This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0371
Regulation (EU) 2017/371 of the European Parliament and of the Council of 1 March 2017 amending Council Regulation (EC) No 539/2001 listing the third countries whose nationals must be in possession of visas when crossing the external borders and those whose nationals are exempt from that requirement (revision of the suspension mechanism)
Regolament (UE) 2017/371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni)
Regolament (UE) 2017/371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni)
ĠU L 61, 8.3.2017, p. 1–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 17/12/2018; Imħassar b' 32018R1806
8.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 61/1 |
REGOLAMENT (UE) 2017/371 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-1 ta’ Marzu 2017
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2) jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa. |
(2) |
Jenħtieġ li l-mekkaniżmu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, kif stabbilit fl-Artikolu 1a ta’ dak ir-Regolament (“il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni”), jissaħħaħ billi jsir aktar faċli għall-Istati Membri li jinnotifikaw iċ-ċirkostanzi li jwasslu għal sospensjoni possibbli u billi l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà li tattiva l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess. |
(3) |
B’mod partikolari, jenħtieġ lil-użu tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jkun iffaċilitat billi jitqassru l-perijodi ta’ referenza u d-dati ta’ skadenza, billi tkun permessa proċedura aktar rapida u billi jiġu estiżi r-raġunijiet possibbli ta’ sospensjoni, biex jinkludu tnaqqis fil-kooperazzjoni fir-riammissjoni kif ukoll żieda sostanzjali fir-riskji għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri fost dawk ir-raġunijiet. Jenħtieġ li dak it-tnaqqis fil-kooperazzjoni jkopri żieda sostanzjali fir-rata ta’ rifjut ta’ applikazzjonijiet għar-riammissjoni, inkluż għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għaddew fi transitu mill-pajjiż terz ikkonċernat, fejn ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni jew Stat Membru u dak il-pajjiż terz jipprovdi għal tali obbligu ta’ riammissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha wkoll il-possibbiltà li tattiva l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni f’każ li l-pajjiż terz jonqos milli jikkoopera fir-riammissjoni, b’mod partikolari fejn ftehim ta’ riammissjoni jkun ġie konkluż bejn il-pajjiż terz ikkonċernat u l-Unjoni. |
(4) |
Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, żieda sostanzjali tindika żieda li taqbeż il-limitu ta’ 50 %. Tista’ tindika wkoll żieda iktar baxxa jekk il-Kummissjoni tqis dan applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru kkonċernat. |
(5) |
Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, rata baxxa ta’ rikonoxximent tindika rata ta’ rikonoxximent ta’ applikazzjonijiet għal asil ta’ madwar 3 jew 4 %. Tista’ tindika wkoll rata ogħla ta’ rikonoxximent jekk il-Kummissjoni jidrillha li dan huwa applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru kkonċernat. |
(6) |
Jeħtieġ li jiġi evitat u megħlub kwalunkwe abbuż tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fejn dan iwassal għal żieda fil-pressjoni migratorja, li tirriżulta minn, pereżempju, żieda f’applikazzjonijiet għal asil bla bażi, kif ukoll meta dan iwassal għal applikazzjonijiet bla bażi għal permessi ta’ residenza. |
(7) |
Bl-għan li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu - 1 u li ntużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza ta’ eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża, mogħtija b’riżultat tal-konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, jibqgħu jiġu sodisfatti matul iż-żmien, jenħtieġ lil-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi kkonċernati. Jenħtieġ lil-Kummissjoni tiddedika aktar attenzjoni lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi kkonċernati. |
(8) |
Jenħtieġ lil-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-inqas darba fis-sena, għal perijodu ta’ seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dak il-pajjiż terz, kif ukoll wara dan il-perijodu meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. |
(9) |
Jenħtieġ lil-Kummissjoni, qabel ma tieħu xi deċiżjoni biex tissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz, tieħu in konsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dak il-pajjiż terz u l-konsegwenzi possibbli ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal dik is-sitwazzjoni. |
(10) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni u b’mod partikolari f’każ fejn ikun hemm bżonn reazzjoni urġenti sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet iffaċċati minn tal-inqas Stat Membru wieħed, u b’kunsiderazzjoni tal-impatt ġenerali tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fuq l-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ lil-proċedura ta’ eżami tintuża għall-adozzjoni ta’ tali atti ta’ implimentazzjoni. |
(11) |
Jenħtieġ li s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tkopri ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, b’referenza mat-tipi rilevanti ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u, fejn ikun adatt, skont kriterji addizzjonali, bħalma huma persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għall-ewwel darba lejn it-territorju tal-Istati Membri. Jenħtieġ lil--att ta’ implimentazzjoni jistabbilixxi l-kategoriji ta’ ċittadini li għalihom jenħtieġ li tapplika s-sospensjoni, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi nnotifikati minn Stat Membru wieħed jew minn diversi Stati Membri jew irrappurtati mill-Kummissjoni, u tal-prinċipju tal-proporzjonalità. |
(12) |
Sabiex jiġi żgurat l-involviment adegwat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, minħabba n-natura politika sensittiva ta’ sospensjoni ta’ eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħha għall-Istati Membri u l-Unjoni nnifisha, b’mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, jeħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
(13) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (5); għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu. |
(14) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (6); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
(15) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (8). |
