This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0461
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/461 of 16 March 2017 laying down implementing technical standards with regard to common procedures, forms and templates for the consultation process between the relevant competent authorities for proposed acquisitions of qualifying holdings in credit institutions as referred to in Article 24 of Directive 2013/36/EU of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/1612
ĠU L 72, 17.3.2017, pp. 57–65
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
17.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 72/57 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/461
tas-16 ta' Marzu 2017
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(9) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri, forom u mudelli komuni biex jiżguraw il-valutazzjoni preċiża mill-awtoritajiet kompetenti ta' notifiki ta' akkwisti diretti jew indiretti proposti jew żidiet ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu meta l-akkwirent propost ikun entità taħt superviżjoni fi Stat Membru jew f'settur ieħor, l-impriża prinċipali ta' din l-entità taħt superviżjoni, jew il-persuna naturali jew legali li tikkontrolla din l-entità taħt superviżjoni. F'dawn il-każijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jikkonsultaw ma' xulxin u jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni mitluba jew kwalunkwe informazzjoni essenzjali oħra. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 ta' dik id-Direttiva japplika wkoll għall-valutazzjoni tal-azzjonisti u membri ta' istituzzjoni ta' kreditu għall-finijiet tal-għoti ta' awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu. Il-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għalhekk jenħtieġ li jippermettu wkoll konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti meta l-valutazzjoni tal-azzjonisti jew membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti titwettaq bħala parti mill-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu. |
|
(3) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u tiġi żgurata effiċjenza fl-iskambju ta' informazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jaħtru punti ta' kuntatt dedikati speċifikament għall-għan tal-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE u jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom. |
|
(4) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta' konsultazzjoni li fihom restrizzjonijiet ta' ħin ċari sabiex jiżguraw kooperazzjoni fil-ħin u effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti. |
|
(5) |
Dawn il-proċeduri ta' konsultazzjoni għandhom ukoll jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw u jaħdmu lejn it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni billi fejn xieraq, jippromwovu l-iskambju ta' rispons dwar il-kwalità u r-rilevanza tal-informazzjoni rċevuta. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) lill-Kummissjoni. |
|
(7) |
L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Kkonċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE bejn dawn li ġejjin:
|
(a) |
l-awtorità kompetenti ta' istituzzjoni ta' kreditu eżistenti li fiha huwa propost li tiġi akkwistata jew miżjuda parteċipazzjoni kwalifikanti jew l-awtorità responsabbli għall-għoti tal-awtorizzazzjoni biex tinbeda l-attività ta' istituzzjoni ta' kreditu (l-“awtorità rikjedenti”); |
|
(b) |
l-awtorità kompetenti rilevanti tal-akkwirent, azzjonist jew membru propost, meta dan l-akkwirent, azzjonist jew membru propost jaqa' taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2013/36/UE (iktar 'il quddiem l- “awtorità li ssirilha t-talba”). |
Artikolu 2
Punti ta' kuntatt maħtura
Għall-fini tal-proċess ta' konsultazzjoni stabbilit fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jaħtru, permezz ta' indirizz uniku ta' dipartiment jew kaxxa postali dedikat, punti ta' kuntatt għat-trażmissjoni ta' avviżi ta' konsultazzjoni u komunikazzjonijiet oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom jagħmlu dawn il-punti ta' kuntatt disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom.
Artikolu 3
Avviż ta' konsultazzjoni
1. L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż ta' konsultazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba mill-aktar fis possibbli wara li jasal l-avviż imsemmi fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36/UE u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 10 ijiem ta' xogħol wara l-bidu tal-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) ta' dik id-Direttiva.
2. Meta l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36/UE titwettaq bħala parti mill-valutazzjoni ta' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex istituzzjoni ta' kreditu tibda l-attivitajiet tagħha, l-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż ta' konsultazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba mill-aktar fis possibbli wara li tasal din l-applikazzjoni u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 10 ijiem ta' xogħol wara li tasal l-informazzjoni sħiħa msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/36/UE.
3. L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviżi ta' konsultazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 bil-miktub permezz tal-posta, tal-faks jew ta' mezz elettroniku sigur, u tindirizzahom lill-persuna ta' kuntatt maħtura tal-awtorità rikjedenti.
4. L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviżi ta' konsultazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 billi timla l-mudell stipulat fl-Anness I, u tispeċifika d-dettalji ewlenin tal-parteċipazzjoni proposta u tal-informazzjoni li l-awtorità rikjedenti titlob mill-awtorità li ssirilha t-talba f'dan ir-rigward.
