102) |
Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (99) sa (121) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
5. L-INTERESS TAL-UNJONI
5.1. L-interess tal-industrija tal-Unjoni
(103) |
L-ilmentatur issuġġerixxa l-eżistenza ta' theddida ta' aktar ħsara lill-produtturi tal-Unjoni fid-dawl tal-aħbar li l-Grupp Hansol kien ser iżid b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' karta termali tiegħu sal-2019. Minħabba s-sejbiet dwar il-ħsara materjali, il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tat-theddida ta' ħsara. |
(104) |
Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (123) sa (128) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati. |
5.2. L-interess ta' partijiet interessati oħra
(105) |
Il-Gvern tal-Korea tenna d-dikjarazzjoni tiegħu ddikjarata fil-premessa (132) tar-Regolament provviżorju mingħajr ma pprovda evidenza addizzjonali. Din id-dikjarazzjoni kienet diġà ġiet miċħuda fl-istadju provviżorju. |
(106) |
Il-Gvern tal-Korea sostna wkoll li l-miżuri mhumiex fl-interess tal-Unjoni minħabba l-fatt li ħafna konvertituri u importaturi Ewropej kienu esprimew l-oġġezzjonijiet tagħhom waqt is-seduta ta' Settembru 2016 (ara l-premessa (5) tar-Regolament provviżorju), li l-miżuri ser jaffettwaw b'mod negattiv il-konvertituri sussidjarji tal-Grupp Hansol, li jinkludu s-settur downstream fl-industrija tal-LWTP, u li l-produtturi tal-Unjoni huma kumpaniji kbar, filwaqt li l-konvertituri sussidjarji tal-Grupp Hansol huma fil-biċċa l-kbira intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (“SMEs”) mingħajr wisq setgħa biex jinfluwenzaw il-prezzijiet. |
(107) |
Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda. L-investigazzjoni ma sabitx li hemm maġġoranza ta' konvertituri u importaturi fl-Unjoni kontra l-miżuri, kif żviluppat aktar fil-premessa (109) hawn isfel. Barra minn hekk, ma kienx possibbli li jiġi konkluż sa liema punt il-miżuri kienu ser jaffettwaw ħażin is-sussidjarji tal-Grupp Hansol fl-Unjoni, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu wkoll li l-Grupp Hansol innifsu enfasizza li waħda minn dawn is-sussidjarji kien qed ikollha riżultati negattivi minħabba tmexxija ħażina. Fir-rigward tad-daqs tal-konvertituri sussidjarji tal-Grupp Hansol, ġie nnotat li fl-aħħar mill-aħħar dawn jagħmlu parti minn grupp kbir. Peress li l-Grupp Hansol stess irrikonoxxa n-nuqqas ta' rieda tal-konsumaturi finali li jaċċettaw żidiet fil-prezzijiet, ġie konkluż li l-klijenti għandhom setgħa ta' negozjar fin-negozjati tal-prezzijiet. |
(108) |
Il-Grupp Hansol sostna li l-industriji downstream tal-Unjoni huma kważi unanimament kontra l-impożizzjoni ta' miżuri u li, skont il-fajls miftuħa għal spezzjoni mill-partijiet interessati, mill-inqas 36 konvertitur mhux relatat u utenti finali esprimew l-oppożizzjoni qawwija tagħhom għall-miżuri. Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-parti sostniet li l-Kummissjoni kienet skartat il-fatt li l-maġġoranza tal-industrija downstream tal-konvertituri u tal-utenti tal-Unjoni kooperanti opponew l-impożizzjoni tal-miżuri. Ġie sostnut li l-fatt li mhux l-industriji downstream kollha tal-Unjoni kienu esprimew l-oppożizzjoni tagħhom, jew il-fatt li ħafna minnhom ma tennewx il-pożizzjoni tagħhom wara d-divulgazzjoni provviżorja, ma jnaqqasx l-oppożizzjoni tagħhom. |
(109) |
Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda. Il-premessa (129) tar-Regolament provviżorju tieħu kont tal-kooperazzjoni limitata ta' xi partijiet. Ħafna industriji downstream tal-Unjoni baqgħu siekta matul l-investigazzjoni u l-ebda industrija downstream ma għamlet ebda rappreżentazzjoni wara d-divulgazzjoni provviżorja jew definittiva. Dan is-skiet ma setax jiġi interpretat bħala oppożizzjoni għall-miżuri, iżda bħala “pożizzjoni mhux magħrufa”. Kif imsemmi fil-premessa (130) tar-Regolament provviżorju, f'termini ta' volum ta' xiri ta' LWTP, il-konvertituri li ppreżentaw ruħhom u esprimew li huma favur il-miżuri jegħlbu lil dawk li ma esprimewx opinjonijiet jew li kienu kontra l-miżuri. Wara d-divulgazzjoni finali addizzjonali, konvertitur ieħor esprima li huwa favur il-miżuri. Anke l-Konfederazzjoni tal-Industriji tal-Karta Ewropej, li fl-aħħar mill-aħħar tirrapreżenta ħafna industriji downstream, esprimiet li hija favur il-miżuri kemm fl-istadju inizjali u dak definittiv. Fir-rigward tal-fajls disponibbli għall-aċċess minn partijiet interessati, dawn juru li f'xi punt fil-proċediment qabel id-divulgazzjoni provviżorja madwar terz tal-konvertituri mhux relatati u utenti finali magħduda fil-premessa ta' hawn kienu opponew il-miżuri. |
