Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0686

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/686 tal-1 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti ambjentali u tar-rendiment tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi agrikoli u forestali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/0451

    ĠU L 99, 12.4.2017, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/07/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R0985

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/686/oj

    12.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/16


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/686

    tal-1 ta' Frar 2017

    li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti ambjentali u tar-rendiment tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi agrikoli u forestali

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 19(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 (2) jgħid li l-limiti tal-emissjonijiet imsejħa l-Istadju IIIB tal-magni ta' tqabbid bil-kompressjoni b'medda ta' potenza ta' bejn 56 u 130 kW għandhom japplikaw sat-30 ta' Settembru 2016 għall-approvazzjoni tat-tip ta' tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 mgħammrin b'dawk il-magni, u sat-30 ta' Settembru 2017 għat-tqegħid fis-suq tat-tali tratturi. L-Istadju IV, li jipprevedi limiti tal-emissjonijiet iktar stretti mill-Istadju IIIB, imbagħad jibda japplika fl-1 ta' Ottubru 2016 għall-approvazzjoni tat-tip ta' dawk il-magni u għat-tratturi b'katina dejqa mgħammrin b'dawk il-magni, u fl-1 ta' Ottubru 2017 għat-tqegħid fis-suq ta' dawk il-magni.

    (2)

    Sabiex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tippreskrivix rekwiżiti tekniċi li jkun għadhom ma jistgħux jintlaħqu, u sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom it-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 li jkunu mgħammrin b'magni b'medda ta' potenza ta' bejn 56 u 130 kW ma jkunux jistgħu jibqgħu jingħataw approvazzjoni tat-tip jew jitqiegħdu fis-suq jew jiddaħħlu fis-servizz, jeħtieġ li jiġi previst perjodu tranżitorju ta' sena. Matul dak il-perjodu, it-tratturi jistgħu jibqgħu jingħataw approvazzjoni tat-tip jew jitqiegħdu fis-suq jew jiddaħħlu fis-servizz jekk ikunu jikkonformaw mal-limiti tal-emissjonijiet tal-Istadju IIIB.

    (3)

    Sabiex l-industrija tkun tista' tgħaddi bla problemi għall-Istadji IV u V tal-limiti tal-emissjonijiet li jiġu wara meta tibda tapplikahom għat-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 li jkunu mgħammrin b'magni b'medda ta' potenza ta' bejn 56 u 130 kW, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet biex tiġi applikata l-iskema tal-flessibbiltà jiġu adattati għal dawn l-Istadji u li jiġi permess li din tintuża b'perċentwal ogħla waqt l-Istadju IV.

    (4)

    Għalhekk ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 għandu jiġi emendat kif xieraq.

    (5)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 diġà qed japplika, filwaqt li l-emendi tiegħu biex issir tranżizzjoni bla xkiel biex l-Istadju IV jibda japplika għat-tratturi tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 saru possibbli u obbligatorji wara d-data tal-applikazzjoni ta' dak l-Istadju għat-tali tratturi (jiġifieri t-30 ta' Settembru 2016) minħabba l-emenda tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 permezz tar-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 qed jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 11(4) qed jinbidel b'dan li ġej:

    “4.   Għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip u tat-tqegħid fis-suq:

    (a)

    id-dati stabbiliti fl-Artikolu 9(3)(c) u (d) tad-Direttiva 97/68/KE għandhom jiġu posposti għal erba' snin għall-vetturi agrikoli u forestali tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 iddefiniti fl-Artikolu 4(3), (6) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013;

    (b)

    id-dati stabbiliti fl-Artikolu 9(4)(a) tad-Direttiva 97/68/KE għandhom jiġu posposti għal tliet snin għall-vetturi agrikoli u forestali tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 iddefiniti fl-Artikolu 4(3), (6) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013;

    (c)

    il-klawżoli ta' tranżizzjoni u ta' eżenzjoni mogħtija fl-Artikolu 9(4)(a) u fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 97/68/KE u fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 ukoll għandhom jiġu posposti għal tliet snin għall-vetturi agrikoli u forestali tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 iddefiniti fl-Artikolu 4(3), (6) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013.”;

    (2)

    il-punt 1.1.1 tal-Anness V qed jinbidel b'dan li ġej:

    “1.1.1.

    L-għadd ta' vetturi agrikoli u forestali li jitqiegħdu fis-suq taħt l-iskema tal-flessibbiltà f'kull kategorija tal-magni ma għandux jaqbeż l-20 % tal-għadd annwali ta' vetturi li jitqiegħdu fis-suq mill-manifattur b'magni fil-firxa rilevanti ta' saħħa tal-magna (ikkalkulat bħala l-medja tal-bejgħ tal-aħħar ħames snin fis-suq tal-Unjoni). Minkejja l-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu, għat-tratturi tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 biss, l-għadd ta' vetturi li jitqiegħdu fis-suq taħt l-iskema tal-flessibbiltà tal-Istadju IV, f'kull firxa ta' saħħa tal-magna, ma għandux jaqbeż il-150 % tal-għadd annwali ta' vetturi li jitqiegħdu fis-suq mill-manifattur b'magni fil-firxa rilevanti ta' saħħa tal-magna (ikkalkulat bħala l-medja tal-bejgħ tal-aħħar ħames snin fis-suq tal-Unjoni). Meta manifattur tal-vetturi jkun qiegħed vetturi agrikoli u forestali fis-suq tal-Unjoni għal perjodu ta' inqas minn ħames snin, il-medja għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-perjodu attwali li matulu l-manifattur tal-vetturi jkun qiegħed fis-suq il-vetturi agrikoli u forestali fl-Unjoni.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmula fi Brussell, l-1 ta' Frar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 tal-1 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ambjentali u tar-rendiment tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi agrikoli u forestali (ĠU L 16, 23.1.2015, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta' inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53)


    Top