Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2320

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2320 tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-boroż nazzjonali tat-titoli u sistemi alternattivi tan-negozju skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/8570

    ĠU L 331, 14.12.2017, p. 94–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2320/oj

    14.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 331/94


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2320

    tat-13 ta' Diċembru 2017

    dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-boroż nazzjonali tat-titoli u sistemi alternattivi tan-negozju skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(4)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Jenħtieġ abbażi tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li d-ditti ta' investiment jiżguraw li t-twettiq ta' negozjar f'ishma ammessi għan-negozjar fi swieq regolati, jew innegozjati f'ċentri tan-negozjar għandu jsir fi swieq regolati, faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs - multilateral trading facilities) jew f'internalizzaturi sistematiċi, jew f'ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi vvalutati mill-Kummissjoni bħala ekwivalenti f'konformità mal-Artikolu 25(4)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    (2)

    L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplika obbligu tan-negozjar fir-rigward ta' ishma biss. Dan l-obbligu tan-negozjar ma jikkompromettix strumenti oħra ta' ekwità, bħal irċevuti tad-depożiti, ETF, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra.

    (3)

    Il-proċedura ta' ekwivalenza għal ċentri tan-negozjar stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25(4)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE għandha l-għan li tippermetti lid-ditti ta' investiment biex iwettqu negozjar f'ishma li huma soġġetti għall-obbligu ta' negozjar fl-Unjoni, rigward ċentri tan-negozjar f'pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgurax li ċentru tan-negozjar awtorizzat f'dak il-pajjiż terz huwiex konformi mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), mit-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), mit-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mid-Direttiva 2004/109/KE, li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Dan għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet segwiti minn dawn l-atti, b'mod partikolari, il-kontribuzzjoni tagħhom għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investitur u finalment, imma mhux anqas importanti, l-istabbiltà finanzjarja.

    (4)

    F'konformità mar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 25(4)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE, qafas ġuridiku u superviżorju ta' pajjiż terz jista' jitqies bħala ekwivalenti fejn dak il-qafas jissodisfa tal-anqas il-kundizzjonijiet li (a) is-swieq huma soġġetti għal awtorizzazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa (b) is-swieq ikollhom regoli ċari u trasparenti fir-rigward tal-ammissjoni ta' titoli għan-negozjar sabiex dawn it-titoli jkunu jistgħu jiġu nnegozjati b'mod ġust, effiċjenti u b'ordni, u jkunu negozjabbli liberament, (c) l-emittenti ta' titoli għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta' informazzjoni perjodika u kontinwa sabiex tiġi żgurata livell għoli ta' protezzjoni għall-investitur, u (d) it-trasparenza u l-integrità tas-suq jiġu żgurati permezz tal-prevenzjoni ta' abbuż tas-suq fil-forma ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

    (5)

    L-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa li jiġi evalwat inter alia jekk rekwiżiti li huma legalment vinkolanti li huma applikabbli fl-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti tal-Amerika” jew “l-Istati Uniti”)għall-boroż nazzjonali tat-titoli (“NSE”) u sistemi alternattivi tan-negozju (“ATS”) stabbiliti fih u li huma reġistrati ma' u taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti (“SEC”) u huma ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 596/2014, mit-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE, mit-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mid-Direttiva 2004/109/KE, li huma soġġetti għas-superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz.

    (6)

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li s-swieq huma soġġetti għal awtorizzazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa; It-Taqsima 3(a)(1) tal-Att dwar il-Kambju tat-Titoli tal-1934 (l-“Att dwar il-Kambju”) tiddefinixxi skambju bħala kull organizzazzjoni, assoċjazzjoni, jew grupp ta' persuni li jikkostitwixxi, iżomm jew jipprovdi suq jew faċilitajiet li jlaqqgħu flimkien xerrejja u bejjiegħa ta' titoli jew inkella jwettqu b'xi mod ieħor fir-rigward ta' titoli l-funzjonijiet komunament imwettqa minn borża. It-terminu “skambju” huwa definit aktar skont ir-Regola SEC 3b-16 bħala organizzazzjoni, assoċjazzjoni jew grupp ta' persuni li (1) jiġbru flimkien l-ordnijiet għal titoli ta' diversi xerrejja u bejjiegħa u (2) jużaw metodi stabbiliti u mhux diskrezzjonali (sew jekk billi jipprovdu faċilità tan-negozjar jew billi jistabbilixxu regoli) li taħthom dawk l-ordnijiet għandhom jinteraġixxu ma' xulxin u x-xerrejja u l-bejjiegħa li jagħmlu tali ordnijiet jaqblu għat-termini tan-negozjar. B'mod xieraq, skambju għandu jopera sistema multilaterali b'konformità ma' regoli mhux diskrezzjonali. Skambju għandu jirreġistra mas-SEC bħala NSE jew għandu jirreġistra mas-SEC bħala sensara-negozjant u jikkonforma mar-Regolament ATS.

