Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0395

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/395 tas-7 ta' Marzu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

ĠU L 60, 8.3.2017, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/395/oj

8.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/395

tas-7 ta' Marzu 2017

li jimplimenta l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 tas-26 ta' April 2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' April 2010 l-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 356/2010.

(2)

Fit-12 ta' Jannar 2017 il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjonijiet 751 (1992) u 1907 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, aġġorna l-informazzjoni dwar 12-il persuna u entità waħda soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 356/2010 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 356/2010 huwa emendat kif jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 1.


ANNESS

L-entrati li jikkonċernaw il-persuni u l-entità elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

I.   Persuni

1.   Yasin Ali Baynah (magħruf ukoll bħala a) Ali, Yasin Baynah, b) Ali, Yassin Mohamed, c) Baynah, Yasin, d) Baynah, Yassin, e) Baynax, Yasiin Cali, f) Beenah, Yasin, g) Beenah, Yassin, h) Beenax, Yasin, i) Beenax, Yassin, j) Benah, Yasin, k) Benah, Yassin, l) Benax, Yassin, m) Beynah, Yasin, n) Binah, Yassin, o) Cali, Yasiin Baynax)

Data tat-twelid: 24 ta' Diċembru 1965. Nazzjonalità: Somalja. Nazzjonalità alternattiva: Żvezja. Post: Rinkeby, Stokkolma, Żvezja; Mogadishu, Somalja.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774673

Yasin Ali Baynah inċita l-attakki kontra l-Gvern Federali Transitorju (TFG) u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). Barra minn hekk, huwa mmobilizza appoġġ u ġabar fondi f'isem l-Alleanza għar-Riabilitazzjoni tas-Somalja u l-Hisbul Islam, li t-tnejn li huma kienu involuti b'mod attiv f'atti li jheddu l-paċi u s-sigurtà fis-Somalja, inkluż iċ-ċaħda tal-Ftehim ta' Djibouti, u attakki fuq il-forzi tat-TFG u l-AMISOM f'Mogadishu.

2.   Hassan Dahir Aweys (magħruf ukoll bħala a) Ali, Sheikh Hassan Dahir Aweys, b) Awes, Hassan Dahir, c) Awes, Shaykh Hassan Dahir, d) Aweyes, Hassen Dahir, e) Aweys, Ahmed Dahir, f) Aweys, Sheikh, g) Aweys, Sheikh Hassan Dahir, h) Dahir, Aweys Hassan, i) Ibrahim, Mohammed Hassan, j) OAIS, Hassan Tahir, k) Uways, Hassan Tahir, l) “Hassan, Sheikh”)

Data tat-twelid: 1935. Ċittadinanza: Somalja. Nazzjonalità: Somalja. Post: Somalja.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774682

Hassan Dahir Aweys aġixxa u jkompli jaġixxi bħala mexxej politiku u ideoloġiku għoli għal diversi gruppi ta' oppożizzjoni armati responsabbli għal ksur ripetut tal-embargo fuq l-armi ġenerali u komplet u/jew atti li jheddu l-ftehim ta' paċi ta' Djibouti, u l-forzi tal-Gvern Federali Transitorju (TFG) u tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). Bejn Ġunju 2006 u Settembru 2007, AWEYSs serva bħala president tal-kumitat ċentrali tal-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi; f'Lulju 2008 huwa ddikjara lilu nnifsu president tal-Alleanza għar-Riliberalizzazzjoni tas-Somalja — il-fergħa ta' Asmara; u f'Mejju 2009 huwa kien innominat president tal-Hisbul Islam, alleanza ta' gruppi li jopponu t-TFG. F'kull waħda minn dawn il-pożizzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' AWEYS urew intenzjoni inekwivokabbli u sostnuta li jżarma t-TFG u li jkeċċi l-AMISOM mis-Somalja bl-użu tal-forza.

