Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0488

Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/488 tal-21 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

ĠU L 76, 22.3.2017, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/488/oj

22.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/488

tal-21 ta' Marzu 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Jannar 2016 il-Kunsill adotta Regolament (UE) 2016/44 (1), li f'ġieħ iċ-ċarezza kkonsolida r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 (2).

(2)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 ta setgħat lill-Kunsill li jemenda l-Anness VI ta' dak ir-Regolament wara deċiżjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, ma ġiet inkluża ebda għotja ta' dan it-tip fir-Regolament (UE) 2016/44.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/44 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 21

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness II jew VI.

2.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissuġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 6(2), huwa għandu jemenda l-Anness III kif meħtieġ.

3.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2 jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, filwaqt li lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp tingħatalhom l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

4.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 kif meħtieġ.

5.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeċiedi li jneħħi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, mil-lista jew li jemenda d-data ta' indentifikazzjoni ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness II jew VI kif meħtieġ.

6.   Il-lista fl-Anness III għandha tiġi eżaminata mill-ġdid f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta' Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1).


Top