Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0578

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/578 tat-13 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti dwar ftehimiet u skemi ta' ġenerazzjoni tas-suq (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2016/3523

    ĠU L 87, 31.3.2017, p. 183–188 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/578/oj

    31.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/183


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/578

    tat-13 ta' Ġunju 2016

    li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti dwar ftehimiet u skemi ta' ġenerazzjoni tas-suq

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 17(7)(a), (b) u (c) u l-Artikolu 48(12)(a) u (f) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Żewġ għanijiet ewlenin għandhom jintlaħqu fl-ispeċifikazzjoni tal-obbligi għall-ġenerazzjoni tas-suq tan-negozjar algoritmiku li jsegwi strateġija ta' ġenerazzjoni tas-suq u l-obbligi relatati taċ-ċentri tan-negozjar. L-ewwel, element ta' prevedibbiltà għal-likwidità apparenti fir-reġistru tal-ordnijiet għandu jiġu introdott billi jiġu stabbiliti obbligi kuntrattwali għad-ditti tal-investiment li jsegwu strateġiji ta' ġenerazzjoni tas-suq. It-tieni nett, il-preżenza ta' dawk id-ditti fis-suq għandha tkun inċentivata, speċjalment matul kundizzjonijiet ta' stress fis-suq.

    (2)

    Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbutin mill-qrib billi jittrattaw sett ta' obbligi relatati għal ditti ta' investiment involuti f'negozjar algoritmiku u li jsegwu strateġiji ta' ġenerazzjoni tas-suq u għal ċentri tan-negozjar fejn dawn l-istrateġiji ta' ġenerazzjoni tas-suq jistgħu jitwettqu. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex tiġi ffaċilitata perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom mill-persuni suġġetti għal dawk l-obbligi, inklużi investituri li mhumiex residenti fl-Unjoni, ikun tajjeb li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu inklużi f'Regolament wieħed.

    (3)

    Dan ir-Regolament għandu japplika mhux biss għal swieq regolati, iżda wkoll għal faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u faċilitajiet organizzati tan-negozjar, kif meħtieġ mill-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    (4)

    Strateġiji ta' ġenerazzjoni tas-suq jistgħu jkunu relatati ma' strument finanzjarju wieħed jew aktar u ma' ċentru tan-negozjar wieħed jew aktar. Madankollu, f'ċerti każijiet, jista' ma jkunx possibbli li ċentru tan-negozjar jimmonitorja strateġiji li jinvolvu iktar minn ċentru tan-negozjar jew strument wieħed. F'dawk il-każijiet, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom ikunu kapaċi, skont in-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħhom, jimmonitorjaw strateġiji ta' ġenerazzjoni tas-suq segwiti fiċ-ċentru tagħhom, u għalhekk għandhom jillimitaw il-ftehimiet jew l-iskemi ta' ġenerazzjoni tas-suq korrispondenti għal dawk is-sitwazzjonijiet biss.

    (5)

    Il-membri jew il-parteċipanti kollha involuti f'negozjar algoritmiku li jsegwi strateġija għall-ġenerazzjoni tas-suq f'ċentru tan-negozjar li jippermetti jew jiffaċilita kummerċ algoritmiku għandhom jidħlu fi ftehim tal-ġenerazzjoni tas-suq mal-operatur ta' dak iċ-ċentru tan-negozjar. Inċentivi fi skema ta' ġenerazzjoni tas-suq għandhom, madankollu, ikunu meħtieġa biss għal ċerti strumenti nnegozjati permezz ta' sistema ta' negozjar b'reġistru tal-ordnijiet ta' rkant kontinwu. Xejn ma għandu jwaqqaf liċ-ċentri tan-negozjar milli jistabbilixxu kull tip ta' inċentiv ieħor fuq l-inizjattiva tagħhom stess għal strumenti finanzjarji jew sistemi tan-negozjar oħra.

    (6)

    Għandhom ikunu identifikati b'mod ċar każijiet fejn ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju għaċ-ċentri tan-negozjar biex jistabbilixxu skema ta' ġenerazzjoni tas-suq li tqis in-natura u l-iskala tan-negozju f'dawk iċ-ċentri tan-negozjar. Għal dan l-għan, huwa xieraq li jiġu identifikati strumenti finanzjarji u sistemi ta' negozjar li jżidu r-riskju ta' volatilità għolja u li għalihom huwa kruċjali li l-provvista ta' likwidità tkun inċentivata, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament ordinat u effiċjenti tas-swieq. F'dan ir-rigward, dan ir-Regolament għandu jqis li meta ċerti strumenti likwidi jiġu negozjati algoritmikament f'sistemi ta' negozjar b'reġistru tal-ordnijiet ta' rkant kontinwu jkun hemm riskju akbar ta' reazzjoni sproporzjonata għal avvenimenti esterni li tista' żżid il-volatilità tas-suq.

