Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L1011

    Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1011 tal-15 ta' Marzu 2017 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/1527

    ĠU L 153, 16.6.2017, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2017/1011/oj

    16.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 153/25


    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1011

    tal-15 ta' Marzu 2017

    li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

    (2)

    Il-ħġieġ b'bażi ta' ċomb jintuża peress li għandu kombinazzjonijiet uniċi ta' proprjetajiet u karatteristiċi, bħall-prestazzjoni tat-trażmissjoni tad-dawl, id-dispersjoni ottika, il-konduttività termali, il-birefrazzjoni u oħrajn.

    (3)

    Il-ħġieġ ottiku mingħajr ċomb ta' disinni alternattivi jeżisti fil-forma ta' ħġieġ mingħajr ċomb, lentijiet tal-plastik u tagħmir b'disinn alternattiv. Madankollu, dawk l-alternattivi ma jistgħux jipprevedu bosta karatteristiċi u l-kombinazzjonijiet tagħhom meta mqabbel mal-ħġieġ b'bażi ta' ċomb.

    (4)

    F'każijiet fejn is-sejba ta' sostituti kienet relattivament sempliċi, dan diġà seħħ u qed jintużaw is-sostituti. L-alternattivi għall-applikazzjonijiet li fadal għadhom mhumiex disponibbli. Għalhekk is-sostituzzjoni għall-medda sħiħa tal-applikazzjonijiet mhijiex possibbli b'mod ġenerali. Iċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi jenħtieġ għalhekk li jiġi eżentat sal-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 1 sa 7 u għall-kategorija 10. Minħabba ċ-ċikli ta' innovazzjoni ta' dawn it-tipi ta' applikazzjonijiet ottiċi, id-durata ta' din l-eżenzjoni mhux mistennija jkollha impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

    (5)

    Id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mis-6 ta' Lulju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mis-6 ta' Lulju 2018.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati b'mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Marzu 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


    ANNESS

    Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 13(a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “13(a)

    Iċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi

    Tapplika għall-kategoriji kollha; tiskadi:

    fil-21 ta' Lulju 2023 għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro tal-kategorija 8;

    fil-21 ta' Lulju 2024 għall-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali tal-kategorija 9 u għall-kategorija 11;

    fil-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji u s-subkategoriji l-oħrajn kollha”


    Top