Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0481

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/481 tal-20 ta' Marzu 2017 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 dwar l-entrata għall-Istati Uniti tal-Amerka fil-lista ta' pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu importati ċerti prodotti tat-tjur lejn l-Unjoni jew isir tranżitu minnha fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/1934

    ĠU L 75, 21.3.2017, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/481/oj

    21.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 75/15


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/481

    tal-20 ta' Marzu 2017

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 dwar l-entrata għall-Istati Uniti tal-Amerka fil-lista ta' pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu importati ċerti prodotti tat-tjur lejn l-Unjoni jew isir tranżitu minnha fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 8, il-punt 4 tal-Artikolu 8, u l-Artikolu 9(4)(c) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta' tajr u bajd għat-tfaqqis minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 23(1), 24(2) u 25(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (3) jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u t-tranżitu minnha, inkluż il-ħżin waqt it-tranżitu, tat-tjur u l-prodotti tat-tjur (“il-prodotti”). Dan jistipula li dawk il-prodotti jistgħu jiġu impurtati fl-Unjoni u jgħaddu minnha bi tranżitu, mill-pajjiżi terzi, mit-territorji, miż-żoni jew mill-kompartimenti mniżżla fil-kolonni 1 u 3 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness I tiegħu.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet biex pajjiż terz, territorju, żona jew kompartiment ikun jista' jitqies ħieles mill-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (HPAI).

    (3)

    L-Istati Uniti tal-Amerka huma elenkati fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 bħala pajjiż terz li minnu jistgħu jiġu impurtati prodotti fl-Unjoni u jgħaddu minnha bi tranżitu, mingħajr restrizzjoni minħabba l-preżenza tal-HPAI.

    (4)

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar miżuri sanitarji li jipproteġu s-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali fil-kummerċ tal-annimali ħajjin u tal-prodotti tal-annimali (“il-Ftehim”) (4), kif approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1998/258/KE (5), jipprovdi għal rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' reġjonalizzazzjoni f'każ ta' tifqigħat tal-marda fl-Unjoni jew fl-Istati Uniti tal-Amerka.

    (5)

    Fl-4 ta' Marzu 2017, l-Istati Uniti tal-Amerka kkonfermaw il-preżenza tal-HPAI tas-sottotip H7N9 fi stabbiliment tat-tjur fil-Kontea ta' Lincoln fl-Istat ta' Tennessee. Għaldaqstant it-territorju kollu ta' dak il-pajjiż terz ma jistax jibqa' jitqies ħieles minn dik marda.

    (6)

    L-awtoritajiet veterinarji tal-Istati Uniti tal-Amerka stabbilew żona tal-kontroll ta' 10 km madwar l-azjenda milquta, li kienet tinkludi l-kontej Lincoln, Franklin u Moore fl-Istat ta' Tennessee u l-kontej ta' Madison u Jackson fl-Istat ta' Alabama. L-awtoritajiet veterinarji tal-Istati Uniti tal-Amerka ssospendew il-ħruġ taċ-ċertifikati veterinarji għall-kunsinni tal-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn dawn il-kontej u implimentaw politika ta' eradikazzjoni biex jikkontrollaw l-HPAI u jillimitaw it-tixrid tagħha.

    (7)

    L-Istati Uniti tal-Amerka ppreżentaw informazzjoni dwar il-qagħda epidemjoloġika fit-territorju tagħhom u dwar il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni ta' aktar tixrid tal-HPAI, u l-Kummissjoni evalwatha. Abbażi ta' dik l-evalwazzjoni, kif ukoll tal-impenji stabbiliti fil-Ftehim u l-garanziji previsti mill-Istati Uniti tal-Amerka, sabiex jitħares id-dritt tal-Unjoni b'rabta mar-riskji għas-saħħa tal-annimali minħabba l-introduzzjoni ta' prodotti fl-Unjoni li jkunu ġejjin mill-Istati Uniti tal-Amerka, huwa xieraq li jsiru restrizzjonijiet fuq l-introduzzjoni ta' prodotti fl-Unjoni mill-kontej tal-Istati ta' Tennessee u Alabama milquta bl-HPAI. Għalhekk, l-entrata għall-Istati Uniti tal-Amerka fil-lista fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 jenħtieġ tiġi emendata biex tqis ir-reġjonalizzazzjoni ta' dan il-pajjiż terz minħabba t-tifqigħat attwali tal-HPAI.

    (8)

    Għaldaqstant, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 jenħtieġ jiġi emendat kif xieraq.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Marzu 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 74.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta' Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta' tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1).

    (4)  ĠU L 118, 21.4.1998, p. 3.

    (5)  ĠU L 118, 21.4.1998, p. 1.


    ANNESS

    Fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008, l-entrata għall-Istati Uniti tal-Amerka qed tinbidel b'dan li ġej:

    Kodiċi ISO u isem il-pajjiż terz jew it-territorju

    Kodiċi tal-pajjiż terz, tat-territorju, taż-żona jew tal-kompartiment

    Deskrizzjoni tal-pajjiż terz, tat-territorju, taż-żona jew tal-kompartiment

    Ċertifikat veterinarju

    Kundizzjonijiet speċifiċi

    Kundizzjonijiet speċifiċi

    Status tas-sorveljanza tal-influwenza tat-tjur

    Status tat-tilqim kontra l-influwenza tat-tjur

    Status tal-Kontroll tas-Salmonella (6)

    Mudelli

    Garanziji addizzjonali

    Data tal-għeluq (1)

    Data tal-ftuħ (2)

    1

    2

    3

    4

    5

    6

    6 A

    6B

    7

    8

    9

    “US — l-Istati Uniti tal-Amerka

    US-2.23

    L-Istat ta' Tennessee:

     

    il-Kontea ta' Lincoln,

     

    il-Kontea ta' Franklin, u

     

    il-Kontea ta' Moore

    WGM

    VIII

    P2

    4.3.2017

     

     

     

     

    POU, RAT

     

    N

    P2

     

     

     

    BPR, BPP, DOC, DOR, HEP, HER, SRP, SRA, LT20

     

    A

     

    S3, ST1

    US-2.24

    L-Istat ta' Alabama:

     

    il-Kontea ta' Madison, u

     

    il-Kontea ta' Jackson

    WGM

    VIII

    P2

    4.3.2017

     

     

     

     

    POU, RAT

     

    N

    P2

     

     

     

    BPR, BPP, DOC, DOR, HEP, HER, SRP, SRA, LT20

     

    A

     

    S3, ST1”


    Top