Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0352

    Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/05/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/352/oj

    3.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 57/1


    REGOLAMENT (UE) 2017/352 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Frar 2017

    li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (3),

    Billi:

    (1)

    L-integrazzjoni sħiħa tal-portijiet b’sensiela ta’ konnessjonijiet mingħajr interruzzjonijiet tat-trasport u tal-loġistika hija meħtieġa biex tikkontribwixxi għat-tkabbir kif ukoll użu u funzjonament aktar effiċjenti tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u s-suq intern. Dan jeħtieġ servizzi portwarji moderni li jikkontribwixxu għall-użu effiċjenti tal-portijiet u klima favorevoli għall-investimenti biex il-portijiet jiġu żviluppati f’konformità mar-rekwiżiti attwali u tal-ġejjieni tat-trasport u tal-loġistika.

    (2)

    Il-portijiet jikkontribwixxu għall-kompetittività fit-tul tal-industriji Ewropej fis-swieq dinjija filwaqt li jżidu l-valur u l-impjiegi fir-reġjuni kostali kollha tal-Unjoni. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċa s-settur tat-trasport marittimu u biex jittejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-sensiela ta’ konnessjonijiet tat-trasport u tal-loġistika, huwa essenzjali li l-azzjonijiet dwar is-simplifikazzjoni amministrattiva stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2013 bit-titlu “Portijiet: magna għat-tkabbir”, jiġu implementati flimkien ma’ dan ir-Regolament.

    (3)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2012 bit-titlu “l-Att dwar is-Suq Uniku II —Flimkien għal tkabbir ġdid”, il-Kummissjoni fakkret li l-attraenza tat-trasport marittimu tiddependi fuq id-disponibbiltà, l-effiċjenza u l-affidabbiltà tas-servizzi portwarji u l-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar it-trasparenza tal-finanzjament pubbliku u t-tariffi portwarji, kif ukoll sforzi għas-simplifikazzjoni amministrattiva fil-portijiet, u li jiġu eżaminati mill-ġdid ir-restrizzjonijiet fuq il-forniment tas-servizzi fil-portijiet.

    (4)

    Il-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-suq tas-servizzi portwarji u l-introduzzjoni tat-trasparenza finanzjarja u l-awtonomija tal-portijiet marittimi ser itejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizz provdut lill-utenti tal-port u jikkontribwixxu għal klima li hija aktar favorevoli għall-investiment fil-portijiet, b’hekk jgħinu sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-utenti tat-trasport u jikkontribwixxu għall-promozzjoni tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra u integrazzjoni aħjar tat-trasport marittimu mat-trasport bil-ferrovija, fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni u bit-triq.

    (5)

    F’termini ta’ kompetittività, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri doganali tista’ toħloq vantaġġi ekonomiċi sinifikanti għall-portijiet marittimi. Sabiex titħeġġeġ il-kompetizzjoni ġusta u biex jitnaqqsu l-formalitajiet doganali, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jadottaw approċċ xieraq u effettiv ibbażat fuq ir-riskju. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtieġa ta’ miżuri xierqa biex jitnaqqsu l-formalitajiet ta’ rappurtar fil-portijiet marittimi u biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta.

    (6)

    L-istabbiliment ta’ qafas ċar ta’ dispożizzjonijiet trasparenti, ġusti u nondiskriminatorji marbutin mal-finanzjament tal-infrastruttura portwarja u servizzi portwarji u t-tariffi fuqhom għandu rwol fundamentali biex jiġi żgurat li l-istrateġija kummerċjali u l-pjanijiet ta’ investimenti tal-port stess u, fejn rilevanti, il-qafas tal-politika nazzjonali ġenerali għall-portijiet jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli dwar il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji tippermetti kontroll ġust u effettiv tal-għajnuna mill-Istat, biex b’hekk tiġi pprevenuta d-distorsjoni tas-suq. Għal dak il-fini, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2014 talbu lill-Kummissjoni biex tesplora linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-portijiet marittimi, bil-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u qafas legali stabbli għall-investiment portwarju.

    (7)

    Il-maġġoranza ferm kbira tat-traffiku marittimu tal-Unjoni tgħaddi mill-portijiet marittimi tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Biex jinkiseb l-għan ta’ dan ir-Regolament b’mod proporzjonat mingħajr ma jiġi impost xi piż mhux meħtieġ fuq portijiet oħrajn, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għall-portijiet marittimi tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, li kull wieħed minnhom għandu rwol sinifikanti għas-sistema Ewropea tat-trasport jew għaliex jittratta aktar minn 0,1% tal-merkanzija totali tal-UE jew tal-għadd totali ta’ passiġġieri jew għaliex itejjeb l-aċċessibbiltà reġjonali ta’ żoni ta’ gżejjer jew żoni periferiċi. Madankollu, dan ir-Regolament jenħtieġ li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeċiedu jekk għandhomx japplikaw jew le dan ir-Regolament għal portijiet marittimi tan-netwerk komprensiv li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jintroduċu derogi sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati għal dawk il-portijiet marittimi tan-netwerk komprensiv li t-traffiku merkantili annwali tagħhom ma jiġġustifikax l-applikazzjoni sħiħa ta’ dan ir-Regolament.

    (8)

    Servizzi ta’ pilotaġġ imwettqa fil-baħar fond ma għandhomx impatt dirett fuq l-effiċjenza tal-portijiet peress li dawn ma jintużawx għad-dħul u l-ħruġ dirett mill-portijiet u għalhekk ma jeħtiġux li jiġu inklużi f’dan ir-Regolament.

    (9)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament bl-ebda mod ma jippreġudika r-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sjieda ta’ proprjetà applikabbli għall-portijiet marittimi, u għandhom jippermettu strutturi portwarji differenti fl-Istati Membri.

    (10)

    Dan ir-Regolament ma jimponix mudell speċifiku għall-ġestjoni ta’ portijiet marittimi u ma jaffettwa bl-ebda mod il-kompetenza tal-Istati Membri biex jipprovdu, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. Jista’ jkun hemm mudelli differenti għall-ġestjoni tal-portijiet, dment li jiġu rispettati l-qafas għall-forniment ta’ servizzi portwarji u r-regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (11)

    F’konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fit-Trattati, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi portwarji jkunu ħielsa li jipprovdu s-servizzi tagħhom f’portijiet marittimi koperti minn dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu imposti ċerti kondizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dik il-libertà.

    (12)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jillimitax lill-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew lill-awtorità kompetenti, meta jistabbilixxu s-sistema ta’ tariffi tagħhom, sakemm it-tariffi tal-infrastruttura portwarja mħallsa mill-operaturi ta’ bastimenti tat-trasport fuq l-ilma jew mis-sidien tal-merkanzija jkunu trasparenti, b’mod partikolari identifikabbli faċilment u nondiskriminatorji, u jikkontribwixxu għall-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-faċilitajiet tas-servizz u għall-għoti ta’ servizzi meħtieġa għat-twettiq jew għall-faċilitazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ trasport fiż-żona portwarja u fuq il-passaġġi fuq l-ilma li jagħtu aċċess għal dawk il-portijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-korp ta’ ġestjoni tal-port.

    (13)

    Fl-interess tal-ġestjoni tal-port effiċjenti, sikura u favur l-ambjent, jenħtieġ li l-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, ikunu jistgħu jirrikjedu li l-fornituri tas-servizzi portwarji jkunu jistgħu juru li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi biex iwettqu s-servizz b’mod xieraq. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti minimi jkunu limitati għal sett definit b’mod ċar ta’ kondizzjonijiet sa fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji, proporzjonati u rilevanti għall-forniment tas-servizz portwarju. F’konformità mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament,jenħtieġ li r-rekwiżiti minimi jikkontribwixxu għal kwalità għolja tas-servizzi portwarji u ma għandhomx jintroduċu ostakli għas-suq.

    (14)

    Huwa importanti li l-fornituri kollha tas-servizzi portwarji, fuq it-talba tal-korp ta’ ġestjoni tal-port, jkunu jistgħu juru l-kapaċità tagħhom li jservu għadd minimu ta’ bastimenti, u jagħmlu disponibbli l-persunal u t-tagħmir meħtieġ. Jenħtieġ li huma japplikaw id-dispożizzjonijiet u r-regoli rilevanti, inkluż il-liġi tax-xogħol applikabbli u ftehimiet kollettivi rilevanti u rekwiżiti tal-kwalità tal-port ikkonċernat.

    (15)

    Fid-deċiżjoni jekk fornitur ta’ servizzi portwarji jissodisfax ir-rekwiżiti kollha ta’ reputazzjoni tajba, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti, jew il-korp ta’ ġestjoni tal-port, iqisu jekk hemmx xi raġuni serja li tqanqal dubju dwar l-affidabbiltà tal-fornitur tas-servizzi portwarji, bħal kundanni jew penali għal offiżi kriminali serji, jew ksur serju tal-liġijiet tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli.

