Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0331

Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/331 tas-27 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja

ĠU L 50, 28.2.2017, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/331/oj

28.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/9


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/331

tas-27 ta' Frar 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 (2), jipprevedi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni lil kwalunkwe persuna, entità jew korp, ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna fil-Belarussja kif ukoll il-provvediment ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/350 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK teżenta t-tagħmir tal-biathlon mill-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni.

(4)

Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jaffetwa r-rekwiżiti tal-liċenzja skont ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 765/2006 jiġi emendat skont dan.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1a, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“4.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għall-azzarini u l-munizzjon tagħhom u viżwali ta' mira li huma elenkati fl-Anness IV u li wkoll jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet għal tagħmir tal-biathlon kif definit fir-regoli tal-avvenimenti u l-kompetizzjonijiet tal-Unjoni Internazzjonali tal-Biathlon (IBU) u huma maħsuba esklussivament għall-użu f'avvenimenti u taħriġ tal-biathlon.”;

(2)

fl-Artikolu 1b, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għall-azzarini u l-munizzjon tagħhom u viżwali ta' mira li huma elenkati fl-Anness IV u li wkoll jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet għal tagħmir tal-biathlon kif definit fir-regoli tal-avvenimenti u l-kompetizzjonijiet tal-IBU u huma maħsuba esklussivament għall-użu f'avvenimenti u taħriġ tal-biathlon.”.

2.   It-test fl-Anness għal dan ir-Regolament jiżdied mar-Regolament (KE) Nru 765/2006 bħala l-Anness IV.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIZZI


(1)  ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta' Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/350 tas-27 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja (ĠU L 50, 28.2.2017, p. 81).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).


ANNESS

“ANNESS IV

Azzarini, munizzjon u viżwali ta' mira msemmija fl-Artikolu 1a u 1b li wkoll jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet għal tagħmir tal-biathlon kif definit fir-regoli tal-avvenimenti u l-kompetizzjonijiet tal-Unjoni Internazzjonali tal-Biathlon

Azzarini tal-biathlon:

ex 9303 30

Azzarini oħrajn tal-isports, għal kaċċa jew sparar għal targits

Munizzjon għal azzarini tal-biathlon:

ex 9306 21

Skrataċ tas-snieter

ex 9306 29

Partijiet tal-iskrataċ tas-snieter

ex 9306 30 90

Skrataċ u patijiet tagħhom, għal armi li mhumiex snieter, armi militari, rivolvers u pistoli tal-intestatura 9302, maxinganns ħfief tal-intestatura 9301

Viżwali ta' mira għal azzarini tal-biathlon:

ex 9305 20

Partijiet u aċċessorji ta' snieter jew azzarini tal-intestatura 9303”


Top