    (7)

    Iċ-ċentri tan-negozjar li għalihom ikun meqjus xieraq li jkollhom fis-seħħ skemi ta' ġenerazzjoni tas-suq skont dan ir-Regolament għandhom ikunu meħtieġa li jirrieżaminaw il-ftehimiet eżistenti tagħhom sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' dawk il-ftehimiet dwar negozjar algoritmiku li jsegwi strateġija ta' ġenerazzjoni tas-suq ikunu konformi ma' dan ir-Regolament.

    (8)

    L-iskema għall-ġenerazzjoni tas-suq tista' tinċentiva lid-ditti tal-investiment li jkunu ffirmaw ftehim ta' ġenerazzjoni tas-suq sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom taħt ċirkostanzi normali ta' negozju, iżda għandha tipprovdi inċentivi għad-ditti li b'mod effettiv jikkontribwixxu għall-forniment ta' likwidità f'kundizzjonijiet ta' stress fis-suq. Għalhekk, għandu jkun hemm skema ta' inċentivi li jillimitaw l-irtirar f'daqqa u fuq skala kbira ta' likwidità f'kundizzjonijiet ta' stress fis-suq. Sabiex tiġi evitata applikazzjoni diverġenti ta' dan l-obbligu, huwa importanti li ċ-ċentri tan-negozjar jikkomunikaw l-eżistenza ta' kundizzjonijiet ta' stress fis-suq lill-partijiet kollha tal-iskema għall-ġenerazzjoni tas-suq. Ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom jiġu ddeterminati b'mod eżawrjenti u għalhekk ma jinkludu l-ebda avveniment ta' informazzjoni regolari jew ippjanat minn qabel li jista' jaffettwa l-valur ġust ta' strument finanzjarju minħabba bidliet fil-perċezzjoni tar-riskju tas-suq, kemm jekk iseħħ waqt il-ħinijiet ta' negozju kif ukoll jekk iseħħ barra minnhom.

    (9)

    Il-membri, il-parteċipanti jew il-klijenti li jkunu ffirmaw ftehim ta' ġenerazzjoni tas-suq għandhom jissodisfaw sett minimu ta' rekwiżiti f'termini ta' preżenza, daqs u firxa fil-każijiet kollha. Madankollu, il-membri, il-parteċipanti jew il-klijenti li jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti minimi biss f'ċirkostanzi normali ta' kummerċ mhux bilfors ikollhom aċċess għal xi tip ta' inċentiv. Iċ-ċentri tan-negozjar jistgħu jistabbilixxu skemi ta' ġenerazzjoni tas-suq li jippremjaw biss lill-membri, il-parteċipanti jew il-klijenti li jissodisfaw parametri aktar stretti f'termini ta' preżenza, daqs u firxa. L-iskemi għall-ġenerazzjoni tas-suq stabbiliti minn ċentri tan-negozjar għandhom għalhekk jindikaw b'mod ċar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għal inċentivi u għandhom iqisu l-kontribuzzjoni effettiva għal-likwidità fiċ-ċentru tan-negozjar imkejla f'termini ta' preżenza, daqs u firxa mill-parteċipanti fl-iskemi.

    (10)

    Sabiex tiġi evitata applikazzjoni diverġenti ta' dan ir-Regolament u biex tiġi żgurata implimentazzjoni ġusta u mhux diskriminatorja tal-iskemi għall-ġenerazzjoni tas-suq, huwa kruċjali li l-membri, il-parteċipanti u l-klijenti kollha ta' ċentru tan-negozjar jiġu infurmati b'mod ikkoordinat dwar l-okkorrenza ta' ċirkostanzi eċċezzjonali. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu speċifikati l-obbligi ta' komunikazzjoni taċ-ċentri tan-negozjar f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

    (11)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

    (12)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

    (13)

    L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Obbligu għal ditti tal-investiment sabiex jidħlu fi ftehim ta' ġenerazzjoni tas-suq