3.   Hassan Abdullah Hersi Al-Turki (magħruf ukoll bħala a) Al-Turki, Hassan, b) Turki, Hassan, c) Turki, Hassan Abdillahi Hersi, d) Turki, Sheikh Hassan, e) Xirsi, Xasan Cabdilaahi, f) Xirsi, Xasan Cabdulle)

Data tat twelid: circa 1944. Post tat-twelid: Reġjun Ogaden, Etjopja. Nazzjonalità: Somalja. Post: Somalja.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774683

Hassan Abdullah Hersi Al-Turki kien mexxej għoli ta' grupp ta' milizzja armat minn nofs is-snin 1990 u kien involut f'bosta ksur tal-embargo fuq l-armi. Fl-2006, al-Turki kkontribwixxa forzi għat-teħid ta' Mogadishu mill-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi u ħareġ bħala mexxej militari fil-grupp, allinjat ma' al-Shabaab. Mill-2006, al-Turki għamel it-territorju taħt il-kontroll tiegħu disponibbli għat-taħriġ ta' diversi gruppi ta' oppożizzjoni armati inkluża al-Shabaab. F'Settembru 2007, al-Turki deher f'filmat tal-aħbarijiet ta' al-Jazeera li wera t-taħriġ ta' milizzja taħt it-tmexxija tiegħu.

4.   Ahmed Abdi aw-Mohamed (magħruf ukoll bħala a) Abu Zubeyr, Muktar Abdirahman, b) Abuzubair, Muktar Abdulrahim, c) Aw Mohammed, Ahmed Abdi, d) Aw-Mohamud, Ahmed Abdi, e) “Godane”, f) “Godani”, g) “Mukhtar, Shaykh”, h) “Zubeyr, Abu”)

Data tat-twelid: 10 ta' Lulju 1977. Post tat-twelid: Hargeysa, Somalja. Nazzjonalità: Somalja.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774684

Ahmed Abdi Aw-Mohamed huwa mexxej għoli ta' al-Shabaab u kien pubblikament innominat emir tal-organizzazzjoni f'Diċembru 2007. Huwa jeżerċita r-responsabbiltà ta' kmand għall-operazzjonijiet ta' al-Shabaab fis-Somalja kollha. Aw-Mohamed iddenunzja l-proċess tal-paċi ta' Djibouti bħala kospirazzjoni barranija, u f'reġistrazzjoni awdjo mogħtija f'Mejju 2009 lill-media Somala, huwa rrikonoxxa li l-forzi tiegħu kienu involuti fi ġlied reċenti f'Mogadishu.

6.   Bashir Mohamed Mahamoud (magħruf ukoll bħala a) Bashir Mohamed Mahmoud, b) Bashir Mahmud Mohammed, c) Bashir Mohamed Mohamud, d) Bashir Mohamed Mohamoud, e) Bashir Yare, f) Bashir Qorgab, g) Gure Gap, h) “Abu Muscab”, i) “Qorgab”)

Data tat-twelid: a) 1979 b) 1980 c) 1981 d) 1982 Nazzjonalità: Somalja. Post: Mogadishu, Somalja.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774965

Bashir Mohamed Mahamoud huwa kmandant militari ta' al-Shabaab. Mahamoud kienu ukoll wieħed minn xi għaxar membri fil-kunsill ta' tmexxija ta' al-Shabaab minn tard fl-2008. Mahamoud u assoċjat tiegħu kienu responsabbli mill-attakk bil-murtali kontra l-Gvern Federali Transitorju Somalu f'Mogadishu fl-10 ta' Ġunju 2009.

8.   Fares Mohammed Mana'a (magħruf ukoll bħala: a) Faris Mana'a, b) Fares Mohammed Manaa)

Data tat-twelid: 8 ta' Frar 1965. Post tat-twelid: Sadah, il-Jemen. Nru tal-Passaport: 00514146; Post tal-ħruġ: Sanaa, il-Jemen. Nru tal-Karta tal-Identità: 1417576; post tal-ħruġ: Al-Amana, il-Jemen; data tal-ħruġ: 7 ta' Jannar 1996.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774972