    (7)

    Barra minn hekk, NSE għandha tipprovdi lil membri b'aċċess imparzjali għas-swieq u s-servizzi tagħha. Il-kriterja ta' aċċess għandhom ikunu aktar trasparenti u ma għandhomx jiġu applikati b'mod inġust u diskriminatorju. Għal dan il-għan, NSE hija mistennija li tistabbilixxi regoli li jippreskrivu l-mezzi li bihom kwalunkwe sensar-negozjant reġistrat jista' japplika biex isir membru. Is-SEC, skont it-Taqsima 19(b) tal-Att dwar il-Kambju, tevalwa r-regoli għall-ammissjoni ma' NSE. Filwaqt li NSE għandha jkollha standards raġonevoli għal aċċess, dawn l-istandards għandhom jaġixxu biex jipprojbixxu ċaħdiet ta' aċċess li huma diskriminatorji mingħajr ebda raġun. NSE għandha tiċħad l-isħubija għal kull sensar-negozjant mhux reġistrat u tista' tiċħad l-isħubija għal kwalunkwe sensar-negozjant li huwa suġġett għal skwalifika statutorja.

    (8)

    It-Taqsima 242.300 tat-Titolu 17 tal-Parti 242 tal-Kodiċi tar-Regolamenti Federali (ir-“Regolament ATS”) tiddefinixxi ATS bħala kull organizzazzjoni, assoċjazzjoni, persuna, grupp ta' persuni jew sistema li tipprovdi suq li jlaqqa' flimkien xerrejja u bejjiegħa ta' titoli jew li inkella jwettqu b'xi mod ieħor fir-rigward ta' titoli l-funzjonijiet komunament imwettqa minn borża fi ħdan it-tifsira tar-Regola dwar l-Att ta' Skambju 3b-16. Skont ir-Regolament ATS, entità li taqa' fl-ambitu tad-definizzjoni ta' skambju għandha tirreġistra bħala NSE jew bħala sensar-negozjant u tikkonforma mar-Regolament ATS. ATS għandha topera sistema multilaterali fejn il-parteċipanti jeżegwixxu tranżazzjonjiet b'konformità ma' regoli mhux diskrezzjonali. L-ATS li jammontaw għal 5 % jew aktar tal-volum medju ta' kuljum tan-negozjar fi ħdan ċertu perjodu ta' żmien fi kwalunkwe titolu ta' ekwità għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' aċċess ġust fit-Taqsima 242.301(b)(5)(ii) tar-Regolament ATS. B'mod speċifiku, għandhom jistabbilixxu standards bil-miktub għall-għoti ta' aċċess għan-negozjar fit-titolu rilevanti għas-sistemi tagħhom u jżommu dawn l-istandards fir-reġistri tagħhom. ATS hija pprojbita milli tirrestrinġi jew tillimita mingħajr raġuni, kull persuna fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-servizzi tagħha għal dawk it-titoli ta' ekwità li għalihom l-ATS tammonta għal 5 % jew aktar tal-volum medju ta' kuljum tan-negozjar fil-perjodu ta' żmien applikabbli, u ma għandhiex tapplika dawn l-istandards b'mod inġust jew diskriminatorju. L-istandards ta' aċċess jiġu pprovduti lis-SEC fuq talba.

    (9)

    L-erba' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(4)(a) fis-subparagrafu 4 tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jiġu ssodisfati biex jiddeterminaw li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz fir-rigward tal-NSE u l-ATS awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva 2014/65/UE.

