Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0573

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/573 tas-6 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti li jiżguraw servizzi ġusti u mhux diskriminatorji ta' kolokazzjoni u strutturi ta' tariffi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2016/3266

ĠU L 87, 31.3.2017, pp. 145–147 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/573/oj

31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/145


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/573

tas-6 ta' Ġunju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti li jiżguraw servizzi ġusti u mhux diskriminatorji ta' kolokazzjoni u strutturi ta' tariffi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 48(12)(d),

Billi:

(1)

Huwa importanti li jiġu adottati standards tekniċi regolatorji biex jiġu identifikati b'mod ċar il-kundizzjonijiet meta l-istrutturi ta' kolokazzjoni u ta' tariffi użati minn postijiet tan-negozjar jistgħu jitqiesu ġusti u mhux diskriminatorji.

(2)

Id-Direttiva 2014/65/UE testendi r-rekwiżiti relatati mal-istrutturi ta' kolokazzjoni u ta' tariffi għal faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u faċilitajiet organizzati tan-negozjar. Għaldaqstant huwa importanti li jiġi żgurat li dawn iċ-ċentri jkunu wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(3)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet armonizzati, għandhom japplikaw rekwiżiti komuni għat-tipi kollha ta' servizzi ta' kolokazzjoni u għaċ-ċentri tan-negozjar li jorganizzaw iċ-ċentri tad-dejta tagħhom stess jew li jużaw iċ-ċentri tad-dejta li huma ġestiti jew huma proprjetà ta' partijiet terzi.

(4)

Iċ-ċentri tan-negozjar għandu jkollhom l-abbiltà li jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-kolokazzjoni u jiddeterminaw lil liema tipi ta' parteċipanti fis-suq iridu jagħtu aċċess għal dawk is-servizzi diment li l-politika kummerċjali tagħhom tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. Iċ-ċentri tan-negozjar ma għandhomx ikunu meħtieġa li jestendu l-kapaċitajiet ta' kolokazzjoni tagħhom lil hinn mil-limiti tal-ispazju, tal-enerġija, tat-tkessiħ jew faċilitajiet simili disponibbli u għandu jkollhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu jekk għandhomx jespandu l-ispazju ta' kolokazzjoni tagħhom jew le.

(5)

Servizzi ġusti u mhux diskriminatorji ta' kolokazzjoni u ta' tariffi jirrikjedu ċertu livell ta' trasparenza suffiċjenti sabiex jiżguraw li ma ssirx ċirkomvenzjoni tal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE. Għalhekk, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jużaw kriterji oġġettivi meta jiġu ddeterminati roħsijiet, inċentivi u diżinċentivi.

(6)

L-istrutturi ta' tariffi li jikkontribwixxu għall-kundizzjonijiet li jwasslu għal kundizzjonijiet ta' negozjar diżordinati permezz tal-inkoraġġiment ta' negozjar intensiv u li jista' jwassal għal stress fl-infrastrutturi tas-suq għandhom jiġu pprojbiti. Għaldaqstant, għandhom ikunu permessi skontijiet fuq il-kwantità, diment li, bħala skemi ta' divrenzjar tal-prezzijiet, dawn ikunu bbażati fuq il-volum totali tan-negozjar, l-għadd totali tan-negozjar jew it-tariffi akkumulati tan-negozjar iġġenerati minn membru wieħed fejn in-negozjar marġinali eżegwit sussegwentament biex jintlaħaq il-limitu biss ikun eżegwit bi prezz imnaqqas.

(7)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(9)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Servizzi ġusti u mhux diskiminatorji ta' kolokazzjoni

1.   Iċ-ċentri tan-negozjar li jipprovdu s-servizzi ta' kollokazzjoni għandhom, fi ħdan il-limiti tal-ispazju, tal-enerġija, tat-tkessiħ u faċilitajiet simili disponibbli, jiżguraw li dawn is-servizzi jkunu pprovduti b'mod ġust u mhux diskriminatorju kif stabbilit fil-paragrafi 2, 3 u 4 fir-rigward ta':

(a)

iċ-ċentri tad-dejta li huma ġestiti minnhom u li huma proprjetà tagħhom stess;

(b)

iċ-ċentri tad-dejta li huma proprjetà tagħom stess u li huma ġestiti minn parti terza magħżula minnhom;

(c)

iċ-ċentri tad-dejta li huma ġestiti u huma proprjetà ta' parti terza li ċ-ċentru tan-negozjar ikollu arranġament ta' esternalizzazzjoni magħha għall-organizzazzjoni kemm tal-eżekuzzjoni tal-infrastruttura taċ-ċentru tan-negozjar kif ukoll tal-aċċess ta' viċinanza għalih;

(d)

servizzi ta' proximity hosting li huma ġestiti u li huma proprjetà ta' parti terza b'arranġament kuntrattwali ma' ċentru tan-negozjar.