    (16)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu l-konformità mal-obbligi fil-qasam tal-liġijiet soċjali u tax-xogħol għall-operazzjoni ta’ servizzi portwarji fil-port ikkonċernat.

    (17)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni qabel kwalunkwe deċiżjoni li jimponu rekwiżit fir-rigward tal-bandiera għal bastimenti li fil-parti l-kbira jintużaw għal operazzjonijiet ta’ rmonk u ta’ rmiġġ. Jenħtieġ li tali deċiżjoni tkun nondiskriminatorja, tkun ibbażata fuq raġunijiet trasparenti u oġġettivi u ma tintroduċix ostakli sproporzjonati għas-suq.

    (18)

    Fejn tkun meħtieġa l-konformità mar-rekwiżiti minimi, jenħtieġ li l-proċedura għall-għoti tad-dritt ta’ forniment ta’ servizzi portwarji tkun trasparenti, oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata, u jenħtieġ li tippermetti li l-fornituri tas-servizzi portwarji jibdew jipprovdu s-servizzi portwarji tagħhom fil-ħin.

    (19)

    Billi l-portijiet huma magħmula minn żoni ġeografiċi limitati, l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji jista’, f’ċerti każijiet, ikun soġġett għal limitazzjonijiet relatati mal-iskarsezza tal-art jew tal-ispazju maġenb l-ilma, il-karatteristiċi tal-infrastruttura tal-port jew in-natura tat-traffiku portwarju, jew il-ħtieġa li jiġu żgurati operazzjonijiet portwarji mingħajr periklu, siguri jew ambjentalment sostenibbli.

    (20)

    Jenħtieġ li kwalunkwe limitazzjoni fuq l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi portwarji tiġi ġġustifikata b’raġunijiet ċari u oġġettivi u ma għandhiex tintroduċi ostakli sproporzjonati għas-suq.

    (21)

    Jenħtieġ li l-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jippubblikaw l-intenzjoni tagħhom li jwettqu proċedura tal-għażla għall-forniment ta’ servizz portwarju, inkluż fuq l-internet u, meta xieraq, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali pubblikazzjoni jenħtieġ li tkun fiha informazzjoni dwar il-proċedura tal-għażla, l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti, il-kriterji tal-għoti u informazzjoni rilevanti dwar kif wieħed jista’ jaċċedi għad-dokumenti rilevanti neċessarji għat-tħejjija tal-applikazzjoni.

    (22)

    Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u t-trattament ugwali, jenħtieġ li emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt waqt li dan ikun fis-seħħ jitqiesu bħala li jikkostitwixxu għoti ġdid ta’ kuntratt meta dawn jagħmlu l-kuntratt materjalment differenti fin-natura tiegħu mill-kuntratt oriġinali u, għalhekk, b’mod li juri l-intenzjoni tal-partijiet li jinnegozjaw mill-ġdid il-kondizzjonijiet essenzjali ta’ dak il-kuntratt.

    (23)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku relatati ma’ servizzi portwarji.

    (24)

    L-Unjoni għandha firxa wiesgħa ta’ portijiet marittimi b’mudelli differenti għall-organizzazzjoni tas-servizzi portwarji. Għaldaqstant, mhux xieraq li jiġi impost mudell wieħed. Jenħtieġ li l-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, ikunu jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ fornituri ta’ servizz portwarju partikolari, fejn dan ikun ġustifikat għal xi raġuni jew raġunijiet.

    (25)

    L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jipprevedi li kuntratti maħsuba sabiex jippermettu ċerti tipi ta’ attività ma għandhomx ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk l-Istat Membru jew l-entitajiet kontraenti jistgħu juru li, fl-Istat Membru li fih l-attività titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fi swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett. Jenħtieġ li l-proċedura biex jiġi stabbilit jekk dan ikunx il-każ għandha tkun dik stipulata fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE. Konsegwentement, jekk jiġi stabbilit permezz ta’ dik il-proċedura li settur jew sottosettur portwarju, flimkien mas-servizzi portwarji tiegħu, huwa espost direttament għal din il-kompetizzjoni, ikun xieraq li dan ma għandux ikun soġġett għar-regoli li jirregolaw il-limitazzjonijiet tal-aċċess għas-suq skont dan ir-Regolament.

    (26)

    Għajr meta tapplika deroga relatata mas-suq kompetittiv, jenħtieġ li kwalunkwe intenzjoni li jiġi limitat l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji tiġi ppubblikata minn qabel mill-entità ta’ ġestjoni tal-port jew l-awtorità kompetenti u jenħtieġ li tkun ġustifikata b’mod sħiħ, sabiex il-partijiet interessati jingħataw l-opportunità li jikkummentaw.

    (27)

    Jekk il-korp tal-ġestjoni ta’ port, jew l-awtorità kompetenti, tipprovdi servizzi portwarji hija stess jew permezz ta’ entità legalment distinta li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġu evitati konflitti ta’ interessi u biex jiġi żgurat aċċess għas-suq trasparenti u ġust għas-servizzi portwarji meta l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji jiġi limitat. Dawn il-miżuri jistgħu, fost l-oħrajn, jieħdu l-forma, li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tillimita l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji tiġi fdata lil awtorità nazzjonali rilevanti li tkun indipendenti mill-entità ta’ ġestjoni tal-port jew mill-awtorità kompetenti.

    (28)

    Jenħtieġ li l-possibilità li jiġu imposti rekwiżiti minimi u li jiġi limitat l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji li l-Istat Membri jibqgħu jużaw ma timpedixxihomx milli jiżguraw libertà mingħajr restrizzjonijiet li jiġu pprovduti servizzi fil-portijiet tagħhom.

    (29)

    Jenħtieġ li l-proċedura biex jintgħażlu l-fornituri ta’ servizzi portwarji u r-riżultat tagħha jiġu ppubblikati u jenħtieġ li jkunu nondiskriminatorji, trasparenti u miftuħa għall-partijiet interessati kollha.

    (30)

    L-unika ġustifikazzjoni għar-rikors għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li jwasslu għal limitazzjoni fl-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji għandha tkun raġunijiet ta’ interess pubbliku sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tas-servizz portwarju għall-utenti kollha, id-disponibbiltà tas-servizz portwarju matul is-sena kollha, l-affordabbiltà tas-servizz portwarju għal ċertu kategorija ta’ utenti, is-sikurezza, is-sigurtà jew is-sostenibbiltà ambjentali ta’ operazzjonijiet portwarji u koeżjoni territorjali.

    (31)

    Filwaqt li l-obbligi ta’ servizz pubbliku huma determinati u imposti mill-awtoritajiet nazzjonali, jenħtieġ li obbligu ġenerali stabbilit b’liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali biex port jaċċetta kwalunkwe bastiment li jkun fiżikament kapaċi jidħol u jirmiġġa mingħajr diskriminazzjoni jew xkiel ma jinftiehemx bħala obbligu ta’ servizz pubbliku għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (32)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħtu kumpens għal azzjonijiet meħuda għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku dment li dan il-kumpens jikkonforma mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. Meta l-obbligi ta’ servizz pubbliku jikkwalifikaw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huwa neċessarju li tiġi żgurata l-konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE (6) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 (7), kif ukoll l-osservanza tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bit-titlu “Qafas tal-Unjoni Ewropea għal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku”.

    (33)

    Fejn ikun hemm diversi fornituri ta’ servizzi portwarji, jenħtieġ li l-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, ma jiddiskriminawx bejn il-fornituri ta’ servizzi portwarji, u b’mod partikolari mhux favur xi impriża jew entità li hija jkollha interess fiha.

    (34)

    Jenħtieġ li l-entità ta’ ġestjoni ta’ port, jew l-awtorità kompetenti jkollha l-għażla li tiddeċiedi jekk tipprovdix servizzi portwarji hija stess jew tafdax il-forniment ta’ dawk is-servizzi direttament lil operatur intern. Meta jkun hemm limitazzjoni tal-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji, jenħtieġ li l-forniment ta’ servizzi portwarji mill-operaturi interni jkun limitat biss għall-port jew il-portijiet li għalihom ikunu ġew maħtura dawk l-operaturi interni, ħlief fejn tkun tapplika deroga relatata mas-suq kompetittiv.

    (35)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali għall-persunal tal-impriżi li jagħtu servizzi portwarji. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli soċjali u tax-xogħol tal-Istati Membri. Huwa adatt li jiġi ċċarat li f’każijiet fejn ma tapplikax id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE (8), meta l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizzi portwarji tkun tirrikjedi bidla tal-fornitur ta’ servizz portwarju, jenħtieġ li l-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, madankollu jkunu jistgħu jitolbu li d-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur ta’ servizzi portwarji li jkun ser jispiċċa u li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg, jew minn relazzjoni industrijali, li tkun teżisti fid-data ta’ dik il-bidla, jiġu ttrasferiti lill-fornitur ta’ servizzi portwarji l-ġdid li jiġi magħżul.

