Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2457

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2457 tat-18 ta' Diċembru 2017 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

ĠU L 348, 29.12.2017, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2457/oj

Related international agreement

29.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2457

tat-18 ta' Diċembru 2017

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistipula l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri.

(2)

Ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu (“l-Eġittu”) esprimiet ix-xewqa tagħha li tissieħeb fi PRIMA bħala Stat Parteċipant u fl-istess livell tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati ma' Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) li jipparteċipaw fi PRIMA.

(3)

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, l-Eġittu jsir Stat Parteċipant fi PRIMA soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Eġittu fi PRIMA.

(4)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2210 (3) il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta' Ottubru 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar 'il quddiem.

(5)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 4(2) tal-Ftehim (5).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  Kunsens tat-30 ta' Novembru 2017 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li pparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2210 tal-25 ta' Settembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (ĠU L 316, 1.12.2017, p. 7).

(4)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 316, 1.12.2017, p. 9 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top