Fares Mohammed Mana'a forna, biegħ jew ittrasferixxa direttament u indirettament lejn is-Somalja armi jew materjal relatat bi ksur tal-embargo fuq l-armi. Mana'a huwa traffikant tal-armi magħruf. F'Ottubru 2009, il-gvern Jemenit ħareġ lista ta' nies suspettużi tat-traffikanti tal-armi li fiha Mana'a jinsab “fuq nett”, bħala parti minn sforz biex jitwaqqaf il-fluss ta' armi fil-pajjiż, fejn huwa rappurtat li hemm aktar armi minn persuni. “Faris Manaa huwa traffikant ewlieni tal-armi, u dan huwa magħruf sew”, skont rapport ta' Ġunju 2009 minn ġurnalist tal-Istati Uniti li huwa kummentatur dwar l-affarijiet Jemeniti, awtur ta' rapport ta' kull sitt xhur dwar il-pajjiż, u kkontribwixxa għall-Grupp tal-Intelligence ta' Jane. F'artiklu tal-Jemen Times ta' Diċembru 2007, issir referenza għalih bħala “Sheikh Fares Mohammed Mana'a, traffikant tal-armi”. F'artiklu tal-Jemen Times ta' Jannar 2008, issir referenza għalih bħala “Sheikh Faris Mana'a, negozjant tal-armi”.

Minn nofs l-2008, il-Jemen kompla jservi bħala ċentru għat-trasport ta' armi illegali lejn il-Qarn tal-Afrika, b'mod partikolari t-trasport ta' armi bid-dgħajjes lejn is-Somalja. Hemm rapporti mhux konfermati li Faris Mana'a pparteċipa f'konsenji lejn is-Somalja f'għadd ta' okkażjonijiet. Fl-2004, Mana kien involut f'kuntratti ta' armi mill-Ewropa tal-Lvant għal armi li allegatament inbiegħu lill-ġellieda Somali. Minkejja l-embargo fuq l-armi tas-Somalja tan-NU mill-1992, l-interess ta' Mana'a fit-traffikar ta' armi fis-Somalja jista' jiġi traċċat tal-inqas mill-2003. Mana'a offra li jixtri eluf ta' armi fl-2003 mill-Ewropa tal-Lvant, u indika li ppjana li jbiegħ xi wħud mill-armi fis-Somalja.

9.   Hassan Mahat Omar (magħruf ukoll bħala: a) Hassaan Hussein Adam, b) Hassane Mahad Omar, c) Xassaan Xuseen Adan, d) Asan Mahad Cumar, e) Abu Salman, f) Abu Salmaan, g) Sheikh Hassaan Hussein).

Data tat-twelid: 10 ta' April 1979. Post tat-twelid: Garissa, il-Kenja. Nazzjonalità: Possibbilment Etjopjana. Nru tal-Passaport: A 1180173 Kenja, skadenza fl-20 ta' Awwissu 2017. Nru tal-Karta tal-Identità: 23446085. Post: Nairobi, Kenja. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta' Lulju 2011.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774975

Hassan Mahat Omar huwa involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Huwa Imam u wieħed mill-mexxejja ta' Masjid-ul-Axmar, ċentru informali affiljat ma' Al-Shabaab f'Nairobi. Huwa involut ukoll fir-reklutaġġ ta' membri ġodda u fil-ġbir ta' fondi għal Al-Shabaab, inkluż online fis-sit web affiljat ma' Al-Shabaab alqimmah.net.

Barra minn hekk, huwa ħareġ fatwi għal attakki kontra t-TFG fuq chat room ta' sit web ta' Al-Shabaab.

10.   Omar Hammami (magħruf ukoll bħala: a) Abu Maansuur Al-Amriki, b) Abu Mansour Al-Amriki, c) Abu Mansuur Al-Amriki, d) Umar Hammami, e) Abu Mansur Al-Amriki)

Data tat-twelid: 6 ta' Mejju 1984. Post tat-twelid: Alabama, Stati Uniti. Nazzjonalità: Stati Uniti. Maħsub ukoll li għandu nazzjonalità Sirjana. Nru tal-Passaport: 403062567 (US). Nru tas-Sigurtà Soċjali: 423-31-3021 (US). Post: Somalja.

Informazzjoni oħra: Miżżewweġ mara Somala. Għex l-Eġittu fl-2005 u mar is-Somalja fl-2009. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774980

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta' Lulju 2011.

Omar Hammami huwa involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Huwa membru għoli ta' Al-Shabaab. Huwa involut fir-reklutaġġ, il-finanzjament u l-paga tal-ġellieda barranin fis-Somalja. Huwa deskritt bħala espert fl-isplussivi u l-gwerra inġenerali. Minn Ottubru 2007 huwa deher f'rapporti tat-televixin u f'filmati ta' propaganda ta' Al-Shabaab. Huwa deher f'filmat iħarreġ ġellieda ta' Al-Shabaab. Huwa deher ukoll f'filmati u fuq siti web li jappellaw biex aktar ġellieda jingħaqdu ma' Al-Shabaab.