    (36)

    Jenħtieġ li kull meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, dan l-ipproċessar isir f’konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (37)

    F’settur kumpless u kompetittiv bħalma huma s-servizzi portwarji, it-taħriġ inizjali u perjodiku tal-persunal huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi u biex jiġu protetti s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tal-portijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri għaldaqstant jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi portwarji jipprovdu taħriġ adegwat lill-impjegati tagħhom.

    (38)

    F’ħafna portijiet, l-aċċess għas-suq għall-fornituri ta’ servizzi ta’ mmaniġġar tal-merkanzija u tal-passiġġieri jingħata permezz ta’ kuntratti pubbliċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li l-awtoritajiet kompetenti huma soġġetti għall-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni meta jiġu konklużi tali kuntratti. Għalhekk, filwaqt li l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikax għall-għoti ta’ servizzi ta’ mmaniġġar tal-merkanzija u servizzi tal-passiġġieri, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu li japplikaw ir-regoli tal-Kapitolu II għal dawk iż-żewġ servizzi jew li jżommu l-liġijiet nazzjonali eżistenti tagħhom dwar l-aċċess għas-suq fir-rigward tas-servizzi tal-immaniġġar tal-merkanzija u tal-passiġġieri filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ewlenin stabbiliti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    (39)

    Skont ir-Riżoluzzjoni A.960 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, kull żona ta’ pilotaġġ teħtieġ esperjenza speċjalizzata ħafna u għarfien lokali min-naħa tal-bdot. Barra minn hekk, ġeneralment il-pilotaġġ huwa obbligatorju u spiss ikun organizzat jew ipprovdut mill-Istati Membri stess. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) tinkariga lill-bdoti biex jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti l-anomaliji apparenti li jistgħu jippreġudikaw in-navigazzjoni sikura tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma, jew li jistgħu jheddu jew jagħmlu ħsara lill-ambjent tal-baħar. Barra minn hekk huwa importanti li, meta l-kondizzjonijiet ta’ sikurezza jippermettu, l-Istati Membri kollha jħeġġu l-użu ta’ Ċertifikati għall-Eżenzjoni tal-Pilotaġġ, jew mekkaniżmi ekwivalenti, sabiex itejbu l-effiċjenza fil-portijiet, b’mod partikolari biex jagħtu spinta lit-trasport marittimu fuq distanzi qosra. Sabiex jevitaw konflitti potenzjali ta’ interess bejn tali funzjonijiet ta’ interess pubbliku u konsiderazzjonijiet kummerċjali, jenħtieġ li l-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament ma japplikax għall-pilotaġġ. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu jekk għandhomx japplikaw il-Kapitolu II għall-pilotaġġ. Jekk jiddeċiedu favur din l-applikazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi informata sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni rilevanti.

    (40)

    Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinterferixxix mad-dritt tal-Istati Membri, fejn applikabbli, li jirregolaw it-tariffi sabiex jiġu evitati tariffi eċċessivi għal servizzi portwarji f’każijiet fejn is-sitwazzjoni tas-suq fis-servizzi portwarji tkun tali li ma tippermettix kompetizzjoni effettiva.

    (41)

    Jenħtieġ li r-relazzjonijiet finanzjarji bejn il-portijiet marittimi li jirċievu fondi pubbliċi u l-fornituri ta’ servizzi portwarji, minn naħa, u l-awtoritajiet pubbliċi, min-naħa l-oħra, ikunu trasparenti sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi u sabiex tiġi evitata distorsjoni tas-suq. F’dan ir-rigward, dan ir-Regolament jenħtieg li jestendi, għal kategoriji oħra ta’ destinatarji, il-prinċipji ta’ trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji stipulati fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE (11) mingħajr preġudizzju għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

    (42)

    F’dan ir-Regolament għandhom jiġu introdotti regoli dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta bejn portijiet fl-Unjoni, b’mod partikolari peress li l-portijiet tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport huma eliġibbli biex japplikaw għal finanzjament tal-Unjoni permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

    (43)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi u trasparenza fl-allokazzjoni u l-użu ta’ fondi pubbliċi u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq, huwa neċessarju li fuq il-korp ta’ ġestjoni tal-port li jirċievi fondi pubbliċi, meta jkun qiegħed jaġixxi wkoll bħala fornitur ta’ servizz, jiġi impost obbligu li jżomm kontijiet għall-attivitajiet imwettqa fil-kapaċità tiegħu bħala korp ta’ ġestjoni tal-port separati minn kontijiet għall-attivitajiet imwettqa fuq bażi kompetittiva. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (44)

    Sabiex tkun żgurata t-trasparenza, meta port jew entità oħra tipprovdi tħammil f’żona ta’ port, il-kontijiet għat-tħammil għandhom jinżammu separati minn dawk għal attivitajiet oħra.

    (45)

    Mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u għall-prerogattivi tal-Kummissjoni, huwa importanti li l-Kummissjoni tidentifika, f’waqtu u f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, liema investimenti pubbliċi fl-infrastruttura tal-portijiet jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (13) (Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali għal kull Kategorija), u liema infrastruttura ma taqax fl-ambitu tal-għajnuna mill-Istat, b’kont meħud tan-natura mhux ekonomika ta’ ċerta infrastruttura, inkluż l-infrastruttura tal-aċċess u tad-difiża, dment li jkunu aċċessibbli għall-utenti potenzjali kollha b’termini ugwali u nondiskriminatorji.

    (46)

    It-tariffi tas-servizzi portwarji applikati mill-fornituri ta’ servizzi portwarji skont obbligi ta’ servizz pubbliku u t-tariffi għas-servizzi ta’ pilotaġġ li mhumiex esposti għal kompetizzjoni effettiva jistgħu jinvolvu riskju ogħla ta’ abbuż ta’ prezzijiet f’każijiet fejn teżisti setgħa ta’ monopolju. Għal dawk is-servizzi, jenħtieġ jiġu stabbiliti arranġamenti biex jiġi żgurat li t-tariffi jkunu stabbiliti b’mod trasparenti, oġġettiv u nondiskriminatorju u li jkunu proporzjonali għall-ispiża tas-servizz provdut.

    (47)

    Sabiex ikunu effiċjenti, jenħtieġ li t-tariffi tal-infrastruttura portwarja ta’ kull port individwali jiġu stabbiliti b’mod trasparenti f’konformità mal-istrateġija kummerċjali u mal-pjanijiet ta’ investimenti tal-port stess u, fejn rilevanti, mar-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-qafas tal-politika ġenerali dwar il-portijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

    (48)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax id-drittijiet, fejn applikabbli, tal-portijiet u l-klijenti tagħhom li jaqblu fuq skontijiet kummerċjalment kunfidenzjali. Dan ir-Regolament mhux maħsub li jirrikjedi li kull tali skont ikun żvelat lill-pubbliku jew lill-partijiet terzi. Madankollu, jenħtieġ li l-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, tal-inqas jippubblikaw it-tariffi standard qabel kwalunkwe divrenzjar fil-prezz.

    (49)

    Jenħtieġ li l-varjazzjoni tat-tariffital-infrastruttura portwarja tkun permessa sabiex tippromwovi t-trasport marittimu fuq distanzi qosra u sabiex jiġu attirati bastimenti tat-trasport fuq l-ilma li għandhom prestazzjoni ambjentali, effiċjenza enerġetika jew effiċjenza fl-emissjonijiet tal-karbonju tal-operazzjonijiet tat-trasport, b’mod partikolari operazzjonijiet tat-trasport marittimu lil hinn mill-kosta jew kostali, li tkun aħjar mill-medja. Dik għandha tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-politika ambjentali u tat-tibdil fil-klima u għall-iżvilupp sostenibbli tal-port u tal-inħawi tiegħu, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impronta ambjentali tal-bastimenti tat-trasport fuq l-ilma li jidħlu u jibqgħu fil-port.

    (50)

    Skont l-istrateġija ekonomika tal-port, il-politika dwar l-ippjanar spazjali tal-port jew il-prattiki kummerċjali tal-port u, fejn rilevanti, il-politika ġenerali tal-portijiet tal-Istat Membru kkonċernat, il-varjazzjoni tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja tista’ twassal biex ir-rati jiġu ffissati għal żero għal ċerti kategoriji ta’ utenti. Dawn il-kategoriji ta’ utenti jistgħu jinkludu, fost oħrajn, vapuri li huma sptarijiet, bastimenti f’missjonijiet xjentifiċi, kulturali jew umanitarji, bastimenti tal-irmonk u tagħmir tal-port ta’ servizz li jżomm f’wiċċ l-ilma.