(110) |
Il-Grupp Hansol sostna li l-miżuri jmorru kontra l-interess tan-negozji Ewropej għaliex is-suq tal-Unjoni jista' jiġi definit bħala duwopolju/oligopolija u għandha tiġi promossal-kompetizzjoni, minħabba li ma hemmx sorsi alternattivi ta' provvista, il-produtturi tal-Unjoni ma għandhomx infrastruttura kompetittiva u ma jkunux jistgħu jaqilbu l-produzzjoni b'mod effiċjenti għal LWTP, minħabba li huwa improbabbli ħafna li l-produttur iżgħar tal-Unjoni jiddeċiedi li jreġġa' lura deċiżjoni kummerċjali li tkun wasslet għal żieda fil-profittabilità u għaliex l-SMEs Ewropej li huma attivi fl-industrija downstream ser jiffaċċjaw disponibbiltà limitata ta' provvista flimkien ma' prezzijiet mhux raġonevoli li ser jheddu serjament is-sopravivenza tagħhom. Barra minn hekk, il-miżuri jeliminaw il-kompetizzjoni u jwasslu għal telf ta' impjieg għall-utenti. |
(111) |
Id-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq ġew miċħuda. Is-sempliċi eżistenza ta' ftit produtturi fl-Unjoni hija irrelevanti u, kif ġie rrilevat fil-premessa (115) tar-Regolament provviżorju, ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl ta' xi prattiki antikompetittivi. Skont il-premessa (131) tar-Regolament provviżorju, hemm diversi sorsi ta' provvista fl-Unjoni. Jeżistu alternattivi addizzjonali: l-importazzjonijiet tal-Grupp Hansol (bi prezzijiet ġusti) u importazzjonijiet minuri minn pajjiżi terzi oħra. Id-dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' infrastruttura kompetittiva hija kontradetta fost oħrajn mill-preżentazzjoni tal-Grupp Hansol datata t-8 ta' Diċembru 2016, li tiddeskrivi l-industrija tal-Unjoni bħala “waħda bi prestazzjoni għolja”. Fir-rigward tal-produttur iżgħar tal-Unjoni, huwa liberu li jreġġa' lura d-deċiżjoni jekk ikun hemm prospetti aħjar għal LWTP. Fir-rigward tal-industrija downstream, huwa meqjus li din ser tibbenefika mill-kapaċità sinifikanti tal-industrija tal-Unjoni (kif iddikjarat fil-premessa (73), mid-diversi sorsi ta' provvista msemmija hawn fuq u mill-kompetizzjoni restawrata fis-suq tal-Unjoni. |
(112) |
Il-Grupp Hansol allega wkoll li l-miżuri ser imorru kontra l-interess tal-konsumaturi, li ser jiġu mċaħħda milli jkollhom aċċess għal LWTP bi prezz raġonevoli. Fin-nuqqas ta' xi evidenza sostantiva li tappoġġja din id-dikjarazzjoni, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda. |
(113) |
Il-Grupp Hansol allega wkoll li, minbarra ammont eċċessiv ta' rombli żgħar Ċiniżi għall-bejgħ fis-suq, il-miżuri ser iwasslu għall-ħolqien ta' mtieħen ġodda ta' konverżjoni madwar il-fruntiera tal-Unjoni b'aċċess liberu għall-materja prima, u b'hekk għall-għeluq ta' ħafna konvertituri fl-Unjoni. Fin-nuqqas ta' xi evidenza sostantiva li tappoġġja din id-dikjarazzjoni, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda. |
(114) |
Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-interess ta' partijiet interessati oħra, il-konklużjoni stabbilita fil-premessi minn (129) sa (134) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata. |
5.3. Argumenti oħrajn
(115) |
Il-Grupp Hansol sostna li grupp partikolari ta' negozji Ewropej jsegwu żieda artifiċjali fil-profitti tagħhom billi jfittxu li l-Kummissjoni tabbuża mill-istrument antidumping. |
(116) |
Id-dikjarazzjoni ta' hawn fuq ma ġietx sostanzjata ulterjorment. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-investigazzjoni kienet saret fil-qafas legali applikabbli bl-ogħla standards għan-newtralità u t-trasparenza. |