12.   Aboud Rogo Mohammed (magħruf ukoll bħala a) Aboud Mohammad Rogo, b) Aboud Seif Rogo, c) Aboud Mohammed Rogo, d) Sheikh Aboud Rogo, e) Aboud Rogo Muhammad, f) Aboud Rogo Mohamed)

Data tat-twelid: 11 ta' Novembru 1960. Dati tat-twelid alternattivi: a) 11 ta' Novembru 1967, b) 11 ta' Novembru 1969, c) 1 ta' Jannar 1969. Post tat-twelid: il-gżira ta' Lamu, il-Kenja.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 25 ta' Lulju 2012.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5775562

L-estremist ibbażat fil-Kenja Aboud Rogo Mohammed hedded il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tas-Somalja, billi pprovda appoġġ finanzjarju, materjali, loġistiku, jew tekniku lil Al-Shabaab, entità elenkata mill-Kumitat KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja u r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) dwar l-Eritrea għall-parteċipazzjoni tagħha f'atti li jheddu b'mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja.

Aboud Rogo Mohammed huwa kleriku Iżlamiku estremist ibbażat fil-Kenja. Huwa għadu jeżerċita influwenza fuq gruppi estremisti fil-Lvant tal-Afrika bħala parti mill-kampanja għall-promozzjoni tal-vjolenza fil-Lvant tal-Afrika. L-attivitajiet ta' Aboud Rogo jinkludu ġbir ta' fondi għal Al-Shabaab.

Bħala l-mexxej ideoloġiku ewlieni ta' Al Hijra, li qabel kien magħruf bħala ċ-Ċentru Musulman taż-Żgħażagħ, Aboud Rogo Mohammed uża l-grupp estremist bħala passaġġ għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' Afrikani li prinċipalment jitkellmu bis-Swahili biex iwettqu attività militanti fis-Somalja. F'serje ta' lectures ta' ispirazzjoni bejn Frar 2009 u Frar 2012, Aboud appella ripetutament għaċ-ċaħda vjolenti tal-proċess ta' paċi Somalu. Matul dawn il-lectures, Rogo appella ripetutament għall-użu tal-vjolenza kemm kontra l-forzi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-forzi tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) fis-Somalja, u ħeġġeġ lill-udjenzi tiegħu biex jivvjaġġaw lejn is-Somalja biex jissieħbu ma' Al-Shabaab fil-ġlieda tiegħu kontra l-Gvern Kenjan.

Aboud Rogo Mohammed joffri wkoll gwida dwar kif ir-rekluti Kenjani li jissieħbu ma' Al-Shabaab jistgħu jevitaw li jiġu identifikati mill-awtoritajiet Kenjani, u liema rotot għandhom isegwu meta jivvjaġġaw minn Mombasa u/jew Lamu għal fortizzi ta' Al-Shabaab fis-Somalja, l-aktar Kismayo. Huwa ffaċilita l-ivvjaġġar lejn is-Somalja ta' għadd kbir ta' rekluti Kenjani għal Al-Shabaab.

F'Settembru 2011, Rogo kien qed jirrekluta individwi f'Mombasa fil-Kenja biex jivvjaġġaw lejn is-Somalja x'aktarx biex iwettqu operazzjonijiet terroristiċi. F'Settembru 2008, Rogo għamel laqgħa ta' ġbir ta' fondi f'Mombasa biex jgħin fil-finanzjament tal-attivitajiet ta' Al-Shabaab fis-Somalja.