    (10)

    Skont l-ewwel kundizzjoni, iċ-ċentri tan-negozjar f'pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

    (11)

    NSE għandha tkun irreġistrata minn SEC qabel ma jista' jibda l-operat tagħha. Is-SEC tagħti reġistrazzjoni jekk hija ssib li r-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-applikant huma sodisfatti. Is-SEC għandha tiċħad reġistrazzjoni jekk l-esportatur ma jilħaqx dawn ir-rekwiżiti (it-Taqsima 19(a)(1) tal-Att dwar il-Kambju tat-Titoli). L-Att dwar il-Kambju jirrikjedi li skambju jkollu arranġamenti stabbiliti biex jindirizza t-tipi kollha ta' kondotta u attività liapplikant xtaq iwettaq. Ladarba jkunu rreġistrati, l-NSE huma meħtieġa jżommu r-regoli, l-politiki u l-proċeduri konsistenti mal-obbligi statutorji tagħhom, u li jkollhom il-kapaċità li jwettqu l-obbligi tagħhom. Meta tirreġistra, NSE ssir Organizzazzjoni ta' Awtoregolamentazzjoni (“SRO”). F'din il-kapaċità, l-NSE jimmonitorjaw u jinfurzaw il-konformità mill-membri tagħhom u mill-persuni assoċjati mal-membri tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kambju, mar-regoli u r-regolamenti tiegħu u skont ir-regoli proprji tagħhom. F'każ ta' nuqqas ta' konformità mill-membri mar-regoli tal-NSE, fil-kapaċità tagħhom bħala SROs, l-NSE huma meħtieġa jindirizzaw kull ksur potenzjali tar-regoli tas-suq jew il-liġijiet federali ta' titoli mill-membri tagħhom. Huma wkoll meħtieġa jinfurmaw lis-SEC dwar ksur sinifikanti.

    (12)

    ATS għandha tikkonforma mar-Regolament ATS, li jirrikjedi, fost affarijiet oħra, li ATS tirreġistra mas-SEC bħala sensar-negozjant skont it-Taqsima 15 tal-Att dwar il-Kambju tat-Titoli. Bħala sensara-negozjanti, l-ATS għandhom isiru membru ta' mill-inqas SRO waħda, bħall-Awtorità Regolatorja tal-Industrija Finanzjarja (il-“FINRA”). L-applikant sensar-negozjant għandu jippreżenta informazzjoni dwar l-isfond tiegħu, inkluż it-tip ta' negozju li fih jipproponi li jimpenja ruħu, l-identità tas-sidien diretti u indiretti tal-applikant, u persuni oħra ta' kontroll, inklużi uffiċjali eżekuttivi u jekk l-applikant jew kwalunkwe wieħed mill-affiljati tiegħu ta' kontroll kienux soġġetti għal proċedimenti kriminali, azzjonijiet regolatorji jew azzjonijiet ċivili f'konnessjoni ma' kwalunkwe attività marbuta mal-investiment. Is-SEC għandha tiċħad reġistrazzjoni jekk l-esportatur ma jilħaqx dawn ir-rekwiżiti (it-Taqsima 15 tal-Att dwar il-Kambju tat-Titoli).

    (13)

    Skont il-qafas tal-Istati Uniti, konformità kontinwa mar-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni inizjali hija kundizzjoni għar-reġistrazzjoni kompluta għal NSE u ATS. L-NSE u l-ATS rreġistrati huma t-tnejn li huma meħtieġa biex iżommu r-regoli, l-politiki u l-proċeduri konsistenti mal-obbligi tagħhom taħt il-liġijiet u r-regoli federali ta' titoli, u biex ikollhom il-kapaċità li jwettqu l-obbligi tagħhom.

    (14)

    Fir-rigward ta' superviżjoni effikaċi, l-Att dwar it-Titoli tal-1933 (“l-Att dwar it-Titoli”) u l-Att dwar il-Kambju jikkostitwixxu s-sorsijiet prinċipali tal-leġiżlazzjoni primarja li tistabbilixxi reġim ġuridikament vinkolanti għan-negozjar ta' titoli fl-Istati Uniti tal-Amerka. L-Att dwar il-Kambju jagħti setgħa lis-SEC b'awtorità wiesa' fuq l-aspetti kollha fl-industrija tat-titoli, inkluż is-setgħa li tirreġistra, tirregola u timmonitorja sensara-negozjanti, inklużi l-ATS, aġenti tat-trasferiment u l-aġenziji tal-ikklerjar, kif ukoll l-SRO tal-Istati Uniti li jinkludu skambji ta' titoli u l-FINRA. L-Att dwar il-Kambju jidentifika u jipprojbixxi wkoll ċerti tipi ta' kondotta fis-swieq u jipprovdi lis-SEC b'setgħat dixxiplinarji fuq entitajiet regolati u persuni assoċjati magħhom. L-Att dwar il-Kambju jagħti setgħa wkoll lis-SEC biex jeħtieġu rappurtar perjodiku ta' informazzjoni minn kumpaniji b'titoli nnegozjati pubblikament. l-awtoregolamentazzjoni tal-intermedjarji tas-suq permezz ta' sistema ta' SRO hija waħda mill-elementi ewlenin tal-qafas regolatorju tal-Istati Uniti. Abbażi tal-qafas tal-Istati Uniti, SRO, bħala regolaturi, huma primarjament responsabbli li jistabbilixxu r-regoli li skonthom il-membri tagħhom iwettqu l-kummerċ u li jimmonitorjaw il-modi kif il-membri tagħhom iwettqu l-kummerċ. F'każ ta' nuqqas ta' konformità mill-membri mar-regoli tal-ATS, fil-kapaċità tagħhom bħala SRO, l-ATS huma meħtieġa jindirizzaw kull ksur potenzjali tar-regoli tas-suq jew il-liġijiet federali ta' titoli mill-membri tagħhom. Huma wkoll meħtieġa jinfurmaw lis-SEC dwar ksur sinifikanti.