5.4. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
(117) |
Fin-nuqqas ta' kummenti oħra rigward l-interess tal-Unjoni, il-konklużjoni li ntlaħqet fil-premessa (135) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata. |
6. MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI
6.1. Livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara
(118) |
Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-ebda parti ma għamlet kummenti dwar il-profitt fil-mira użat provviżorjament għall-kalkolu tal-bejgħ taħt il-prezz. Barra minn hekk, lanqas fl-istadju definittiv l-ebda parti ma għamlet kummenti dwar il-profitt fil-mira. |
(119) |
Il-Grupp Hansol ikkontesta l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(9) għall-kalkoli tal-ħsara, fejn qal li l-Artikolu 2(9) jidher taħt id-dispożizzjonijiet tad-dumping tar-Regolament bażiku u ma jistax jintuża b'analoġija għall-kalkolu tal-marġni ta' ħsara. Il-parti kkontestat li fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-kalkolu huwa bbażat fuq tranżazzjoni aġġustata ta' bejgħ għal rombli żgħar, prodott differenti li mhuwiex soġġett għall-investigazzjoni. Skont il-Grupp Hansol, ma hemm l-ebda raġuni għal kompetizzjoni bejn il-bejgħ ta' rombli żgħar fl-Unjoni mill-konvertituri relatati tiegħu u l-bejgħ ta' rombli jumbo mill-industrija tal-Unjoni u, billi kkalkolat il-marġni ta' ħsara abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ ta' prodott li mhuwiex il-prodott simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. Il-parti sostniet il-punt tagħha f'termini ta' rabta kawżali billi tirrikorri għall-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO taċ-Ċina — GOES (12) u r-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO taċ-Ċina — X-ray (13). |
(120) |
L-għan tal-kalkolu ta' marġni ta' ħsara huwa li jiġi determinat jekk l-impożizzjoni ta' rata ta' dazju aktar baxxa (minn dik ibbażata fuq il-marġni tad-dumping) fuq il-prezz tal-esportazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tkunx biżżejjed biex tneħħi l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li huwa meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ tal-bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta' importaturi relatati, b'analoġija mal-approċċ segwit għall-kalkoli tal-marġni tad-dumping, il-prezz tal-esportazzjoni kien inħadem abbażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Peress li l-prezz tal-esportazzjoni huwa element indispensabbli fil-kalkolu tal-marġni ta' ħsara u peress li dan l-Artikolu huwa l-uniku Artikolu fir-Regolament bażiku li jagħti gwida dwar kif jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu b'analoġija hija ġġustifikata. |
(121) |
Il-Kummissjoni qieset li l-istabbiliment tal-prezz rilevanti tal-importazzjoni għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u għall-bejgħ taħt il-prezz ma għandux ikun influwenzat minn jekk l-esportazzjonijiet isirux lil operaturi relatati jew indipendenti fl-Unjoni. Il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni żgurat li ż-żewġ ċirkostanzi jirċievu trattament indaqs. |
(122) |
Normalment il-kalkolu tal-marġni ta' ħsara għandu jkun ibbażat fuq tqabbil tal-prezzijiet fil-livell fejn isseħħ il-kompetizzjoni fl-UE. F'dan il-każ, porzjon żgħir biss tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat isir lil klijenti mhux relatati fl-UE. Il-maġġoranza vasta tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat issir lil konvertituri relatati fl-Unjoni li jikkonvertu l-prodotti f'rombli żgħar. F'dawn iċ-ċirkostanzi, ħafna mill-kompetizzjoni seħħet fil-livell tal-konvertituri relatati. B'analoġija mal-kalkoli tad-dumping, dawn il-prezzijiet tal-bejgħ ma setgħux jitqiesu bħala affidabbli għall-fini ta' paragun oġġettiv tal-prezz. Konsegwentement, il-prezzijiet tal-importazzjoni għall-prodott ikkonċernat kellhom jinħadmu. It-Taqsima 2.2 hawn fuq tkompli tiżviluppa r-raġunijiet għaliex ir-rombli żgħar ma setgħux jiġu injorati fil-kalkoli u għaliex, għal ċerti tranżazzjonijiet, kien neċessarju li jinħadmu l-prezzijiet tal-esportazzjoni. |