    (51)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tfassal gwida dwar il-kriterji ta’ klassifikazzjoni komuni għall-bastimenti għall-fini ta’ tariffi ambjentali volontarji, b’kont meħud ta’ standards maqbula internazzjonalment.

    (52)

    Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-utenti tal-port u partijiet ikkonċernati oħra jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet essenzjali relatati mal-iżvilupp sod tal-port, il-politika dwar it-tariffi tiegħu, il-prestazzjoni tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jattira u jiġġenera attivitajiet ekonomiċi. Tali kwistjonijiet essenzjali jinkludu l-koordinazzjoni ta’ servizzi portwarji ġewwa ż-żona tal-port, l-effiċjenza tal-konnessjonijiet mal-intern tal-pajjiż u l-effiċjenza tal-proċeduri amministrattivi fil-portijiet, kif ukoll kwistjonijiet ambjentali. Tali konsultazzjonijiet jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kompetenza speċifika li tirrigwarda dawk il-kwistjonijiet, kif ukoll għall-possibbiltà li l-Istati Membri jkollhom dawk il-konsultazzjonijiet fuq livell nazzjonali. Jenħtieġ li l-korp ta’ ġestjoni tal-port b’mod partikolari jikkonsulta mal-utenti tal-port u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra rigward pjanijiet ta’ żvilupp tal-port.

    (53)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba u effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li tiġi stabbilita proċedura effettiva biex jiġu trattati l-ilmenti.

    (54)

    Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkooperaw fit-trattament ta’ ilmenti f’tilwim bejn partijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti u jiskambjaw informazzjoni ġenerali dwar it-trattament tal-ilmenti sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament.

    (55)

    Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat qafas għall-forniment ta’ servizzi portwarji kif ukoll qafas adatt biex jiġu attirati investimenti neċessarji fil-portijiet marittimi kollha tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba d-dimensjoni Ewropea, jew in-natura internazzjonali u transfruntiera tal-portijiet u tal-kummerċ marittimu relatat, iżda jistgħu, minħabba l-ħtieġa li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi fl-Ewropa, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (56)

    Il-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet jipprovdi lis-sħab soċjali b’qafas biex jiġi żviluppat approċċ konġunt għall-isfidi soċjali relatati mar-relazzjonijiet tax-xogħol tal-port, inkluż il-kondizzjonijiet tax-xogħol, kwistjonijiet ta’ saħħa u sikurezza, rekwiżiti ta’ taħriġ u kwalifiki professjonali. Jenħtieġ li dak il-qafas jiġi żviluppat b’mod partikolari, fid-dawl ta’ żviluppi bbażati fuq is-suq u żviluppi teknoloġiċi, u jenħtieġ li jsaħħaħ l-attraenza tas-settur għall-ħaddiema żgħażagħ u ħaddiema nisa, filwaqt li jitqiesu l-importanza li tiġi protetta l-kompetittività tal-portijiet marittimi Ewropej u l-promozzjoni ta’ kondizzjonijiet tajba tax-xogħol. B’rispett sħiħ għall-awtonomija tas-sħab soċjali, u filwaqt li jitqiesu l-progress u l-avvanzi teknoloġiċi fil-loġistika tat-trasport, il-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet huwa mistieden jiżviluppa linji gwida dwar l-iżvilupp ta’ rekwiżiti għat-taħriġ sabiex jiġu evitati inċidenti fuq il-post tax-xogħol u jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ saħħa u sikurezza għall-ħaddiema tal-portijiet. Jenħtieġ li s-sħab soċjali jesploraw ukoll mudelli differenti għall-organizzazzjoni tax-xogħol fil-portijiet marittimi li jiżguraw impjiegi ta’ kwalità u kondizzjonijiet tax-xogħol sikuri u li jindirizzaw il-fluttwazzjoni fid-domanda għax-xogħol fil-portijiet. Huwa importanti li l-Kummissjoni tappoġġa u tiffaċilita l-ħidma tal-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet.

    (57)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

    (a)

    qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji;

    (b)

    regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja u t-tariffi għas-servizzi portwarji u l-infrastruttura portwarja.

    2.   Dan ir-Regolament japplika għall-forniment tal-kategoriji ta’ servizzi portwarji li ġejjin (“servizzi portwarji”), ġewwa ż-żona tal-port jew inkella fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port:

    (a)

    bunkering;

    (b)

    immaniġġar tal-merkanzija;

    (c)

    irmiġġ;

    (d)

    servizzi tal-passiġġieri;

    (e)

    ġbir tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija;

    (f)

    pilotaġġ; u

    (g)

    irmonk.

    3.   L-Artikolu 11(2) japplika wkoll għat-tħammil.

    4.   Dan Regolament japplika għall-portijiet marittimi kollha tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, kif elenkati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

    5.   L-Istati Membru jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan ir-Regolament għal portijiet marittimi tan-netwerk komprensiv li jinsabu fir-reġjuni l-aktar ’il bogħod imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikawx dan ir-Regolament għal dawn il-portijiet marittimi, huma għandhom jinnotifikaw tali deċiżjoni lill-Kummissjoni.

    6.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll dan ir-Regolament għal portijiet marittimi oħrajn. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament għal portijiet marittimi oħrajn, għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom lill-Kummissjoni.

    7.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2014/23/UE (14) u 2014/24/UE (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2014/25/UE.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (1)

    “bunkering” tfisser il-forniment ta’ fjuwil solidu, likwidu jew gassuż jew ta’ xi sors ta’ enerġija ieħor użat għall-propulsjoni tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma kif ukoll għal forniment ġenerali jew speċifiku ta’ enerġija abbord il-bastiment tat-trasport fuq l-ilma filwaqt li jkun irmiġġat;

    (2)

    “immaniġġar tal-merkanzija” tfisser l-organizzazzjoni u l-immaniġġar tal-merkanzija bejn il-bastiment tat-trasport fuq l-ilma li jġorr u x-xatt, kemm jekk ikunu għall-importazzjoni, esportazzjoni jew tranżitu ta’ merkanzija, inklużi l-ipproċessar, l-irbit, il-ħall, l-istivar, it-trasport jew il-ħżin temporanju tal-merkanzija fit-terminal rilevanti ta’ mmaniġġar tal-merkanzija u direttament relatati mat-trasport tal-merkanzija, iżda esklużi, dment li l-Istati Membri ma jiddeterminawx mod ieħor, il-ħżin fl-imħażen, it-tneħħija tal-imballaġġ, l-imballaġġ mill-ġdid jew kwalunkwe servizz ieħor ta’ valur miżjud relatat mal-merkanzija;

    (3)

    “awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe korp pubbliku jew privat li, fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, għandu d-dritt li jwettaq, skont il-liġi jew l-istrumenti nazzjonali, attivitajiet marbuta mal-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ attivitajiet portwarji, flimkien ma’ jew minflok il-korp ta’ ġestjoni tal-port;

    (4)

    “tħammil” tfisser it-tneħħija ta’ ramel, naqal jew sustanzi oħrajn mill-qiegħ tal-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port, jew fiż-żona tal-port li taqa’ taħt il-kompetenza tal-korp ta’ ġestjoni tal-port, inkluż ir-rimi tal-materjali li tneħħew, sabiex bastimenti tat-trasport fuq l-ilma jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-port; dan jinkludi kemm it-tneħħija inizjali (tħammil tal-bidu) kif ukoll it-tħammil ta’ manutenzjoni li jsir biex il-passaġġ fuq l-ilma jibqa’ aċċessibbli, filwaqt li ma jkunx servizz tal-port offrut lill-utent;

    (5)

    “korp ta’ ġestjoni tal-port” tfisser kull korp pubbliku jew privat li, skont il-liġi jew l-istrumenti nazzjonali għandu l-objettiv li jwettaq, jew ikun mogħti s-setgħa, biex iwettaq, fil-livell lokali, kemm jekk flimkien ma’ attivitajiet oħrajn kemm jekk le, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastruttura tal-port u wieħed jew aktar mill-kompiti li ġejjin fil-port ikkonċernat: il-koordinazzjoni tat-traffiku portwarju, l-immaniġġar tat-traffiku portwarju, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-operaturi preżenti fil-port ikkonċernat, u/jew il-kontroll tal-attivitajiet tal-operaturi preżenti fil-port ikkonċernat;

    (6)

    “irmiġġ” tfisser is-servizzi ta’ rbit u ħall mill-irbit fl-irmiġġ, inkluż ċaqliq tul il-moll, li huma meħtieġa għat-tħaddim sikur ta’ bastiment tat-trasport fuq l-ilma fil-port jew fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port;

    (7)