2.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jipprovdu lill-utenti kollha li jkunu abbonaw għall-istess servizzi ta' kolokazzjoni l-aċċess għan-network tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet, inkluż fir-rigward tal-ispazju, tal-enerġija, tat-tkessiħ, tat-tul tal-kejbil, tal-aċċess għad-dejta, tal-konnettività tas-suq, tat-teknoloġija, tal-appoġġ tekniku u tat-tipi ta' messaġġi.

3.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jagħmlu monitoraġġ tal-konnessjonijiet u tal-kejl tal-latenza kollha sabiex jiżguraw it-trattament mhux diskriminatorju tal-utenti kollha tas-servizzi ta' kolokazzjoni li għandhom l-istess tip ta' aċċess għal-latenza.

4.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jagħmlu disponibbli servizzi ta' kolokazzjoni individwali, mingħajr l-ebda rekwiżit biex jinxtraw servizzi magħquda.

Artikolu 2

Trasparenza fil-forniment tas-sreizzi ta' kolokazzjoni

Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni dwar is-servizzi ta' kolokazzjoni tagħhom fuq is-siti web tagħhom:

(a)

lista ta' servizzi pprovduti li tagħti informazzjoni dwar l-ispazju, l-enerġija, it-tkessiħ, it-tul tal-kejbil, l-aċċess għad-dejta, il-konnettività tas-suq, it-teknoloġija, l-appoġġ tekniku, it-tipi ta' messaġġi, it-telekomunikazzjoni u prodotti u servizzi relatati;

(b)

l-istruttura tat-tariffi għal kull servizz kif stabbilit fl-Artikolu 3(2);

(c)

il-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-servizz, inklużi r-rekwiżiti tal-IT u arranġamenti operazzjonali;

(d)

it-tipi differenti ta' latenza ta' aċċess disponibbli;

(e)

il-proċedura għall-allokazzjoni tal-ispazju ta' kolokazzjoni;

(f)

ir-rekwiżiti għal fornituri ta' parti terza ta' servizzi ta' kolokazzjoni, fejn applikabbli.

Artikolu 3

Tariffi ġusti u mhux diskriminatorji

1.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom iżommu l-istess tariffa u jipprovdu l-istess kundizzjonijiet għall-utenti kollha tal-istess tip ta' servizzi bbażati fuq kriterji oġġettivi. Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu strutturi ta' tariffi differenti għall-istess tip ta' servizzi biss fejn dawn l-istrutturi ta' tariffi jkunu bbażati fuq kriterji mhux diskriminatorji, oġġettivi u li jistgħu jitkejlu, li għandhom x'jaqsmu ma':

(a)

il-volum totali nnegozjat, in-numri ta' tariffi ta' negozji jew negozji kumulati;

(b)

is-servizzi jew il-pakketti ta' servizzi pprovduti miċ-ċentru tan-negozjar;

(c)

l-ambitu jew il-qasam tal-użu mitlub;

(d)

il-provvista ta' likwidità skont l-Artikolu 48(2) tad-Direttiva 2014/65/UE jew f'kapaċità ta' ġeneratur tas-suq kif definit fl-Artikolu 4(1)(7) tad-Direttiva 2014/65/UE;

2.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw li l-istruttura tat-tariffi tkun granulari biżżejjed biex tippermetti li l-utenti jipprevedu t-tariffi pagabbli fuq il-bażi ta' mill-inqas dawn l-elementi:

(a)

servizzi bi ħlas, inkluż l-attività li tikkaġuna t-tariffa;

(b)

it-tariffa għal kull servizz, li tiddikjara jekk it-tariffa tkunx fissa jew varjabbli;

(c)

roħsijiet, inċentivi jew diżinċentivi.

3.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jagħmlu disponibbli s-servizzi individwali mingħajr ma jiġu rraggruppati ma' servizzi oħrajn.

Artikolu 4

Trasparenza tal-istrutturi tat-tariffi

Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jippubblikaw il-kriterji oġġettivi għall-istabbiliment tat-tariffi tagħhom u l-istrutturi tat-tariffi u kundizzjonijiet oħrajn previsti fl-Artikolu 3, flimkien ma' tariffi ta' eżekuzzjoni, tariffi anċillari, roħsijiet, inċentivi u diżinċentivi f'dokument wieħed komprensiv u pubblikament aċċessibbli fuq is-sit web tagħhom.

Artikolu 5

Strutturi ta' tariffi pprojbiti

Iċ-ċentri tan-negozjar ma għandhomx joffru lill-membri, lill-parteċipanti jew lill-klijenti tagħhom struttura ta' tariffi fejn, ladarba n-negozji tagħhom jaqbżu ċertu limitu, in-negozji kollha tagħhom jibbenefikaw minn tariffa aktar baxxa għal perjodu definit, inklużi dawk in-negozji li jkunu saru qabel ma jkun intlaħaq dan il-limitu.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top