(123) |
Sa fejn il-Kummissjoni kkonfermat l-approċċ tagħha li tqis ir-rombli żgħar għall-finijiet tal-kalkoli, ir-referenzi għall-Artikoli 3(3) u 3(6) tar-Regolament bażiku, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO China — GOES u r-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO China — X-ray huma irrelevanti. |
(124) |
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li l-approċċ segwit kien preċiż u ċaħdet id-dikjarazzjonijiet. |
(125) |
Sabiex tiġi segwita l-istess metodoloġija bħal tal-kalkolu tad-dumping, fi stadju definittiv ġie deċiż li l-marġni ta' ħsara jiġi kkalkolat bl-applikazzjoni tal-istess ponderazzjoni bħal tat-Taqsima 2.4.1 ta' dan ir-Regolament. Dan l-approċċ u l-korrezzjonijiet spjegati fit-Taqsima 2 hawn fuq kienu jinvolvu reviżjoni tal-marġni ta' ħsara stabbilit provviżorjament. |
(126) |
Il-marġni definittiv ta' ħsara b'hekk stabbilit laħħaq is-37,0 %. |
6.2. L-għamla tal-miżuri
(127) |
Huwa mfakkar li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-Grupp Hansol jsir permezz ta' partijiet relatati għall-konverżjoni f'rombli żgħar. Wara d-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet finali, il-Grupp Hansol ikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkalkolat il-prezz CIF użat bħala denominatur għal dan il-bejgħ (ara l-premessa (51) aktar 'il fuq). F'dan ir-rigward hija sostniet, fost oħrajn, li l-prezz CIF li l-Kummissjoni użat b'mod provviżorju bħala denominatur fil-kalkolu tad-dumping għal dan il-bejgħ iwassal għal ammont ogħla mill-ammont ta' dazju ta' dumping misjub. Sabiex din id-distorsjoni allegata tiġi rimedjata, il-Grupp Hansol ippropona li l-Kummissjoni tapplika dazju antidumping f'forma ta' ammont speċifiku kull tunnellata minflok dazju ad valorem. |
(128) |
Id-dikjarazzjoni ġiet analizzata kif dovut u fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' dan il-każ f'dak li jikkonċerna l-iffissar ta' prezz affidabbli għal dan il-bejgħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li jkun aktar xieraq li tintuża forma ta' dazju li ma jeħtieġx li jiġi stabbilit prezz CIF affidabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-dazju antidumping jenħtieġ li jiġi impost bħala ammont fiss għal kull tunnellata f'Euro għal kull tunnellata netta minflok dazju ad valorem kif impost b'mod provviżorju. |
6.3. Miżuri definittivi
(129) |
Meta wieħed iqis il-kwistjonijiet imsemmija fit-taqsima ta' hawn fuq, ir-rati tad-dazju antidumping, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, għandhom ikunu bbażati fuq il-marġni tad-dumping u jkunu kif ġej:
|
(130) |
Wara d-divulgazzjoni addizzjonali tal-konklużjonijiet finali, Hansol Group sostna li d dazju speċifiku kkalkolat u rrappurtat fl-aħħar kolonna tat-tabella ta' hawn fuq ikun jirrifletti ammont ta' dumping ogħla minn dak misjub fl-investigazzjoni. Madankollu, il-kalkolu li twettaq biex issir tali konklużjoni kien żbaljat peress li ma ġietx ikkunsidrata l-ponderazzjoni kif deskritt fil-premessa (46) tar-Regolament provviżorju u l-premessa (49) ta' hawn fuq. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda. |
(131) |
Ir-rati tad-dazju antidumping għal kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni attwali. |
(132) |
Kif spjegat fil-premessa (50) tar-Regolament provviżorju, f'dan il-każ il-livell ta' kooperazzjoni kien għoli, minħabba li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi kooperanti kienu jikkostitwixxu l-esportazzjonijiet kollha lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Għalhekk, id-dazju antidumping residwu kien ibbażat fuq il-livell tal-kumpanija kooperanti. |
(133) |
Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji antidumping, id-dazju antidumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha għandu jiġi applikat mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni, imma anki għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. |