    (15)

    L-Att dwar il-Kambju jirrikjedi lill-NSE kollha rreġistrati biex jinfurzaw il-konformità mill-membri tagħhom u mill-persuni assoċjati mal-membri tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kambju, mar-regoli u r-regolamenti tiegħu u skont ir-regoli proprji tagħhom. Bħala parti mis-superviżjoni kontinwa tagħhom tal-NSE, is-SEC tevalwa l-abbiltà ta' kull skambju fl-istħarriġ tagħhom tal-membri tagġhom u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. L-NSE għandha tindirizza kull ksur potenzjali tar-regoli tas-suq jew tal-liġijiet federali tat-titoli mill-membri tagħha u tirraporta tali ksur potenzjali lis-SEC. Bħala parti mid-dmirijiet tagħha biex tinforza l-konfomità mill-membri tagħha, kull NSE hija responsabbli għall-investigazzjoni u d-dixxiplinar ta' kull ksur tal-Att dwar il-Kambju, u r-regoli u r-regolamenti tiegħu. Is-SEC tista' tinvestiga u tħarrek ukoll, għad-diskrezzjoni tagħha, kull ksur tal-Att dwar il-Kambju u r-regoli tiegħu. FINRA, SRO għal sensara-negozjanti, inklużi ATS, hija meħtieġa tinforza l-konformità mill-membri tagħha, inklużi ATS, mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kambju, ir-regoli u r-regolamenti li jaqgħu taħtu, u r-regoli proprji tiegħu. Ir-regoli tal-SRO tas-SEC huma wkoll soġġetti għal reviżjoni tal-SEC. Jekk is-SEC issib li SRO falliet mingħajr ebda ġustifikazzjoni jew skuża raġonevoli, milli tinforza konformità ma' kwalunkwe dispożizzjoni bħal din minn membru jew minn persuna assoċjata ma' membru, hi jkollha s-setgħa li timponi sanzjonijiet kontra l-SRO skont it-Taqsima 19(h) tal-Att dwar il-Kambju. Skont it-Taqsima 21 tal-Att dwar il-Kambju, is-SEC tista' tinvestiga ksur u tagħmel sanzjonijiet kontra membri tal-SRO li jiksru regola tal-SRO. Bħala parti mis-superviżjoni kontinwa tagħhom tal-SROs, is-SEC tevalwa l-abbiltà ta' kull NSE u FINRA biex tissorvelja l-membri tagħhom u l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. L-NSE u l-ATS huma meħtieġa jinfurmaw is-SEC b'kull bidla fir-regoli.

    (16)

