Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0228

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/228 tad-9 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 fir-rigward tal-ismijiet u tal-oqsma ta' kompetenza tal-bordijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0689

ĠU L 35, 10.2.2017, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/228/oj

10.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/228

tad-9 ta' Frar 2017

li jemenda r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 fir-rigward tal-ismijiet u tal-oqsma ta' kompetenza tal-bordijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 iwaqqaf għaxar bordijiet xjentifiċi responsabbli biex jipprovdu opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), kull wieħed bl-isferi tiegħu ta' kompetenza. Dawk il-bordijiet jinkludu fost l-oħrajn: il-Bord fuq l-addittivi tal-ikel u s-sorsi tan-nutrijenti miżjuda mal-ikel (“il-Bord ANS”), il-Bord dwar prodotti dijetetiċi, nutriment u allerġiji (“il-Bord NDA”), u l-Bord dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-enzimi, l-aromatizzanti u l-aġenti tal-ipproċessar (“il-Bord CEF”).

(2)

Fit-3 ta' Frar 2016, l-Awtorità ressqet talba lill-Kummissjoni biex tibdel l-ismijiet tal-Bordijiet ANS, NDA, u CEF sabiex iqisu l-bidliet mistennija fl-iżvilupp tekniku u xjentifiku.

(3)

Il-bidliet tekniċi u xjentifiċi jħallu impatt l-aktar fuq il-piż tax-xogħol tal-bordijiet. B'mod partikolari, x'aktarx ix-xogħol tal-Bord CEF se jiżdied fis-snin li ġejjin minħabba l-ħtieġa li jiġu evalwati l-applikazzjonijiet pendenti għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni tal-enżimi tal-ikel, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-aromatizzanti li bħalissa qed titwettaq mill-Bord CEF għandha tiġi assenjata lill-Bord ANS.

(4)

Madankollu biex il-Bord ANS attwali ma jkunx mgħobbi żżejjed, l-evalwazzjoni tas-sorsi tan-nutrijenti u ta' sustanzi oħa b'effett fiżjoloġiku miżjuda mal-ikel għandhom jiġu assenjati lill-Bord NDA, għax x'aktarx ix-xogħol tiegħu se jonqos minħabba l-finalizzazzjoni tal-valuri referenzjarji dijetetiċi u t-tnaqqis fl-applikazzjonijiet għall-inklużjoni fil-lista ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Din ir-riallokazzjoni hija wkoll f'konformità mal-għarfien tal-Bord NDA, billi xi sustanzi użati bħala sorsi ta' nutrijent jaqgħu fil-kategorija ta' ikel ġdid, li bħalissa qed jiġi vvalutat mill-Bord NDA.

(5)

Għalhekk, l-ismijiet tal-tliet bordijiet ikkonċernati qed jinbidlu b'dan ir-Regolament kif ġej: il-Bord ANS qed jingħata l-isem il-ġdid ta' “Bord dwar l-addittivi tal-ikel u l-aromatizzanti”, il-Bord NDA qed jingħata l-isem il-ġdid ta' “Bord dwar in-nutrizzjoni, l-ikel ġdid u l-allerġeni tal-ikel” u l-Bord CEF qed jingħata l-isem il-ġdid ta' “Bord dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-għajnuniet għall-ipproċessar”.

(6)

Il-mandat attwali tal-membri tal-Bordijiet ANS u CEF se jispiċċa fit-30 ta' Ġunju 2017 u l-mandat attwali tal-membri tat-tmien bordijiet xjentifiċi l-oħra tal-Awtorità, inkluż il-Bord NDA, se jispiċċa fit-30 ta' Ġunju 2018. Sabiex ikun hemm żmien biżżejjed għall-organizzazzjoni effiċjenti tal-bordijiet mill-Awtorità skont l-Artikolu 28(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Lulju 2018.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-Bord dwar l-addittivi tal-ikel u l-aromatizzanti;”

(2)

il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

il-Bord dwar in-nutrizzjoni, l-ikel ġdid u l-allerġeni tal-ikel;”

(3)

il-punt (j) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(j)

il-Bord dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-għajnuna għall-ipproċessar.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).


Top