6.4. Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji
(134) |
Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell ta' ħsara kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping provviżorju impost bir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rata tad-dazju definittiva determinata skont l-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu rilaxxati. |
(135) |
Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma esprimiex opinjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju antidumping definittiv huwa impost fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew inqas; f'rombli wiesgħa 20 cm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta' 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b'kisja ta' taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b'sustanza termosensittiva fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b'kisja ta' fuq jew mingħajrha, li toriġina mir-Repubblika tal-Korea, li bħalissa taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (kodiċijiet TARIC: 4809900010, 4811900010, 4816900010, 4823908520).
2. Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 ikun ammont fiss ta' EUR 104,46 għal kull tunnellata netta.
3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
L-ammonti garantiti bħala dazji antidumping provviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2005 għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rata tad-dazju li jinsabu fl-Artikolu 1(2) hawn fuq, għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2005 tas-16 ta' Novembru 2016 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 1).
(4) RAC u SEAC, Dokument ta' sfond tal-Opinjoni dwar id-dossier skont l-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet fuq l-4.4′-isopropilidenedifenol (Bisfenol A; BPA), 4 ta' Diċembru 2015, disponibbli fuq http://echa.europa.eu/documents/10162/d52d2c6b-2f1c-4ddf-bb44-4e3e42ea1820, p. 356-358.
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2003 tas-26 ta' Mejju 2003 li jtemm il-proċedimenti antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' salamun tal-Atlantiku kultivat li joriġina min-Norveġja u l-proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta' salamun tal-Atlantiku kultivat li joriġina miċ-Ċili u l-Gżejjer tal-Faeroe (ĠU L 133, 29.5.2003, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 tas-27 ta' Ġunju 2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta' skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta' l-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta' skadenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew ta' l-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna (ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4).
(7) L-Artikolu 5(7) tar-Regolament Bażiku jistabbilixxi l-livell għal “negliġibbli” f'sehem ta' 1 % mis-suq, sakemm il-pajjiżi esportaturi flimkien jammontaw għal mill-inqas 3 % tal-konsum tal-Unjoni.
(8) Rapport tal-Bord tad-WTO, Il-Komunitajiet Ewropej — Miżuri Kompensatorji fir-rigward ta' Ċipep ta' Memorja Dinamika b'Aċċess Każwali mill-Korea, WT/DS299/R, 3.8.2015.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/507/KEE (ĠU L 283, 16.10.1990. p. 38).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/55/KE tal-21 ta' Diċembru 1998 li twaqqaf il-proċeduri tal-antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' qari ottiku bil-lażer, u l-elementi kostitwenti prinċipali, għall-użu f'vetturi bil-mutur, li joriġinaw fil-Ġappun, il-Korea, il-Malasja, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU L 18, 23.1.1999, p. 62).
(11) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1130/2008 tal-14 ta' Novembru 2008 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjoni ta' ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 306, 15.11.2008, p. 22).
(12) Rapport tal-Korp tal-Appell, fil-każ China — GOES, WT/DS414/AB/R, tat-18 ta' Ottubru 2012, punt 128.
(13) Ir-Rapport tal-Bord, China — X-ray, WT/DS425/R, tas-26 ta' Frar 2013, punt 7.50.