    1.   Id-ditti tal-investiment għandhom jidħlu fi ftehim ta' ġenerazzjoni tas-suq dwar l-istrument jew l-istrumenti finanzjarji li fihom huma jsegwu strateġija ta' ġenerazzjoni tas-suq maċ-ċentru jew ċentri tan-negozjar fejn din l-istrateġija titwettaq fejn, matul nofs il-jiem ta' negozjar matul perjodu ta' xahar, b'eżekuzzjoni tal-istrateġija ta' ġenerazzjoni tas-suq, huma:

    (a)

    jistabbilixxu kwotazzjonijiet sodi u simultanji fuq iż-żewġ naħat ta' daqs komparabbli u bi prezzijiet kompetittivi

    (b)

    jinnegozjaw f'isimhom stess f'tal-inqas strument finanzjarju wieħed f'ċentru tan-negozjar wieħed għal mill-inqas 50 % tas-sigħat tan-negozjar ta' kuljum ta' negozjar kontinwu fiċ-ċentru tan-negozjar rispettiv, esklużi l-irkanti tal-ftuħ u tal-għeluq.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

    (a)

    kwotazzjoni għandha titqies bħala kwotazzjoni soda meta din tkun tinkludi ordnijiet u kwotazzjonijiet li skont ir-regoli ta' ċentru tan-negozjar ikunu jistgħu jitqabblu ma' ordni jew kwotazzjoni opposta;

    (b)

    il-kwotazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala kwotazzjonijiet simultanji fuq iż-żewġ naħat jekk isiru b'tali mod li kemm il-prezz tal-offerta kif ukoll dak tat-talba jkunu jinsabu fir-reġistru tal-ordnijiet fl-istess ħin;

    (c)

    żewġ kwotazzjonijiet għandhom jitqiesu li jkunu ta' daqs komparabbli meta ma jkunx hemm diverġenza ta' aktar minn 50 % bejn id-daqsijiet tagħhom;

    (d)

    il-kwotazzjonijiet għandhom jitqiesu li jkollhom prezzijiet kompetittivi meta jkunu mqiegħda mhux 'il barra mill-firxa massima bejn it-talba u l-offerta stabbilita miċ-ċentru tan-negozjar u li tiġi imposta fuq kull ditta tal-investiment li tkun iffirmat ftehim ta' ġenerazzjoni tas-suq ma' dak iċ-ċentru tan-negozjar.

    Artikolu 2

    Il-kontenut tal-ftehimiet tal-ġenerazzjoni tas-suq

    1.   Il-kontenut ta' ftehim bil-miktub vinkolanti msemmi fl-Artikolu 17(3)(b) u fl-Artikolu 48(2) tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jinkludi tal-anqas:

    (a)

    l-istrument jew l-istrumenti finanzjarji koperti mill-ftehim;

    (b)

    l-obbligi minimi li jridu jiġu ssodisfati mid-ditta tal-investiment f'termini ta' preżenza, daqs u firxa li għandhom jeħtieġu mill-anqas it-tqegħid ta' kwotazzjonijiet sodi u simultanji fuq iż-żewġ naħat, ta' daqs komparabbli u bi prezzijiet kompetittivi f'tal-inqas strument finanzjarju wieħed fiċ-ċentru tan-negozjar għal tal-inqas 50 % tas-sigħat tan-negozju ta' kuljum li matulhom isir negozjar kontinwu minbarra l-irkanti tal-ftuħ u tal-għeluq u kkalkulati għal kull jum ta' negozjar;

    (c)

    fejn ikun xieraq, it-termini tal-iskema applikabbli għall-ġenerazzjoni tas-suq;

    (d)

    l-obbligi tad-ditta tal-investiment fir-rigward tat-tkomplija tan-negozjar wara interruzzjonijiet minħabba l-volatilità;

    (e)

    l-obbligi tas-sorveljanza, il-konformità u l-awditjar tad-ditta tal-investiment li jippermettulha li tissorvelja l-attività ta' ġenerazzjoni tas-suq tagħha;

    (f)

    l-obbligu li jiġu mmarkati kwotazzjonijiet sodi ppreżentati liċ-ċentru tan-negozjar skont il-ftehim ta' ġenerazzjoni tas-suq sabiex issir distinzjoni bejn dawk il-kwotazzjonijiet u flussi tal-ordnijiet oħra;

    (g)

    l-obbligu li jinżammu rekords ta' kwotazzjonijiet sodi u tranżazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet ta' ġenerazzjoni tas-suq tad-ditta tal-investiment, li jkunu distinti b'mod ċar minn attivitajiet oħra ta' negozjar u li dawn ir-rekords ikunu disponibbli għaċ-ċentru tan-negozjar u għall-awtorità kompetenti fuq talba.

