Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0067

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/67 tal-4 ta' Novembru 2016 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, billi tiġi ssupplimentata l-lista tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi f'dak l-Anness

    C/2016/7007

    ĠU L 9, 13.1.2017, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32021R0690

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/67/oj

    13.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 9/2


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/67

    tal-4 ta' Novembru 2016

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, billi tiġi ssupplimentata l-lista tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi f'dak l-Anness

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jitqiesu kif imsemmi fl-Artikolu 10(2)(a) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 huma sodisfatti għall-pesta tan-nagħaġ u tal-mogħoż, elenkati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) bħala pesta tar-ruminanti ż-żgħar, il-ġidri tan-nagħaġ, il-ġidri tal-mogħoż u l-marda tal-infafet fil-ġilda li huma elenkati biss fl-Anness I ta' dak ir-Regolament, li jinkludi mardiet li jikkwalifikaw għal finanzjament skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament rigward miżuri ta' emerġenza.

    (2)

    Il-pesta tan-nagħaġ u tal-mogħoż hija marda virali tan-nagħaġ u tal-mogħoż li tittieħed ħafna, endemika fl-Afrika tal-Lvant, il-Peniżola Għarbija, il-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Indja. Hija komuni ħafna fl-Afrika u l-Asja u ġiet rappurtata fit-Turkija u fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq sa mill-2014.

    (3)

    Il-pesta tan-nagħaġ u tal-mogħoż hija trażmessa permezz ta' kuntatt dirett, u l-marda normalment tiġi trasferita għal żoni ħielsa mill-infezzjoni permezz tat-trasport ta' annimali infettati. Filwaqt li l-mogħoż huma meqjusa li huma aktar suxxettibbli minn nagħaġ, l-infezzjoni f'dawn tal-aħħar tista' tgħaddi minn ġo fihom mingħajr ma jinduna ħadd.

    (4)

    Il-ġidri tan-nagħaġ u tal-mogħoż huwa mard serju u mard li jittieħed malajr ħafna tan-nagħaġ u l-mogħoż ikkawżat minn viruses tal-ġidri tal-kaprini b'impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż, li toħloq xkiel għall-kummerċ fl-Unjoni stess u għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    (5)

    Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huma endemiċi fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u Asjatiċi, b'inkursjonijiet rikorrenti fil-Greċja u fil-Bulgarija minn pajjiż terz ġar.

    (6)

    Il-marda tal-infafet fil-ġilda hija marda virali infettiva ħafna tal-baqar li tista' tiġi trażmessa permezz tal-insetti u li jista' jkollha impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali u tikkawża xkiel għall-kummerċ fl-Unjoni u għall-esportazzjoni għall-pajjiżi terzi. Hija endemika f'ħafna pajjiżi Afrikani, u fis-snin 2012 u 2013, hija nfirxet lejn il-Lvant Nofsani u t-Turkija. Bosta tifqigħat seħħew fil-Greċja sa minn Awwissu 2015 u l-marda xterdet fil-Bulgarija f'Marzu 2016, u sussegwentement għal għadd ta' pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    (7)

    Is-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-marda tal-ġidri tan-ngħaġ, tal-ġidri tal-mogħoż u tal-marda tal-infafet fil-ġilda qed tevolvi b'mod rapidu wkoll fit-territorju tal-Unjoni b'impatt negattiv sinifikanti fuq il-produzzjoni u l-kummerċ tal-bhejjem.

    (8)

    Barra minn hekk, kif mitlub mill-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat opinjoni xjentifika fir-rigward ta' miżuri ta' sorveljanza li għandhom jiġu implimentati mill-Unjoni għall-identifikazzjoni bikrija tal-pesta tal-annimali żgħar li jixtarru (2), il-ġidri tan-nagħaġ, il-ġidri tal-mogħoż (3) u l-marda tal-infafet fil-ġilda (4) biex jirreaġixxu kif xieraq sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-mard u sabiex dan il-mard jinqered f'perjodu ta' żmien qasir.

    (9)

    Għalhekk, sabiex jiġu implimentati programmi ta' sorveljanza annwali jew pluriennali għall-identifikazzjoni bikrija tal-mard imsemmi hawn fuq, jinħtieġ li jiżdiedu l-pesta tan-ngħaġ u tal-mogħoż, il-ġidri tan-ngħaġ, il-ġidri tal-mogħoż u l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-lista tal-mard tal-annimali u taż-żoonożi li tinsab fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 652/2014. L-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta l-lista ta' mard tal-annimali u taż-żoonożi stabbilita fl-Anness II ta' dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista' tissupplimenta l-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 biss billi jiġi emendat dak l-Anness.

    (10)

    Għalhekk l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 652/2014, jiżdied dan il-mard tal-annimali li ġej: “il-pesta tan-ngħaġ u tal-mogħoż, il-ġidri tan-ngħaġ, il-ġidri tal-mogħoż u l-marda tal-infafet fil-ġilda”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Novembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1.

    (2)  EFSA AHAW Panel (EFSA Panel on Animal Health and Welfare), 2015. Scientific Opinion on peste des petits ruminants EFSA Journal 2015;13 (1):3985.

    (3)  EFSA AHAW Panel (EFSA Panel on Animal Health and Welfare), 2014. Scientific Opinion on sheep and goat pox. EFSA Journal 2014;12(11):3885.

    (4)  EFSA AHAW Panel (EFSA Panel on Animal Health and Welfare), 2016. Urgent advice on lumpy skin disease. EFSA Journal 2016;14(8):4573.


    Top