13.   Abubaker Shariff Ahmed (magħruf ukoll bħala a) Makaburi, b) Sheikh Abubakar Ahmed, c) Abubaker Shariff Ahmed, d) Abu Makaburi Shariff, e) Abubaker Shariff, f) Abubakar Ahmed

Data tat-twelid: 1962. Data tat-twelid alternattiva: 1967. Post tat-twelid: Kenja. Post: iż-żona ta' Majengo, Mombasa, il-Kenja. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 23 ta' Awwissu 2012.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5775564

Abubaker Shariff Ahmed għandu rwol ewlieni bħala faċilitatur u persuna li tirrekluta Musulmani Kenjani żgħażagħ għal attività militanti vjolenti fis-Somalja, u soċju qrib ta' Aboud Rogo. Huwa jipprovdi appoġġ materjali lil gruppi estremisti fil-Kenja (u x'imkien ieħor fil-Lvant tal-Afrika). Permezz taż-żjarat frekwenti tiegħu lil fortizza ta' Al-Shabaab fis-Somalja, inkluża Kismayo, huwa seta' jżomm rabtiet b'saħħithom ma' membri għoljin ta' Al-Shabaab.

Abubaker Shariff Ahmed huwa wkoll involut fil-mobilizzazzjoni u l-ġestjoni tal-finanzjament għal Al-Shabaab, entità elenkata mill-Kumitat KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja u r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) dwar l-Eritrea tal-involviment tiegħu f'atti li jheddu b'mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tas-Somalja.

Abubaker Shariff Ahmed ippriedka fil-moskei f'Mombasa li l-ġuvintur għandhom jivvjaġġaw lejn is-Somalja, iwettqu atti estremisti, jiġġieldu għal Al-Qaida, u joqtlu liċ-ċittadini Amerikani.

Abubaker Shariff Ahmed kien arrestat fi tmiem Diċembru 2010 mill-awtoritajiet Kenjani fuq suspett ta' involviment fil-bumbardament ta' venda f'Nairobi. Abubaker Shariff Ahmed huwa wkoll mexxej ta' organizzazzjoni taż-żgħażagħ ibbażata fil-Kenja f'Mombasa li għandha rabtiet ma' Al-Shabaab.

Mill-2010, Abubaker Shariff Ahmed aġixxa ta' persuna li tirrekluta u faċilitatur għal Al-Shabaab fiż-żona Majengo ta' Mombasa, fil-Kenja.

14.   Maalim Salman (magħruf ukoll bħala (a) Mu'alim Salman, (b) Mualem Suleiman, (c) Ameer Salman, (d) Ma'alim Suleiman, (e) Maalim Salman Ali, (f) Maalim Selman Ali, (g) Ma'alim Selman, (h) Ma'alin Sulayman)

Data tat-twelid: circa 1979. Post tat-twelid: Nairobi, Kenja. Post: Somalja.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 23 ta' Settembru 2014.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5818613

Maalim Salman intgħażel mill-mexxej ta' al-Shabaab Ahmed Abdi aw-Mohamed magħruf ukoll bħala Godane sabiex ikun il-kap tal-ġellieda barranin Afrikani għal al-Shabaab. Hu ħarreġ ċittadini barranin li kienu qed jippruvaw jissieħbu ma' al-Shabaab bħala ġellieda barranin Afrikani, u kien involut f'operazzjonijiet immirati lejn turisti, stabbilimenti ta' divertiment, u knejjes fl-Afrika.

Minkejja li hu ffukat prinċipalment fuq operazzjonijiet barra s-Somalja, Salman hu magħruf li jirrisjedi fis-Somalja u jħarreġ ġellieda barranin fis-Somalja qabel jassenjahom f'post ieħor. Xi ġellieda barranin ta' al-Shabaab għandhom preżenza fis-Somalja wkoll. Pereżempju, Salman ta l-ordni sabiex ġellieda barranin ta' al-Shabaab imorru fin-nofsinhar tas-Somalja bħala rispons għal offensiva tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM).

Fost attakki terroristiċi oħra, al-Shabaab kienu responsabbli mill-attakk fiċ-ċentru kummerċjali ta' Westgate f'Nairobi, il-Kenja f'Settembru 2013, li wassal għall-mewt ta' mill-anqas 67 persuna. Aktar reċenti, al-Shabaab ħadu r-responsabbiltà tal-attakk tal-31 ta' Awwissu 2014 fuq il-ħabs tal-Aġenzija Nazzjonali ta' Intelligence u Sigurtà f'Mogadishu, bil-qtil ta' tliet gwardji tas-sigurtà u żewġ persuni ċivili, u l-feriment ta' 15 oħra.