Artikolu 4
Konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni
L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 lill-awtorità rikjedenti fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta jasal dan l-avviż.
Artikolu 5
Tweġiba minn awtorità li ssirilha t-talba
1. Tweġiba għal avviż ta' konsultazzjoni għandha ssir bil-miktub, billi jintuża l-format stabbilit fl-Anness II, bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniċi siguri. Għandha tiġi indirizzata lill-punt ta' kuntatt maħtur tal-awtorità rikjedenti msemmija fl-Artikolu 2, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-awtorità rikjedenti.
2. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 20 jum ta' xogħol mir-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni:
|
(a) |
l-informazzjoni rilevanti kollha mitluba fl-avviż ta' konsultazzjoni, inkluża kwalunkwe opinjoni jew riżerva fir-rigward tal-akkwiżizzjoni mill-akkwirent propost; |
|
(b) |
kull informazzjoni essenzjali, fuq l-inizjattiva tagħha stess. |
3. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tissodisfa l-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, għandha tinforma minnufih lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet ġustifikabbli li jeħtieġu dewmien bħal dan u tipprovdi data mistennija tat-tweġiba. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi rispons regolari dwar il-progress li sar jew fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-awtorità rikjedenti.
4. Meta minħabba każijiet ġustifikati ta' neċessità, l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-ħin biex tilħaq il-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, hija għandha:
|
(a) |
tipprovdi l-informazzjoni li hija diġà disponibbli fil-limitu perentorju stabbilit fil-paragrafu 2, billi tuża l-format stabbilit fl-Anness II; |
|
(b) |
tipprovdi kwalunkwe informazzjoni nieqsa malli ssir disponibbli u b'manjiera, inkluż verbalment, li tiżgura li kwalunkwe azzjoni meħtieġa tista' tipproċedi b'mod espedjenti. |
5. Jekk l-informazzjoni mitluba tiġi pprovduta verbalment skont il-punt (b) tal-paragrafu 4, din għandha sussegwentement tiġi kkonfermata bil-miktub f'konformità mal-paragrafu 1, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti involuti jiddeċiedu mod ieħor.
Artikolu 6
Proċeduri għall-konsultazzjoni
1. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkomunikaw fir-rigward ta' avviż ta' konsultazzjoni u t-tweġiba billi jużaw il-mezzi l-aktar espedjenti minn fost dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 5(1), filwaqt li jqisu kif dovut kunsiderazzjonijiet ta' kunfidenzjalità, il-ħinijiet ta' korrispondenza, il-volum ta' materjal li għandu jiġi kkomunikat u l-faċilità ta' aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti.
2. L-informazzjoni pprovduta mill-awtorità li ssirilha t-talba għandha, sa fejn taf hi, tkun kompleta, preċiża u aġġornata.
3. Wara li tirċievi avviż ta' konsultazzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkomunika mal-awtorità rikjedenti fi żmien xieraq jekk ikun hemm bżonn xi kjarifika rigward l-informazzjoni mitluba.
L-awtorità rikjedenti għandha mbagħad twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità li ssirilha t-talba.
4. Jekk l-informazzjoni mitluba hija miżmuma minn awtorità oħra tal-istess Stat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba iżda li ma tikkostitwixxix awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tagħmel l-aħjar sforzi biex tiġbor l-informazzjoni minnufih u tibgħatha lill-awtorità rikjedenti skont l-Artikolu 5.
Jekk l-informazzjoni mitluba hija miżmuma minn awtorità oħra ta' Stat Membru differenti jew minn awtorità oħra tal-istess Stat Membru li tikkostitwixxi awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha minnufih tgħarraf lill-awtorità rikjedenti dwar dan.
5. L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta' talba.
6. L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jipprovdu rispons lil xulxin dwar l-eżitu tal-valutazzjoni li dwarha tkun sar il-proċess ta' konsultazzjoni u, fejn ikun adegwat, dwar l-utilità tal-informazzjoni jew għajnuna oħra rċevuta jew kwalunkwe problema li tinqala' fl-għoti ta' tali għajnuna jew informazzjoni.
7. Meta jkun hemm informazzjoni ġdida jew il-ħtieġa għal aktar informazzjoni waqt il-perjodu ta' valutazzjoni, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jiżguraw li l-informazzjoni essenzjali u rilevanti kollha tiġi skambjata. Il-mudelli stipulati fl-Annessi I u II, fejn xieraq, għandhom jintużaw għal dan l-għan.