    “servizzi tal-passiġġieri” tfisser l-organizzazzjoni u l-immaniġġar ta’ passiġġieri, il-bagalji tagħhom u l-vetturi tagħhom bejn il-bastiment tat-trasport fuq l-ilma li jġorr u x-xatt, u tinkludi wkoll l-ipproċessar ta’ data personali u t-trasport tal-passiġġieri fit-terminal rilevanti tal-passiġġieri;

    (8)

    “pilotaġġ” tfisser is-servizz ta’ gwida ta’ bastiment tat-trasport fuq l-ilma minn bdot jew stazzjon ta’ pilotaġġ biex jippermetti d-dħul jew il-ħruġ sikur tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma fl-aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma lejn il-port jew navigazzjoni sikura ġewwa l-port;

    (9)

    “tariffa tal-infrastruttura portwarja” tfisser tariffa imposta, għall-benefiċċju dirett jew indirett tal-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew tal-awtorità kompetenti, għall-użu tal-infrastruttura, il-faċilitajiet u s-servizzi, inklużi l-passaġġi fuq l-ilma li jagħtu aċċess għall-portijiet ikkonċernati, kif ukoll aċċess għall-ipproċessar ta’ passiġġieri u merkanzija, iżda esklużi r-rati u t-tariffi tal-kiri tal-art li jkollhom effett ekwivalenti;

    (10)

    “ġbir tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija” tfisser ir-riċeviment ta’ skart iġġenerat mill-bastimenti u mill-fdalijiet tal-merkanzija permezz ta’ kwalunkwe faċilità, li hija fissa, li tifflowtja jew li hija mobbli u li kapaċi tirċievi skart iġġenerat mill-bastimenti jew mill-fdalijiet mill-merkanzija kif definit fid-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16);

    (11)

    “tariffa tas-servizzi portwarji” tfisser tariffa imposta għall-benefiċċju tal-fornitur tas-servizzi portwarji u mħallas mill-utenti tas-servizz rilevanti;

    (12)

    “kuntratt ta’ servizz portwarju” tfisser ftehim formali u legalment vinkolanti jew xi att ieħor b’effett legali ekwivalenti bejn fornitur ta’ servizzi portwarji u korp ta’ ġestjoni tal-port, jew awtorità kompetenti, li għandu bħala s-suġġett tiegħu l-forniment ta’ servizz portwarju wieħed jew aktar, mingħajr preġudizzju għall-forma ta’ għażla tal-fornituri tas-servizzi portwarji;

    (13)

    “fornitur ta’ servizzi portwarji” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi, jew li tixtieq tipprovdi, bi ħlas waħda mill-kategoriji ta’ servizzi portwarji;

    (14)

    “obbligu ta’ servizz pubbliku” tfisser rekwiżit definit jew determinat sabiex jiġi żgurat il-forniment ta’ dawk is-servizzi jew attivitajiet portwarji ta’ interess ġenerali li operatur, kieku kellu jikkunsidra l-interessi kummerċjali tiegħu stess, ma jipprovdix jew ma jipprovdihomx bl-istess mod jew bl-istess kondizzjonijiet;

    (15)

    “trasport marittimu fuq distanzi qosra” tfisser iċ-ċaqliq ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar bejn portijiet li jinsabu fl-Ewropa ġeografika jew bejn dawk il-portijiet u l-portijiet li jinsabu f’pajjiżi mhux Ewropej bi xtut fl-ibħra magħluqin li jmissu mal-Ewropa;

    (16)

    “port marittimu” tfisser żona ta’ art u ilma magħmula minn infrastruttura u tagħmir li jippermettu, prinċipalment, l-ilqugħ ta’ bastimenti tat-trasport fuq l-ilma, it-tagħbija u l-ħatt tagħhom, il-ħżin ta’ prodotti, ir-riċevuta u l-forniment ta’ dawk il-prodotti u l-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri, l-ekwipaġġ u persuni oħrajn u kwalunkwe infrastruttura oħra meħtieġa għall-operaturi tat-trasport fi ħdan iż-żona tal-port;

    (17)

    “irmonk” tfisser l-assistenza mogħtija lil bastiment tat-trasport fuq l-ilma permezz ta’ bastiment tal-irmonk biex ikunu jistgħu jsiru d-dħul jew il-ħruġ sikur mill-port jew in-navigazzjoni sikura fil-port billi tingħata assistenza fl-immanuvrar tal-bastiment tat-trasport fuq l-ilma;

    (18)

    “aċċess tal-passaġġ fuq l-ilma” tfisser aċċess fuq l-ilma lejn il-port mill-baħar miftuħ, bħal approċċi tal-portijiet, kanali navigabbli, xmajjar, kanali fl-ibħra u fjords, sakemm tali passaġġ fuq l-ilma jaqa’ taħt il-kompetenza tal-korp ta’ ġestjoni tal-port.

    KAPITOLU II

    FORNIMENT TA’ SERVIZZI PORTWARJI

    Artikolu 3

    Organizzazzjoni ta’ servizzi portwarji

    1.   L-aċċess għas-suq għall-forniment ta’ servizzi portwarji f’portijiet marittimi jista’, skont dan ir-Regolament, ikun soġġett għal:

    (a)

    rekwiżiti minimi għall-forniment ta’ servizzi portwarji;

    (b)

    limitazzjonijiet dwar l-għadd ta’ fornituri;

    (c)

    obbligi ta’ servizz pubbliku;

    (d)

    restrizzjonijiet li jikkonċernaw l-operaturi interni.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu permezz ta’ liġi nazzjonali li ma jimponu l-ebda waħda mill-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 fuq kategorija waħda jew aktar ta’ servizzi portwarji.

    3.   It-termini ta’ aċċess għall-faċilitajiet, installazzjonijiet u tagħmir tal-port għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji.

    Artikolu 4

    Rekwiżiti minimi għall-forniment ta’ servizzi portwarji

    1.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jitolbu lill-fornituri tas-servizzi portwarji, inkluż sottokuntratturi, biex jikkonformaw ma’ rekwiżiti minimi għall-forniment tas-servizz tal-portijiet korrispondenti.

    2.   Ir-rekwiżiti minimi stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu relatati biss ma’:

    (a)

    il-kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizzi portwarji, il-persunal tiegħu jew il-persuni fiżiċi li fil-fatt u kontinwament jimmaniġġjaw l-attivitajiet tal-fornitur tas-servizzi portwarji;

    (b)

    il-kapaċità finanzjarja tal-fornitur tas-servizzi portwarji;

    (c)

    it-tagħmir meħtieġ biex jiġi pprovdut is-servizz portwarju rilevanti f’kondizzjonijiet normali u sikuri u l-kapaċità li dan it-tagħmir jinżamm fil-livell meħtieġ;

    (d)

    id-disponibbiltà tas-servizz portwarju rilevanti għall-utenti kollha, fl-irmiġġi kollha u mingħajr interruzzjonijiet, lejl u nhar, matul is-sena kollha;

    (e)

    il-konformità mar-rekwiżiti dwar is-sikurezza marittima jew is-sikurezza u s-sigurtà tal-port jew l-aċċess għalih, l-installazzjonijiet, it-tagħmir u l-ħaddiema tiegħu u persuni oħrajn;

    (f)

    il-konformità mar-rekwiżiti lokali, nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali dwar l-ambjent;

    (g)

    il-konformità mal-obbligi fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol li japplikaw fl-Istat Membru tal-port ikkonċernat, inklużi t-termini ta’ ftehimiet kollettivi applikabbli, ir-rekwiżiti tal-ekwipaġġ u r-rekwiżiti li jirrigwardaw is-sigħat tax-xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ għall-baħħara, u ma’ regoli applikabbli dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol;

    (h)

    ir-reputazzjoni tajba tal-fornitur tas-servizzi portwarji, kif stabbilit skont kwalunkwe liġi nazzjonali applikabbli dwar ir-reputazzjoni tajba, filwaqt li tqis kwalunkwe raġuni serja li tqanqal dubju dwar l-affidabbiltà tal-fornitur tas-servizzi portwarji.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, meta Stat Membru jqis li jkun neċessarju li jimponi rekwiżit fir-rigward tal-bandiera sabiex jiżgura konformità sħiħa mal-punt (g) tal-paragrafu 2 għal bastimenti ta’ trasport fuq l-ilma li fil-parti l-kbira jintużaw għal operazzjonijiet ta’ rmonk jew ta’ rmiġġ fil-portijiet li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż dwar il-kuntratt jew, fin-nuqqas ta’ avviż dwar il-kuntratt, qabel l-impożizzjoni ta’ rekwiżit fir-rigward tal-bandiera.

    4.   Ir-rekwiżiti minimi għandhom

    (a)

    ikunu trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji, proporzjonati, u rilevanti għall-kategorija u n-natura tas-servizz portwarju kkonċernat;

    (b)

    jiġu rispettati sa meta jiskadi d-dritt ta’ forniment ta’ servizz portwarju.