15.   Ahmed Diriye (magħruf ukoll bħala (a) Sheikh Ahmed Umar Abu Ubaidah, (b) Sheikh Omar Abu Ubaidaha, (c) Sheikh Ahmed Umar, (d) Sheikh Mahad Omar Abdikarim, (e) Abu Ubaidah, (f) Abu Diriye)

Data tat twelid: circa 1972. Post tat-twelid: Somalja. Post: Somalja.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 24 ta' Settembru 2014.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5818614

Ahmed Diriye ġie maħtur bħala l-emir il-ġdid ta' Al-Shabaab wara l-mewt tal-mexxej preċedenti Ahmed Abdi aw-Mohamed, individwu elenkat mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà skont ir-Riżoluzzjonijiet 751 (1992) u 1907 (2009). Dan tħabbar pubblikament f'dikjarazzjoni mill-kelliem għal Al-Shabaab, Sheikh Ali Dheere, li ħarġet fis-6 ta' Settembru 2014. Diriye kien membru anzjan ta' Al-Shabaab u bħala l-emir għandu r-responsabbiltà ta' kmand għall-operazzjonijiet ta' Al-Shabaab. Hu ser ikun direttament responsabbli għall-attivitajiet ta' Al-Shabaab li jkomplu jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tas-Somalja. Minn dakinhar Diriye adotta l-isem Għarbi ta' Sheikh Ahmed Umar Abu Ubaidah.

II.   Entitajiet

AL-SHABAAB (magħrufa wkoll bħala a) Al-Shabab, b) Shabaab, c) The Youth, d) Mujahidin Al-Shabaab Movement, e) Mujahideen Youth Movement, f) Mujahidin Youth Movement, g) MYM, h) Harakat Shabab Al-Mujahidin, i) Hizbul Shabaab, j) Hisb'ul Shabaab, k) Al-Shabaab Al-Islamiya, l) Youth Wing, m) Al-Shabaab Al-Islaam, n) Al-Shabaab Al-Jihaad, o) The Unity Of Islamic Youth, p) Harakat Al-Shabaab Al-Mujaahidiin, q) Harakatul Shabaab Al Mujaahidiin, r) Mujaahidiin Youth Movement)

Post: Somalja. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.

Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/une/5775567

Al-Shabaab kienet involuta f'atti li jheddu direttament jew indirettament il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà fis-Somalja, inkluż iżda mhux limitat għal: atti li jheddu l-Ftehim ta' Djibouti tat-18 ta' Awwissu 2008, jew il-proċess politiku; u, atti li jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Transitorji (TFIs), il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), jew operazzjonijiet internazzjonali għaż-żamma ta' paċi relatati mas-Somalja.

Al-Shabaab ostakolat ukoll l-għoti ta' għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta', għajnuna umanitarja fis-Somalja.

Skont id-dikjarazzjoni mill-President tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja lill-Kumitat tas-Sigurtà mogħtija fid-29 ta' Lulju 2009, kemm Al-Shabaab u Hisb'ul Islam pubblikament u b'mod ripetittiv ħadu r-responsabbiltà għall-attakki permezz ta' forzi fuq il-Gvern Federali Transitorju (TFG) u l-AMISOM. Al-Shabaab ħadet ukoll ir-responsabbiltà għall-qtil ta' uffiċjali tat-TFG, u fid-19 ta' Lulju 2009 attakkat u għalqet l-uffiċċji fuq il-post tal-UNOPS, l-UNDSS u l-UNDP fir-reġjuni ta' Bay u Bakool, bi ksur tal-paragrafu (c) tar-Riżoluzzjoni 1844 (2008). Al-Shabaab ostakolat b'mod ripetittiv l-aċċess għall-għajnuna umanitarja, jew għad-distribuzzjoni tagħha, fis-Somalja.

Ir-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Lulju 2009 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, kien fih il-paragrafi li ġejjin li jinvolvu l-attivitajiet ta' al-Shabaab fis-Somalja:

Huwa allegat li gruppi ribelli, bħal al-Shabaab, qegħdin jiksbu flus b'theddid jew vjolenza minn kumpanniji privati u jirreklutaw żgħażagħ sabiex jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-Gvern f'Mogadishu, inklużi suldati tfal. Al-Shabaab ikkonfermat il-preżenza ta' ġellieda barranin fi ħdanha u ddikjarat bil-miftuħ li qiegħda taħdem ma' al-Qaida f'Mogadishu sabiex tneħħi l-Gvern tas-Somalja. Huwa rappurtat li ħafna mill-ġellieda barranin joriġinaw mill-Pakistan u l-Afganistan, u jidhru mħarrġa sew u lesti għall-battalja. Ġew osservati jilbsu l-barnużi u jmexxu operazzjonijiet offensivi kontra l-forzi tal-Gvern f'Mogadishu u r-reġjuni ġirien.

