EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0087

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/87 tal-20 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għall-attivitajiet tas-sajd fil-Baħar l-Iswed

C/2016/6618

ĠU L 14, 18.1.2017, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019: This act has been changed. Current consolidated version: 18/01/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/87/oj

18.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/87

tal-20 ta' Ottubru 2016

li jistabbilixxi pjan ta' skartar għall-attivitajiet tas-sajd fil-Baħar l-Iswed

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-pjanijiet ta' skartar permezz ta' atti delegati għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom interess dirett fil-ġestjoni tas-sajd għall-isfruttar tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed. Fit-30 ta' Ġunju 2016 dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni dwar pjan ta' skartar għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed fejn tqieset l-opinjoni tas-settur. Inkisbet kontribuzzjoni xjentifika mill-korpi xjentifiċi rilevanti. B'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dawk il-miżuri fir-rakkomandazzjoni konġunta li jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament biss għandhom jiddaħħlu f'dan ir-Regolament.

(4)

Fir-rigward tal-Baħar l-Iswed, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet tal-ispeċijiet kollha li huma suġġetti għal-limiti fuq il-qbid. Skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt l-art għandu japplika għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd minn mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017. Il-barbun imperjali huwa waħda minn dawk l-ispeċijiet.

(5)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet li għandha tiġi applikata eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed, billi l-evidenza xjentifika turi rati ta' sopravvivenza għoljin. Abbażi tal-evidenza xjentifika li ngħatat fir-rakkomandazzjoni konġunta u li ġiet evalwata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (2), l-eżenzjoni tas-sopravvivenza permessa skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tiddaħħal f'dan ir-Regolament għal sena waħda. L-Istati Membri kkonċernati għandhom iressqu d-dejta rilevanti lill-Kummissjoni biex l-STECF ikun jista' jevalwa sew il-ġustifikazzjonijiet għall-eżenzjoni għall-barbun imperjali li jinqabad bi xbieki tal-garġi ankrati tal-qiegħ ikkonċernati u biex il-Kummissjoni tkun tista' tevalwa dik l-eżenzjoni.

(6)

Sabiex jiġi żgurat kontroll xieraq, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-Istati Membri biex jistabbilixxu lista tal-bastimenti li huma koperti b'dan ir-Regolament.

(7)

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar ta' dan l-istaġun tas-sajd, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat. Skont ir-rakkomandazzjonijiet konġunti u meta jitqies il-qafas ta' żmien stipulat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art

L-obbligu tal-ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika fil-Baħar l-Iswed għas-sajd tal-barbun imperjali (Psetta maxima) li jinqabad bi xbieki tal-garġi ankrati tal-qiegħ (kodiċi tal-irkaptu (3) GNS)

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “il-Baħar l-Iswed” tfisser l-ilmijiet marittimi fis-Sottożona 29 tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Artikolu 3

Eżenzjoni marbuta mas-sopravvivenza

1.   L-eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li dwarhom l-evidenza xjentifika turi rati għolja ta' sopravvivenza, għandha tapplika fl-2017 għall-barbun imperjali (Psetta maxima) li jinqabad bi xbieki tal-garġi ankrati tal-qiegħ (GNS) fil-Baħar l-Iswed.

2.   Il-barbun imperjali (Psetta maxima) li jinqabad fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi rilaxxat minnufih fiż-żona fejn ikun inqabad.

3.   Sal-1 ta' Mejju 2017, l-Istati Membri li għandhom interess dirett fil-ġestjoni tas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed għandhom iressqu dejta addizzjonali dwar l-iskartar barra dik stipulata fir-Rakkomandazzjoni Konġunta tal-4 ta' Lulju 2016 u kull informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li tappoġġja l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jivvaluta dik id-dejta msemmija fil-paragrafu 3 sa mhux iktar tard minn Lulju tal-2017.

Artikolu 4

Il-lista tal-bastimenti

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw liema bastimenti jkunu suġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art tas-sajd tal-barbun imperjali (Psetta maxima) li jinqabad bi xbieki tal-garġi ankrati tal-qiegħ (GNS).

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2016, permezz tas-sit web sikur ta' kontroll tal-Unjoni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iressqu l-lista tal-bastimenti kollha li jistadu għall-barbun imperjali lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Il-lista trid tinżamm aġġornata.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) — Evaluation of the landing obligation joint recommendations (STECF-16-10). 2016. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, EUR 27758 EN, JRC Scientific and Policy Report, 104 pp. Disponibbli fis-sit https://bookshop.europa.eu/en/reports-of-the-scientific-technical-and-economic-committee-for-fisheries-stecf--pbLBAX16010/?CatalogCategoryID=0A4KABsty0gAAAEjqJEY4e5L

(3)  Il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1). Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'dan ir-regolament jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).


Top