    5.   Meta r-rekwiżiti minimi jinkludu għarfien speċifiku tal-kondizzjonijiet lokali, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jiżguraw li jkun hemm aċċess adegwat għall-informazzjoni, taħt kondizzjonijiet trasparenti u nondiskriminatorji.

    6.   Fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jippubblikaw ir-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafu 2 u l-proċedura għall-għoti tad-dritt ta’ forniment ta’ servizzi portwarji skont dawk ir-rekwiżiti sal-24 ta’ Marzu 2019 jew, fil-każ ta’ rekwiżiti minimi li għandhom japplikaw wara dik id-data, tal-inqas tliet xhur qabel id-data minn meta dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw. Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jinformaw, bil-quddiem, lill-fornituri tas-servizzi portwarji dwar kull bidla fil-kriterji jew il-proċedura.

    7.   Dan l-Artikolu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7.

    Artikolu 5

    Proċedura biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti minimi

    1.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jittrattaw lill-fornituri tas-servizzi portwarji b’mod trasparenti, oġġettiv, nondiskriminatorju u proporzjonat.

    2.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jagħtu jew jirrifjutaw id-dritt ta’ forniment ta’ servizzi portwarji abbażi tar-rekwiżiti minimi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 4 f’perijodu raġonevoli, li f’kull każ ma għandux ikun aktar minn erba’ xhur, minn meta jirċievu talba għall-għoti ta’ dritt bħal dan u d-dokumenti meħtieġa.

    3.   Kull tali rifjut, mill-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew mill-awtorità kompetenti, għandu jkun debitament ġustifikat abbażi tar-rekwiżiti minimi stipulati fl-Artikolu 4(2).

    4.   Kwalunkwe limitazzjoni jew terminazzjoni mill-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew mill-awtorità kompetenti, tad-dritt ta’ forniment ta’ servizz portwarju għandha tiġi debitament ġustifikata u għandha tkun f’konformità mal-paragrafu 1.

    Artikolu 6

    Limitazzjonijiet dwar l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji

    1.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ fornituri tas-servizzi portwarji għal servizz portwarju partikolari għal waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    l-iskarsezza jew l-użu riżervat ta’ art jew l-ispazju maġenb l-ilma, dment li l-limitazzjoni tkun konformi mad-deċiżjonijiet jew il-pjani definiti mill-korp ta’ ġestjoni tal-port u, fejn xieraq, kwalunkwe awtorità pubblika oħra li tkun kompetenti skont il-liġijiet nazzjonali;

    (b)

    in-nuqqas ta’ tali limitazzjoni jostakola t-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku kif previst fl-Artikolu 7, inkluż meta dan in-nuqqas iwassal għal spejjeż għoljin b’mod eċċessiv marbuta mat-twettiq ta’ dawn l-obbligi għall-korp ta’ ġestjoni tal-port, l-awtorità kompetenti, jew l-utenti tal-port;

    (c)

    in-nuqqas ta’ tali limitazzjoni imur kontra l-ħtieġa li jiġu żgurati operazzjonijiet portwarji sikuri, siguri jew ambjentalment sostenibbli;

    (d)

    il-karatteristiċi tal-infrastruttura tal-port jew in-natura tat-traffiku tal-port ikunu tali li l-operazzjonijiet ta’ għadd ta’ fornituri tas-servizzi portwarji fil-port ma jkunux possibbli;

    (e)

    fejn ġie stabbilit skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE li settur jew sottosettur ta’ port, flimkien mas-servizzi portwarji tiegħu, fi Stat Membru jwettaq attività li hija direttament esposta għall-kompetizzjoni f’konformità mal-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva. F’dawn il-każijiet, il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.

    2.   Sabiex il-partijiet interessati jingħataw l-opportunità li jippreżentaw kummenti f’perijodu raġonevoli, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jippubblikaw kwalunkwe proposta biex tillimita l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji skont il-paragrafu 1 flimkien mar-raġunijiet biex jiġġustifikawha tal-inqas tliet xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni biex tillimita l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji.

    3.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jippubblikaw id-deċiżjoni adottata biex tillimita l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi portwarji.

    4.   Fejn il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jiddeċiedu li jillimitaw l-għadd ta’ fornituri ta’ servizz portwarju, huma għandhom isegwu proċedura ta’ għażla li għandha tkun miftuħa għall-partijiet interessati kollha, tkun nondiskriminatorja u trasparenti. Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar is-servizz portwarju li għandha tiġi fornita u dwar il-proċedura tal-għażla, u għandhom jiżguraw li l-informazzjoni essenzjali kollha neċessarja għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet tagħhom tkun effettivament aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw ħin biżżejjed biex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjoni effikaċi u biex iħejju l-applikazzjonijiet tagħhom. F’ċirkustanzi normali, tali perijodu minimu għandu jkun ta’ 30 jum.

    5.   Paragrafu 4 ma għandux japplika fil-każijiet imsemmijin fil-punt (e) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 8.

    6.   Fejn il-korp ta’ ġestjoni ta’ port, jew l-awtorità kompetenti, tipprovdi servizzi portwarji jew hija stess jew inkella permezz ta’ entità legalment distinta li hija tikkontrolla direttament jew indirettament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu dawk il-miżuri li huma neċessarji biex jiġu evitati konflitti ta’ interessi. Fin-nuqqas ta’ miżuri bħal dawn, l-għadd ta’ fornituri ma għandux ikun inqas minn tnejn, sakemm xi waħda jew aktar mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1 ma jiġġustifikawx limitazzjoni tal-għadd ta’ fornituri tas-servizzi portwarji għal fornitur wieħed.

    7.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu s-setgħa lill-portijiet tagħhom tan-netwerk komprensiv li ma jissodisfawx il-kriterji tal-punt (b) tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 biex jillimitaw l-għadd ta’ fornituri tas-servizz għal servizz portwarju partikolari. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar tali deċiżjoni.

    Artikolu 7

    Obbligi ta’ servizz pubbliku

    1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu fuq il-fornituri tas-servizzi portwarji obbligi ta’ servizz pubbliku li jikkonċernaw is-servizzi portwarji u jistgħu jagħtu d-dritt lill-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew lill-awtorità kompetenti, li jimponu dawn l-obbligi, sabiex jiġi żgurat tal-anqas obbligu wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    id-disponibbiltà tas-servizz portwarju għall-utenti kollha tal-port, fl-irmiġġi kollha, mingħajr interruzzjoni, lejl u nhar, matul is-sena kollha;

    (b)

    id-disponibbiltà tas-servizz għall-utenti kollha bl-istess kondizzjonijiet;

    (c)

    l-affordabbiltà tas-servizz għal ċerti kategoriji ta’ utenti;

    (d)

    is-sikurezza, is-sigurtà jew is-sostenibbiltà ambjentali tal-operazzjonijiet portwarji;

    (e)

    il-forniment ta’ servizzi tat-trasport adegwati lill-pubbliku; u

    (f)

    l-koeżjoni territorjali.

    2.   L-obbligi ta’ servizz pubbliku msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli, u għandhom jiggarantixxu aċċess ugwali lill-fornituri kollha tas-servizzi portwarji stabbiliti fl-Unjoni.

    3.   Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jimponi obbligi ta’ servizz pubbliku għall-istess servizz fil-portijiet marittimi kollha tiegħu koperti minn dan ir-Regolament, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawk l-obbligi.

    4.   Fil-każ ta’ interruzzjoni tas-servizzi portwarji li għalihom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku jew meta jkun hemm riskju immedjat ta’ sitwazzjoni bħal din, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jieħdu miżura ta’ emerġenza. Il-miżura ta’ emerġenza tista’ tieħu l-forma ta’ għotja diretta sabiex is-servizz jiġi attribwit lil fornitur differenti għal perijodu ta’ mhux aktar minn sentejn. Matul dak il-perijodu ta’ żmien, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jew iniedu proċedura ġdida biex jagħżlu fornitur tas-servizzi portwarji jew inkella għandhom japplikaw l-Artikolu 8. Azzjoni industrijali kollettiva li ssir f’konformità mal-liġi nazzjonali ma għandhiex titqies bħala interruzzjoni tas-servizzi portwarji li għalihom tista’ tittieħed miżura ta’ emerġenza.

    Artikolu 8

    Operatur intern

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(6), il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jiddeċiedu jew li jipprovdu servizz portwarju huma stess jew inkella li jagħmlu dan permezz ta’ entità legalment distinta li fuqha huma jeżerċitaw livell ta’ kontroll simili għal dak li huma għandhomfuq id-dipartimenti tagħhom stess, dment li l-Artikolu 4 japplika bl-istess mod għall-operaturi kollha li jagħtu s-servizz ikkonċernat. F’każ bħal dan, il-fornitur tas-servizzi portwarji għandu jitqies li huwa operatur intern għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jitqiesu li jkunu qegħdin jeżerċitaw livell ta’ kontroll fuq entità legalment distinta simili għal dak li jkollhom fuq id-dipartimenti tagħhom stess fil-każ biss li jkollhom influwenza deċiżiva kemm fuq l-objettivi strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti tal-entità legali kkonċernata.