Al-Shabaab intensifikat l-istrateġija tagħha li tisforza u tintimida lill-popolazzjoni Somala, kif rifless fil-qtil u l-arresti, magħżulin bir-reqqa u ta' benefiċċju kbir, ta' anzjani tal-klan, li diversi minnhom inqatlu. Fid-19 ta' Ġunju 2009, Omar Hashi Aden, il-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali, inqatel permezz ta' bomba suwiċida fuq skala kbira f'karozza f'Beletwyne. Aktar minn 30 persuna oħra nqatlu fl-attakk, li ġie kkundannat bis-saħħa mill-komunità internazzjonali u minn parti kbira tas-soċjetà Somala.

Skont ir-rapport ta' Diċembru 2008 mill-Grupp ta' Monitoraġġ tas-Somalja tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2008/769), al-Shabaab hija responsabbli għal diversi attakki fis-Somalja matul dawn l-aħħar snin, inkluż:

Il-qtil u l-qtugħ ir-ras rappurtati ta' xufier Somalu li kien jaħdem għall-Programm Dinji tal-Ikel f'Settembru 2008,

L-ibbumbardjar ta' suq f'Puntland li qatel 20 persuna u darab aktar minn 100 fis-6 ta' Frar 2008,

Kampanja ta' bombi u qtil immirat f'Somaliland bil-ħsieb li jiġu ostakolati l-elezzjonijiet parlamentari tal-2006,

Il-qtil ta' diversi ħaddiema li jipprovdu l-għajnuna barranija fl-2003 u l-2004.

Skont rapport, al-Shabaab attakkat komposti tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja fl-20 ta' Lulju 2009, u ħarġet digriet li jipprojbixxi tliet aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti miż-żoni kkontrollati minn al-Shabaab fis-Somalja. Barra minn hekk, il-forzi tal-Gvern Federali Transitorju Somalu ġġieldu kontra ribelli ta' al-Shabaab u Hizbul Islam mill-11 sat-12 ta' Lulju 2009 li rriżulta fil-mewt ta' aktar minn 60 persuna. Fil-ġlieda tal-11 ta' Lulju 2009, al-Shabaab tefgħet erba' murtali ġewwa Villa Somalia li rriżultat fil-mewt ta' tliet suldati tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) u t-tidrib ta' tmienja oħrajn.

Skont artiklu ppubblikat mill-British Broadcasting Corporation fit-22 ta' Frar 2009, al-Shabaab ħadet ir-responsabbiltà għal attakk suwiċida permezz ta' bomba f'karozza fuq bażi militari tal-Unjoni Afrikana f'Mogadishu. Skont l-artiklu, l-Unjoni Afrikana kkonfermat li nqatlu 11-il gwardjan tal-paċi tal-Unjoni Afrikana u li weġġgħu 15 oħra.

Skont artiklu ppubblikat minn Reuters fl-14 ta' Lulju 2009, militanti ta' al-Shabaab għamlu qligħ fl-2009 minn attakki fuq stil guerilla fuq forzi Somali u tal-Unjoni Afrikana.

Skont artiklu ppubblikat minn Voice of America fl-10 ta' Lulju 2009, al-Shabaab kienet involuta f'attakk fuq forzi tal-gvern Somalu f'Mejju 2009.

Skont artiklu li ttella' fuq sit web tal-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Barranin li nkiteb fis-27 ta' Frar 2009, al-Shabaab ħallset għal ribelljoni kontra l-gvern transitorju tas-Somalja u s-sostenituri Etjopjani tiegħu mill-2006. Al-Shabaab qatlet ħdax-il suldat Burundjan fl-aktar attakk qattiel fuq gwardjani tal-paċi tal-UA mindu ġew stazzjonati u jiddikjara li al-Shabaab kienet involuta fi ġlied serju li qatel mill-inqas ħmistax-il persuna f'Mogadishu.


Top