8. Matul il-proċess ta' konsultazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw lingwa uffiċjali ta' Stat Membru tal-Unjoni li hija lingwa użata b'mod komuni għal kooperazzjoni superviżorja internazzjonali u għandhom jippubblikaw l-għażla ta' din il-lingwa jew lingwi fuq is-siti web tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għandhom lingwa uffiċjali komuni jew jiftiehmu reċiprokament li jużaw lingwa uffiċjali oħra ta' Stat Membru tal-Unjoni jistgħu jużaw dik il-lingwa.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
ANNESS I
Mudell ta' avviż ta' konsultazzjoni
[L-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461]
Data: …
MINN:
Stat Membru:
Awtorità Rikjedenti:
Indirizz:
(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)
Telefown:
Posta elettronika:
Numru ta' referenza:
LIL:
Stat Membru:
Awtorità li ssirilha t-talba:
Indirizz:
(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)
Telefown:
Posta elettronika:
Sinjur/a,
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 (1), qed issir notifika ta' konsultazzjoni b'rabta mas-suġġetti mfissra f'aktar dettall hawn taħt.
Jekk jogħġbok innota li l-proċedura ta' valutazzjoni se tiskadi fi [daħħal data] (2). Għalhekk inkunu grati jekk tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni mitluba u kwalunkwe informazzjoni essenzjali oħra, kif ukoll kwalunkwe fehmiet jew riżervi li jista' jkollok dwar il-parteċipazzjoni proposta, fi żmien 20 jum ta' xogħol mir-riċevuta ta' din l-ittra, jew jekk dan mhuwiex possibbli, indikazzjoni dwar meta tistenna li tkun f'pożizzjoni li tipprovdi l-għajnuna mfittxija.
Dan l-avviż ta' konsultazzjoni, ir-risposta tiegħek u l-ipproċessar tagħhom huma soġġetti għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni proposta
Identità tal-akkwirent(i), azzjonist(i) jew membru/i propost(i):
…
…
…
[Għal persuni fiżiċi, inkludi d-dettalji personali, inklużi l-isem, id-data u l-post ta' twelid tal-persuna, in-numru ta' identifikazzjoni personali (meta disponibbli) u l-indirizz. Għal persuni ġuridiċi, inkludi l-isem reġistrat, l-indirizz reġistrat tal-uffiċċju prinċipali, l-indirizz postali (jekk inhu differenti) u n-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali (meta disponibbli)]
Isem l-entità(jiet) rilevanti regolati fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba u r-relazzjoni mal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost:
…
…
…
[Meta l-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost huwa entità regolata kif imsemmi fl-Artikolu 24(1)(a) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-isem tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost huwa biżżejjed. Meta l-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jaqa' taħt waħda mill-kategoriji definiti skont l-Artikolu 24(1)(b) jew (c) tad-Direttiva 2013/36/UE, huwa neċessarju wkoll li tiġi spjegata r-relazzjoni tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost mal-entità rilevanti regolata fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba]
Identità tal-impriża jew l-istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba awtorizzazzjoni:
…
…
…
Inkludi l-isem reġistrat, l-indirizz reġistrat tal-uffiċċju prinċipali tagħha, l-indirizz postali (jekk differenti) u n-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali (meta disponibbli)]
Daqs tal-parteċipazzjoni diretta jew indiretta attwali u maħsuba tal-akkwirent, l-azzjonist jew membru propost fl-impriża jew l-istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba l-awtorizzazzjoni:
…
…
…
[Inkludi informazzjoni dwar l-ishma tal-impriża jew istituzzjoni fil-mira li għaliha hija mitluba l-awtorizzazzjoni li jappartjenu, jew huma kontemplati li jsiru jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), inkluż (i) in-numru u t-tip ta' ishma, kemm jekk huma ishma ordinarji jew oħrajn, tal-impriża li jappartjenu jew li huma maħsuba li jiġu akkwistati, mill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), flimkien mal-valur nominali ta' dawn l-ishma, (ii) is-sehem tal-kapital globali tal-impriża li l-ishma tagħha jappartjenu, jew huma maħsuba li jsiru jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jirrappreżentaw (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta) u (iii) is-sehem tad-drittijiet ta' votazzjoni globali tal-impriża li l-ishma li jappartjenu, jew li huma kontemplati li jiġu jappartjenu, lill-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jirrappreżentaw (jekk rilevanti, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta), jekk differenti mis-sehem tal-kapital tal-impriża. Għal akkwiżizzjonijiet indiretti, din l-informazzjoni għandha tkun provduta mutatis mutandis.]