    2.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jimmonitorjaw kontinwament il-konformità effettiva tad-ditti tal-investiment rilevanti mal-ftehimiet ta' ġenerazzjoni tas-suq.

    Artikolu 3

    Ċirkostanzi eċċezzjonali

    L-obbligu tad-ditti tal-investiment li jipprovdu likwidità fuq bażi regolari u prevedibbli stabbilit fl-Artikolu 17(3)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE ma għandu japplika fl-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali:

    (a)

    sitwazzjoni ta' volatilità estrema li tiskatta mekkaniżmi tal-volatilità għall-biċċa l-kbira tal-istrumenti finanzjarji jew is-sottostanti ta' strumenti finanzjarji nnegozjati f'segment tan-negozjar fiċ-ċentru tan-negozjar li fir-rigward tagħhom japplika l-obbligu li jiġi ffirmat ftehim tal-ġenerazzjoni tas-suq;

    (b)

    gwerra, azzjoni industrijali, inkwiet ċivili jew sabotaġġ ċibernetiku;

    (c)

    kundizzjonijiet ta' negozjar diżordinati fejn iż-żamma ta' eżekuzzjoni ġusta, ordinata u trasparenti tat-tranżazzjonijiet tkun kompromessa, u tiġi pprovduta evidenza ta' xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    il-prestazzjoni tas-sistema taċ-ċentru tan-negozjar tiġi affettwata b'mod sinifikanti minn dewmien u interruzzjonijiet;

    (ii)

    bosta ordnijiet jew tranżazzjonijiet żbaljati;

    (iii)

    il-kapaċità taċ-ċentru tan-negozjar sabiex jipprovdi s-servizzi ma tibqax suffiċjenti;

    (d)

    meta l-kapaċità tad-ditta tal-investiment sabiex iżżomm prattiki tal-immaniġġjar tar-riskju prudenti tkun impedita minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    kwistjonijiet teknoloġiċi, inklużi problemi fi fluss ta' dejta jew f'xi sistema oħra essenzjali biex titwettaq strateġija ta' ġenerazzjoni tas-suq;

    (ii)

    kwistjonijiet ta' mmaniġġjar tar-riskju fir-rigward tal-kapital regolatorju, tal-marġinazzjoni u tal-aċċess għal ikklirjar,

    (iii)

    in-nuqqas ta' kapaċità biex tiġi ħħeġġjata pożizzjoni minħabba projbizzjoni fuq il-bejgħ bin-nieqes;

    (e)

    għall-istrumenti mhux ta' ekwità, matul il-perjodu ta' sospensjoni msemmi fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    Artikolu 4

    Identifikazzjoni ta' ċirkostanzi eċċezzjonali

    1.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippubblikaw l-okkorrenza taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fil-punti (a), (b), (c) u (e) tal-Artikolu 3 u, hekk kif ikun teknikament possibbli, it-tkomplija tan-negozju normali tagħhom wara li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ma jkunux baqgħu jeżistu.

    2.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu proċeduri ċari biex jerġgħu jinbdew l-attivitajiet ta' negozjar normali wara li ċ-ċirkustanza eċċezzjonali ma tkunx għadha teżisti aktar, inkluż iż-żmien meta jerġgħu jinbdew l-attivitajiet, u għandhom jagħmlu dawn il-proċeduri disponibbli għall-pubbliku.

    3.   Iċ-ċentri tan-negozjar ma għandhomx jestendu d-dikjarazzjoni ta' ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-għeluq tas-suq sakemm dan ma jkunx neċessarju fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (b), (c) u (e) tal-Artikolu 3(1).

    Artikolu 5

    Obbligu għaċ-ċentri tan-negozjar sabiex ikollhom skemi ta' ġenerazzjoni tas-suq

    1.   Iċ-ċentri tan-negozjar ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkollhom skema ta' ġenerazzjoni tas-suq kif imsemmi fl-Artikolu 48(2)(b) tad-Direttiva 2014/65/UE fis-seħħ ħlief għal xi waħda minn dawn il-klassijiet ta' strumenti finanzjarji nnegozjati permezz ta' sistema ta' negozjar b'reġistru tal-ordnijiet ta' rkant kontinwu:

    (a)

    ishma u fondi negozjati fil-borża li għalihom hemm suq likwidu kif definit skont l-Artikolu 2(1)(17) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u kif speċifikat fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 (4);

    (b)

    l-opzjonijiet u l-futuri direttament relatati mal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-punt (a);

    (c)

    futuri tal-indiċi tal-ekwità u opzjonijiet tal-indiċi tal-ekwità li għalihom hemm suq likwidu kif speċifikat skont il-punt (c) tal-Artikolu 9(1) u l-punt (c) tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 (5).