(16) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (10). |
(17) |
Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (11) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (12), |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:
(1) |
l-Artikolu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 1a 1. B’deroga mill-Artikolu 1(2), l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II għandha tiġi sospiża temporanjament, abbażi ta’ data rilevanti u oġġettiva, f’konformità ma’ dan l-Artikolu. 2. Stat Membru jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni jekk jiġi kkonfrontat, fuq perijodu ta’ xahrejn, meta mqabbel mal-istess perijodu fis-sena preċedenti jew mal-aħħar xahrejn qabel l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II, b’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssemmi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tinkludi data u statistika rilevanti kif ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li jkun ħa l-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jirrimedja s-sitwazzjoni. Fin-notifika tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jispeċifika liema kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għandhom ikunu koperti b’att ta’ implimentazzjoni taħt il-punt (a) tal-paragrafu 4, filwaqt li jindika r-raġunijiet dettaljati għal dan. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih dwar tali notifika. 2a. Fejn il-Kummissjoni, b’kont meħud tad-data, ir-rapporti u l-istatistika rilevanti, ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli dwar ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2, li jokkorru fi Stat Membru jew aktar, jew li l-pajjiż terz ma jkunx qed jikkoopera fir-riammissjoni, b’mod partikolari fejn ftehim ta’ riammissjoni jkun ġie konkluż bejn dak il-pajjiż terz u l-Unjoni, pereżempju:
il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih bl-analiżi tagħha, u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4. 2b. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja t-twettiq kontinwu tal-ħtiġijiet speċifiċi, li huma bbażati fuq l-Artikolu - 1 u li ntużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża, mill-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom saru eżenti mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri bħala riżultat ta’ konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mill-inqas darba kull sena, għal perijodu ta’ seba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dak il-pajjiż terz, kif ukoll wara dan il-perijodu meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiffoka fuq pajjiżi terzi li għalihom il-Kummissjoni tqis li, abbażi ta’ informazzjoni konkreta u affidabbli, ċerti ħtiġijiet ma għadhomx jiġu sodisfatti. Fejn rapport tal-Kummissjoni juri li wieħed jew aktar mill-ħtiġijiet speċifiċi ma ma għadhomx jiġu sodisfatti fir-rigward ta’ pajjiż terz partikolari, għandu japplika l-paragrafu 4. 3. Il-Kummissjoni għandha teżamina kull notifika magħmula skont il-paragrafu 2, filwaqt li tikkunsidra:
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha. 4. Fejn, abbażi tal-analiżi msemmija fil-paragrafu 2a, tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2b, jew tal-eżami msemmi fil-paragrafu 3, u b’kont meħud tal-konsegwenzi ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, filwaqt li taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dak il-pajjiż terz biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi fit-tul, il-Kummissjoni tiddeċiedi li hija meħtieġa azzjoni, jew fejn maġġoranza sempliċi ta’ Stati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 2, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġiżlattiva skont il-paragrafu 5, il-perijodu ta’ sospensjoni previst fl-att delegat għandu jiġi estiż b’sitt xhur. In-nota ta’ qiegħ il-paġna għandha tiġi emendata kif meħtieġ. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati għandhom ikunu obbligati li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Stat Membru li, skont l-Artikolu 4, jipprovdi għal eżenzjonijiet ġodda mill-ħtieġa tal-viża għal kategorija ta’ ċittadini tal-pajjiż terz kopert mill-att li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandu jikkomunika dawk il-miżuri skont l-Artikolu 5. 5. Qabel tmiem il-perijodu ta’ validità tal-att delegat adottat skont il-punt (b) tal-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I. 6. Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġiżlattiva skont il-paragrafu 5, hija tista’ testendi l-validità tal-att ta’ implimetazzjoni adottat skont il-paragrafu 4 b’perijodu li ma jaqbiżx 12-il xahar. Id-deċiżjoni biex tiġi estiża l-validità tal-att ta’ implimetazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2).”; |
(2) |
l-Artikolu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 1b Sal-10 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità previst fl-Artikolu 1(4) u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja”; |
(3) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 1c Sad-29 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 1a u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.”; |
(4) |
l-Artikolu 4b huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 4b 1. Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 1(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ Jannar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu. 2a. Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) hija konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-28 ta' Marzu 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 1(4) u fil-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din m’għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ. 3a. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*1). 4. Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru. 5. Att delegat adottat skont il-punt (f) tal-Artikolu 1(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. 6. Att delegat adottat skont il-punt (b) tal-Artikolu 1a(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2017.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
C. AGIUS
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2017.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(4) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(7) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(9) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(11) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).