Dettalji ta' kwalunkwe awtorità oħra involuta:
…
…
…
[Jekk l-awtorità rikjedenti tkun ġiet jew ser tiġi f'kuntatt ma' kwalunkwe awtorità oħra fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba f'rabta mas-suġġett tat-talba jew kwalunkwe awtorità oħra li l-awtorità rikjedenti tkun taf li jkollha interess attiv fis-suġġett tat-talba]
[Informazzjoni addizzjonali provduta mill-awtorità rikjedenti (jekk hemm):
…
…
…
…]
Tip ta' għajnuna mitluba
Informazzjoni speċifika mitluba:
…
…
…
…
[Inkludi deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika mitluba, inklużi kwalunkwe dokumenti mitluba. Din l-informazzjoni għandha tinkludi:
|
— |
meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti tal-adegwatezza (f'termini ta' kompetenza u idoneità) tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-uffiċjali rilevanti tal-entità rilevanti regolata; |
|
— |
meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti tas-solidità finanzjarja tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-entità rilevanti regolata, b'rapporti ta' verifika pubbliċi jew esterni relatati; |
|
— |
meta disponibbli, l-eżitu tal-valutazzjoni l-iktar riċenti mill-awtorità li ssirilha t-talba tal-kwalità tal-istruttura ta' ġestjoni tal-akkwirent, l-azzjonist jew il-membru propost jew tal-entità rilevanti regolata, u l-proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi tagħha, is-sistemi ta' kontroll intern, il-governanza korporattiva, l-istruttura tal-grupp eċċ.; |
|
— |
jekk hemm xi raġunijiet biex jiġi suspettat, b'konnessjoni mal-akkwiżizzjoni jew il-parteċipazzjoni proposta, li seħħew jew kien hemm attentat ta' ħasil ta' flus jew finanzjament tat-terroriżmu, |
u kwalunkwe informazzjoni speċifika oħra mitluba mill-awtorità rikjedenti.]
Dejjem tiegħek,
[firma]
(1) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 57).
(2) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2013/36/UE jew, kif jista' jkun il-każ, l-Artikolu 15 tad-Direttiva
(3) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
ANNESS II
Mudell tar-risposta mill-awtorità li ssirilha t-talba
[L-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461]
Data: …
Informazzjoni ġenerali
MINN:
Stat Membru:
Awtorità li ssirilha t-talba:
Indirizz:
(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)
Telefown:
Posta elettronika:
Numru ta' referenza tal-awtorità li ssirilha t-talba
LIL:
Stat Membru:
Awtorità Rikjedenti:
Indirizz:
(Id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur)
Telefown:
Posta elettronika:
Numru ta' referenza tal-awtorità rikjedenti:
Sinjur/a,
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 (1), l-avviż ta' konsultazzjoni tiegħek datat [jj.xx.ssss] bin-numru ta' referenza msemmi hawn fuq ġie pproċessat min-naħa tagħna.
Din ir-risposta hija soġġetta għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
Fejn applikabbli, spjega kwalunkwe dubju li jista' jkollok fir-rigward tal-informazzjoni preċiża mitluba jew ta' kwalunkwe aspett ieħor ta' din il-valutazzjoni:
…
…
…
Inkludi l-informazzjoni mitluba hawn jew irreferi għall-annessi rilevanti li jinkludu l-informazzjoni mitluba:
…
…
…
Jekk hemm xi informazzjoni oħra essenzjali jew kwalunkwe informazzjoni oħra li l-awtorità li ssirilha t-talba tixtieq tipprovdi, niżżel dik l-informazzjoni hawnhekk jew agħti spjegazzjoni ta' kif se tiġi pprovduta, jew agħmel referenza għall-annessi rilevanti li jinkludu dik l-informazzjoni:
…
…
…
[Ipprovdi kwalunkwe informazzjoni essenzjali, bħall-istruttura tal-grupp jew il-valutazzjonijiet l-iktar reċenti tas-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost jew tal-entità rilevanti regolata.]
Jekk hemm kwalunkwe opinjonijiet jew riżervi fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta, iktibhom hawn:
…
…
…
Jekk kwalunkwe informazzjoni mitluba ma kinitx disponibbli waqt it-tħejjija ta' din ir-risposta u l-istennija għal din l-informazzjoni kienet tirriżulta li r-risposta tiġi sottomessa tard, identifika din l-informazzjoni hawn u speċifika meta huwa mistenni li tiġi pprovduta:
…
…
…
Dejjem tiegħek,
[firma]
(1) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/461 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri, il-forom u l-mudelli komuni għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-akkwisti proposti ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'istituzzjonijiet ta' kreditu kif imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 57).
(2) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).