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, sistema ta' negozjar b'reġistru tal-ordnijiet ta' rkant kontinwu tfisser sistema li permezz ta' reġistru tal-ordnijiet u algoritmu tan-negozjar imħaddma mingħajr intervent uman tqabbel l-ordnijiet għall-bejgħ mal-ordnijiet għax-xiri fuq il-bażi tal-aħjar prezz disponibbli fuq bażi kontinwa

    Artikolu 6

    Obbligi minimi fir-rigward tal-iskemi tal-ġenerazzjoni tas-suq

    1.   Iċ-ċentri ta' negozjar għandhom jiċċaraw fl-iskema għall-ġenerazzjoni tas-suq tagħhom, l-inċentivi u r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati f'termini ta' preżenza, daqs u firxa minn ditti tal-investiment sabiex jiksbu aċċess għal dawn l-inċentivi f':

    (a)

    kundizzjonijiet tan-negozjar normali fejn iċ-ċentru tan-negozjar joffri inċentivi għal dawn il-kundizzjonijiet.

    (b)

    kundizzjonijiet ta' stress fis-suq, filwaqt li jitqiesu r-riskji addizzjonali f'dawn il-kundizzjonijiet.

    2.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu l-parametri biex jidentifikaw kundizzjonijiet ta' stress fis-suq f'termini ta' bidliet sinifikanti fil-prezzijiet u l-volum fuq terminu qasir. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jikkunsidraw it-tkomplija tan-negozjar wara interruzzjonijiet minħabba l-volatilità bħala kundizzjonijiet ta' stress fis-suq.

    3.   Għall-finijiet tal-punt (a) fil-paragrafu 1, il-postijiet tan-negozjar jistgħu fl-iskemi tal-ġenerazzjoni tas-suq tagħhom jispeċifikaw li l-inċentivi għandhom jingħataw biss lil dak jew dawk li jkollhom l-aqwa prestazzjoni.

    Artikolu 7

    Skemi tal-ġenerazzjoni tas-suq ġusti u mhux diskriminatorji

    1.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom it-termini tal-iskemi għall-ġenerazzjoni tas-suq, l-ismijiet tad-ditti li ffirmaw ftehimiet ta' ġenerazzjoni tas-suq skont kull waħda minn dawn l-iskemi u l-istrumenti finanzjarji koperti minn dawn il-ftehimiet.

    2.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jikkomunikaw kull bidla fit-termini tal-iskemi tal-ġenerazzjoni tas-suq lill-parteċipanti f'dawk l-iskemi mill-inqas xahar qabel l-applikazzjoni tagħhom.

    3.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jipprovdu l-istess inċentivi lill-parteċipanti kollha li jkollhom prestazzjoni ugwali f'termini ta' preżenza, daqs u firxa, fl-iskemi ta' ġenerazzjoni tas-suq tagħhom.

    4.   Iċ-ċentri tan-negozjar ma għandhomx jillimitaw l-għadd ta' parteċipanti fi skema ta' ġenerazzjoni tas-suq. Madankollu, jistgħu jillimitaw l-aċċess għall-inċentivi inklużi fl-iskema għal ditti li jkunu laħqu livelli minimi predeterminati.

    5.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jimmonitorjaw b'mod kontinwu l-konformità effettiva tal-parteċipanti mal-iskemi ta' ġenerazzjoni tas-suq.

    6.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu proċeduri sabiex jikkomunikaw l-eżistenza ta' kundizzjonijiet ta' stress fis-suq fiċ-ċentru tan-negozjar tagħhom lill-parteċipanti kollha fi skema ta' ġenerazzjoni tas-suq permezz ta' mezzi faċilment aċċessibbli.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Jibda japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/567 tat-18 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-definizzjonijiet, it-trasparenza, il-kompressjoni ta' portafolli u l-miżuri superviżorji fuq l-intervent fuq prodotti u pożizzjonijiet (ara l-paġna 90 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi (ara l-paġna 229 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top