    3.   Fil-każijiet previsti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 6(1), l-operatur intern għandu jkun limitat li jwettaq is-servizz portwarju assenjat biss fil-port jew portijiet attribwiti lilu fl-assenjazzjoni biex iforni is-servizz portwarju.

    Artikolu 9

    Ħarsien tad-drittijiet tal-impjegati

    1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli soċjali u tax-xogħol tal-Istati Membri.

    2.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż ftehimiet kollettivi applikabbli bejn sħab soċjali, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jitolbu lill-fornitur tas-servizzi portwarji maħtur biex jagħti kondizzjonijiet tax-xogħol lill-persunal skont l-obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol u biex jikkonforma mal-istandards soċjali kif stipulati fil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi.

    3.   Fil-każ ta’ bidla tal-fornitur tas-servizzi portwarji li ssir minħabba l-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni jew kuntratt pubbliku, il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, jistgħu jitolbu li d-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur tas-servizzi portwarji li jkun ser jispiċċa u li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg, jew relazzjoni industrijali kif definita fil-liġi nazzjonali, u li tkun teżisti fid-data ta’ dik il-bidla, jiġu ttrasferiti lill-fornitur tas-servizzi portwarji l-ġdid li jiġi magħżul. F’każ bħal dan, il-persunal li preċedentement kienu reklutati mill-fornitur tas-servizzi portwarji li jkun ser jispiċċa għandhom jingħataw l-istess drittijiet li kienu jkunu intitolati għalihom daqslikieku kien hemm trasferiment ta’ intrapriża fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE.

    4.   Fejn, fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi portwarji, ikun hemm trasferiment tal-persunal, id-dokumenti tal-offerti u l-kuntratti ta’ servizzi portwarji għandhom jelenkaw il-persunal ikkonċernat u jagħtu dettalji trasparenti dwar id-drittijiet kuntrattwali tagħhom u l-kondizzjonijiet li bihom l-impjegati jitqiesu li huma marbutin mas-servizzi portwarji.

    Artikolu 10

    Eżenzjonijiet

    1.   Dan il-Kapitolu u l-Artikolu 21 ma għandhomx japplikaw għal servizzi ta’ mmaniġġar tal-merkanzija, servizzi tal-passiġġieri jew pilotaġġ.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan il-Kapitolu u l-Artikolu 21 għall-pilotaġġ. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali deċiżjoni.

    KAPITOLU III

    TRASPARENZA FINANZJARJA U AWTONOMIJA

    Artikolu 11

    Trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji

    1.   Ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-korp tal-ġestjoni ta’ port, jew entità oħra li tipprovdi servizzi portwarji f’isimha, li tirċievi fondi pubbliċi għandhom jiġu riflessi b’mod trasparenti fis-sistema tal-kontabbiltà biex jintwerew biċ-ċar dawn li ġejjin:

    (a)

    fondi pubbliċi pprovduti direttament mill-awtoritajiet pubbliċi lill-korpi ta’ ġestjoni tal-port ikkonċernati;

    (b)

    fondi pubbliċi pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ intermedjarji ta’ impriżi pubbliċi jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi; u

    (c)

    l-użu li għalih ġew attribwiti dawk il-fondi pubbliċi.

    2.   Meta l-korp tal-ġestjoni ta’ port li jirċievi fondi pubbliċi jipprovdi servizzi portwarji jew tħammil huwa stess, jew entità oħra li tagħti dawn is-servizzi f’isimha, għandhom iżommu l-kontijiet għal dak is-servizz portwarju jew tħammil iffinanzjat pubblikament b’mod separat minn dawk il-kontijiet għall-attivitajiet l-oħrajn tagħha, b’mod li:

    (a)

    l-ispejjeż u d-dħul kollha jiġu assenjati jew allokati b’mod korrett abbażi ta’ prinċipji tal-kontabbiltà tal-ispejjeż applikati b’mod konsistenti u oġġettivament ġustifikabbli; u

    (b)

    il-prinċipji tal-kontabbiltà tal-ispejjeż li skonthom jinżammu kontijiet separati jkunu stabbiliti b’mod ċar.

    3.   Il-fondi pubbliċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-kapital azzjonarju u l-fondi kważi kapitali, l-għotjiet mhux rimborsabbli, l-għotjiet li jkunu rimborsabbli biss f’ċerti ċirkostanzi, self inklużi overdrafts u ħlas antiċipat fuq injezzjonijiet ta’ kapital, garanziji mogħtija lill-korp ta’ ġestjoni tal-port minn awtoritajiet pubbliċi u kull forma oħra ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku.

    4.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew entità oħra li tipprovdi servizzi portwarji f’ismu, għandhom iżommu l-informazzjoni li tikkonċerna r-relazzjonijiet finanzjarji kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għal ħames snin minn tmiem is-sena fiskali li għaliha tirreferi l-informazzjoni.

    5.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew entità oħra li tipprovdi servizzi portwarji f’ismu, għandhom, fil-każ ta’ lment formali u fuq talba, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li huma iqisu meħtieġa sabiex titwettaq evalwazzjoni bir-reqqa tad-data ppreżentata u biex tiġi vvalutata l-konformità ma’ dan ir-Regolament skont ir-regoli dwar il-kompetizzjoni. Din l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-awtorità rilevanti fuq talba. L-informazzjoni għandha tintbagħat fi żmien tliet xhur mid-data li fiha ssir it-talba.

    6.   Fejn il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew entità oħra li tipprovdi servizzi portwarji f’ismu, ma jkunux irċevew fondi pubbliċi fi snin fiskali preċedenti iżda jibdew jibbenefikaw minn fondi pubbliċi, huma għandhom japplikaw il-paragrafi 1 u 2 mis-sena fiskali wara dik tat-trasferiment tal-fondi pubbliċi.

    7.   Meta l-fondi pubbliċi jitħallsu bħala kumpens għal obbligu ta’ servizz pubbliku, dawn għandhom jintwerew b’mod separat fil-kontijiet rilevanti u ma jistgħux jiġu ttrasferiti lil xi servizz ieħor jew attività kummerċjali oħra.

    8.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal dawk il-portijiet tagħhom tan-netwerk komprensiv li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 fejn dan jirriżulta f’piżijiet amministrattivi sproporzjonati, dment li l-fondi pubbliċi li jirċievu, u l-użu tagħhom sabiex jagħtu servizzi portwarji, jibqgħu trasparenti għalkollox fis-sistema tal-kontabbiltà. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minn qabel dwar tali deċiżjoni.

    Artikolu 12

    Tariffi tas-servizzi portwarji

    1.   It-tariffi għas-servizzi mogħtija minn operatur intern taħt obbligu ta’ servizz pubbliku, it-tariffi għas-servizzi ta’ pilotaġġ li mhumiex esposti għal kompetizzjoni effettiva u t-tariffi imposti minn fornituri ta’ servizzi portwarji, imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(1), għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti, oġġettiv u nondiskriminatorju, u għandhom ikunu proporzjonati għall-ispiża tas-servizz mogħti.

    2.   Il-ħlas tat-tariffi tas-servizzi portwarji jista’ jkun integrat fi ħlasijiet oħrajn, bħall-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja. F’tali każ, il-fornitur tas-servizzi portwarji u, fejn adatt, il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandhom jaraw li l-ammont tat-tariffa tas-servizzi portwarji jibqa’ jingħaraf faċilment mill-utenti tas-servizz portwarju.

    3.   Il-fornitur tas-servizzi portwarji għandu, fil-każ ta’ lment formali u fuq talba, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-elementi li jservu bħala l-bażi biex jiġu ddeterminati l-istruttura u l-livell tat-tariffi tas-servizzi portwarji li jaqgħu taħt il-paragrafu 1.

    Artikolu 13

    Tariffi tal-infrastruttura portwarja

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi imposta tariffa tal-infrastruttura portwarja. Dan ma għandux iżomm lill-fornituri tas-servizzi portwarji li qegħdin jużaw l-infrastruttura portwarja milli jimponu tariffi tas-servizzi portwarji.

    2.   Il-ħlas tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja jista’ jkun integrat fi ħlasijiet oħrajn, bħall-ħlas tat-tariffi tas-servizzi portwarji. F’tali każ, il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandu jara li l-ammont tat-tariffa tal-infrastruttura portwarja jibqa’ jingħaraf faċilment mill-utenti tal-infrastruttura portwarja.

    3.   Bħala kontribut għal sistema effiċjenti ta’ tariffi tal-infrastruttura, l-istruttura u l-livell ta’ tariffi tal-infrastruttura portwarja għandhom jiġu ddeterminati skont l-istrateġija kummerċjali u l-pjanijiet ta’ investimenti tal-port stess, u għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Fejn rilevanti, dawn it-tariffi għandhom jirrispettaw ukoll ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-qafas tal-politika ġenerali dwar il-portijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, it-tariffi tal-infrastruttura portwarja jistgħu jvarjaw skont l-istrateġija ekonomika tal-port stess u l-politika dwar l-ippjanar spazjali tiegħu, li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, ċerti kategoriji ta’ utenti, jew biex jippromwovu użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura portwarja, trasport marittimu fuq distanzi qosra jew prestazzjoni ambjentali għolja, effiċjenza fl-enerġija jew effiċjenza fl-emissjonijiet tal-karbonju tal-operazzjonijiet ta’ trasport. Il-kriterji għal varjazzjoni bħal din għandhom ikunu trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji, u għandhom ikunu konsistenti mad-dritt tal-kompetizzjoni, inkluż ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. It-tariffi tal-infrastruttura portwarja jistgħu jieħdu inkonsiderazzjoni l-ispejjeż esterni u jistgħu jvarjaw skont il-prattiki kummerċjali.

    5.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u r-rappreżentanti jew l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-portijiet ikunu infurmati dwar in-natura u l-livell tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja. Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, għandhom jiżguraw li l-utenti tal-infrastruttura portwarja jkunu infurmati bi kwalunkwe tibdil fin-natura jew fil-livell tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja tal-anqas xahrejn qabel id-data li fiha dak it-tibdil isir effettiv. Il-korp ta’ ġestjoni tal-port, jew l-awtorità kompetenti, ma għandhomx jintalbu jiżvelaw id-divrenzjar fit-tariffi li huma riżultat ta’ negozjati individwali.

    6.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandu, fil-każ ta’ lment formali u fuq talba, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 4 u 5, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-elementi li jservu bħala bażi biex jiġu ddeterminati l-istruttura u l-livell tat-tariffi tal-infrastruttura portwarja. Dik l-awtorità għandha titqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fuq talba.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    Artikolu 14

    Taħriġ tal-persunal

    Il-fornituri tas-servizzi portwarji għandhom jiżguraw li l-impjegati jirċievu t-taħriġ meħtieġ biex jiksbu l-għarfien li huwa essenzjali għal xogħolhom, b’enfasi partikolari fuq l-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza, u li r-rekwiżiti tat-taħriġ jiġu aġġornati regolarment sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-innovazzjoni teknoloġika.

    Artikolu 15

    Konsultazzjoni mal-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati oħra

    1.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandu, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, jikkonsulta l-utenti tal-portijiet rigward il-politika dwar it-tariffi tiegħu, inkluż fil-każijiet koperti mill-Artikolu 8. Konsultazzjoni bħal din għandha tinkludi kull tibdil sostanzjali fit-tariffi tal-infrastruttura portwarja u t-tariffi tas-servizzi portwarji f’każijiet fejn operaturi interni jagħtu servizzi portwarji taħt obbligi ta’ servizz pubbliku.

    2.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port għandu, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, jikkonsulta lill-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra dwar materji essenzjali fil-kompetenza tiegħu f’dak li jirrigwarda:

    (a)

    il-koordinazzjoni tas-servizzi portwarji fiż-żona tal-port;

    (b)

    miżuri biex jittejbu l-konnessjonijiet maż-żoni interni, inkluż miżuri biex tiġi żviluppata u tittejjeb l-effiċjenza tat-trasport ferrovjarju u fil-passaġġi fuq l-ilma interni;

    (c)

    l-effiċjenza tal-proċeduri amministrattivi fil-port u miżuri li jissimplifikawhom;

    (d)

    materji ambjentali;

    (e)

    ippjanar spazjali; u

    (f)

    miżuri li jiżguraw is-sikurezza fiż-żona tal-port, inkluż, fejn adatt, is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tal-portijiet.

    3.   Il-fornituri tas-servizzi portwarji għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-portijiet informazzjoni adegwata dwar in-natura u l-livell tat-tariffi tas-servizzi portwarji.

    4.   Il-korp ta’ ġestjoni tal-port u l-fornituri tas-servizzi portwarji għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva meta jwettqu l-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu.

    Artikolu 16

    Trattament tal-ilmenti

    1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkollu fis-seħħ proċedura effikaċi biex jiġu ttrattati l-ilmenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-portijiet marittimi tiegħu koperti minn dan ir-Regolament.

    2.   It-trattament tal-ilmenti għandu jsir b’mod li jiġu evitati konflitti ta’ interess u li jkun funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe korp ta’ ġestjoni tal-port jew fornitur tas-servizzi portwarji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni funzjonali effettiva bejn it-trattament tal-ilmenti, minn naħa waħda, u s-sjieda u l-ġestjoni tal-portijiet, il-forniment ta’ servizzi portwarji u l-użu tal-port, min-naħa l-oħra. It-trattament tal-ilmenti għandu jkun imparzjali u trasparenti, u għandu jirrispetta kif adatt id-dritt li n-negozju jitwettaq liberament.

    3.   L-ilmenti għandhom jiġu ppreżentati fl-Istat Membru tal-port fejn ikun preżunt li oriġinat it-tilwima. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jkunu infurmati dwar fejn u kif jitressaq ilment u liema awtoritajiet huma responsabbli għat-trattament tal-ilmenti.

    4.   L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandhom, fejn adatt, jikkooperaw għall-finijiet ta’ assistenza reċiproka f’tilwim li jinvolvi partijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti.

    5.   L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandu jkollhom, skont il-liġi nazzjonali, is-setgħa li jitolbu li l-korpi ta’ ġestjoni tal-portijiet, il-fornituri tas-servizzi portwarji u l-utenti tal-portijiet jagħtuhom informazzjoni rilevanti għal ilment.

    6.   L-awtoritajiet responsabbli għat-trattament tal-ilmenti għandu jkollhom, skont il-liġi nazzjonali, is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet li jkollhom effett vinkolanti, soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju, fejn applikabbli.

    7.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-proċedura għat-trattament tal-ilmenti u dwar l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 sal-24 ta’ Marzu 2019 u, sussegwentement, dwar kwalunkwe bidla f’dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment tali informazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha.

    8.   L-Istati Membri għandhom, fejn adatt, jiskambjaw informazzjoni ġenerali dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa din il-kooperazzjoni.

    Artikolu 17

    Awtoritajiet rilevanti

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti tal-portijiet u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jkunu infurmati dwar l-awtoritajiet rilevanti msemmija fl-Artikoli 11(5), 12(3) u 13(6). L-Istati Membri għandhom ukoll jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawn l-awtoritajiet sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Marzu 2019 u, sussegwentement, dwar kwalunkwe bidla f’dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment tali informazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha.

    Artikolu 18

    Appelli

    1.   Kwalunkwe parti b’interess leġittimu għandu jkollha d-dritt li tappella deċiżjonijiet jew miżuri individwali meħuda skont dan ir-Regolament mill-korp ta’ ġestjoni tal-port, l-awtorità kompetenti, jew kwalunkwe awtorità nazzjonali rilevanti oħra. Il-korpi tal-appell għandhom ikunu indipendenti mill-partijiet involuti u jistgħu jkunu l-qrati.

    2.   Meta l-korp tal-appell imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, huwa għandu jagħti raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tiegħu. Id-deċiżjoni tiegħu għandhom ikunu soġġetti wkoll għal stħarriġ minn qorti nazzjonali.

    Artikolu 19

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri sal-24 ta’ Marzu 2019 u għandhom mingħajr dewmien jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

    Artikolu 20

    Rapport

    Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Marzu 2023, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament u l-effett ta’ dan ir-Regolament.

    Ir-rapport għandu jieħu kont ta’ kwalunkwe progress li jkun sar fil-qafas tal-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali tal-UE fis-Settur tal-Portijiet.

    Artikolu 21

    Miżuri transizzjonali

    1.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kuntratti ta’ servizzi portwarji li kienu ġew konklużi qabel il-15 ta’ Frar 2017 u li huma limitati fiż-żmien.

    2.   Kuntratti ta’ servizzi portwarji konklużi qabel il-15 ta’ Frar 2017 li mhumiex limitati fiż-żmien, jew li għandhom effetti simili, għandhom jiġu emendati sabiex ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2025.

    Artikolu 22

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-24 ta’ Marzu 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Frar 2017.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    I. BORG


    (1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 111.

    (2)  ĠU C 114, 15.4.2014, p. 57.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Jannar 2017.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).

    (8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

    (11)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi, kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17).

    (12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

    (13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

    (14)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

    (15)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

    (16)  Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).


    Top