    Fir-rigward tal-infurzar effettiv, is-SEC għandha awtorità wiesa' biex tinvestiga ksur attwali jew potenzjali tal-liġijiet federali tat-titoli, inkluż l-Att dwar il-Kambju u r-regoli tiegħu. Is-SEC tista' takkwista rekords minn entitajiet regolati skont is-setgħat superviżorji tagħha. Barra minn hekk, skont l-awtorità ta' taħrika tagħha, is-SEC tista' tobbliga l-produzzjoni ta' dokumenti jew testimonji minn kwalunkwe persuna jew entità fi ħdan l-Istati Uniti. Is-SEC għandha l-awtorità li tieħu azzjonijiet ta' infurzar billi tagħti bidu għal azzjonijiet ċivili f'qorti federali distrettwali jew billi tibda proċedimenti amministrattivi quddiem imħallef tal-liġi amministrattiva tas-SEC għal ksur tal-liġijiet federali ta' titoli, inkluż abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq. F'azzjonijiet ċivili, is-SEC tista' tfittex ċedimenti ta' profitti illegali, imgħax qabel id-deċiżjoni ġudizzjarja, sanzjonijiet ta' flus ċivili, inġunzjonijiet, ordni li jipprojbixxi persuna milli sservi bħala uffiċjal jew direttur ta' kumpanija pubblika jew milli tipparteċipa f'offerta ta' stokk ta' pennies, kif ukoll assistenza anċillari oħra (bħal kontabilità minn konvenut). F'azzjonijiet amministrattivi, sanzjonijiet jistgħu jinkludu ċensuri, limitazzjonijiet fuq l-attivitajiet, pieni ċivili minbarra ċedimenti ta' profitti illegali jew sanzjonijiet kontra individwi, jew revoka fuq ir-reġistrazzjoni ta' entità. Is-SEC għandha s-setgħa li tieħu azzjoni ta' infurzar kontra SRO (pereżempju, NSE jew FINRA) għal nuqqas ta' aġir jew għal nuqqas mit-twettiq tal-funzjonijiet meħtieġa.

    (17)

    Is-SEC għandha awtorità wkoll li tinvestiga u tieħu azzjoni dixxiplinarja jew azzjonijiet oħra ta' infurzar kontra ATS għal ksur tal-liġijiet federali tat-titoli tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, is-SEC hija awtorizzata li tikkoordina l-azzjonijiet ta' infurzar tagħha ma' kontropartijiet domestiċi u internazzjonali. Pereżempju, is-SEC tista' tirreferi kwistjoni lid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti għal prosekuzzjoni kriminali jew lil korpi kriminali jew regolatorji oħrajn biex jieħdu azzjoni fuq kwalunkwe punt matul inkjesta jew investigazzjoni. Barra minn hekk, is-SEC għandha l-awtorità li taqsam informazzjoni mhux pubblika fil-pussess tagħha ma' kontropartijiet domestiċi u internazzjonali.

    (18)

    Għalhekk jista' jiġi konkluż li NSE u ATS irreġistrati mas-SEC tal-Istati Uniti jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni u superviżjoni effettivi fuq bażi kontinwa.

    (19)

    Skont it-tieni kundizzjoni, iċ-ċentri tan-negozjar ta' pajjiż terz għandhom ikollhom regoli ċari u trasparenti dwar l-ammissjoni tat-titoli għan-negozjar sabiex it-tali titoli jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati b'mod ġust, ordnat u effiċjenti, u jkunu liberament negozjabbli.

    (20)

    Skont l-Artikolu 12(a) tal-Att tal-Kambju, it-titoli ikkwotati fuq NSE tal-Istati Uniti għandhom jiġu rreġistrati fuq NSE mill-emittent. Ir-reġistrazzjoni ta' titolu tirrikjedi mingħand l-emittent li jagħmel talba mal-borża fejn ikun hemm ikkwotati t-titoli tiegħu; l-emittent għandu wkoll jippreżenta dikjarazzjonijiet ta' reġistrazzjoni lis-SEC. L-awtorità ta' kambju tiċċertifika mas-SEC ladarba t-titolu jiġi approvat mill-NSE għall-kwotazzjoni u r-reġistrazzjoni. It-titoli kollha nnegozjati f'NSE u titoli ikkwotati ta' negozjar tal-ATS għandhom jissodisfaw standards ta' kwotazzjoni stipulati fir-regoli ta' skambju tal-elenkar, li għandhom jiġu ppreżentati mas-SEC fit-Taqsima 19(b) tal-Att dwar il-Kambju u r-Regola 19b-4. It-titoli mhux ikkwotati nnegozjati pubblikament fuq ATS huma soġġetti għal regoli ta' divulgazzjoni tas-SEC u standards oħra għal titoli nnegozjati pubblikament. Ir-regoli tas-SEC u standards ta' kwotazzjoni jirrikjedu lill-emittenti li jiżvelaw tagħrif f'waqtu li jista' jkun materjali lill-investituri jew li x'aktarx ikollu effett sinifikattiv fuq il-prezz ta' titoli ta' emittent. It-Taqsima 10A(m) u r-Regola 10A-3 tagħha tidderieġi wkoll lil kull NSE milli tipprojbixxi l-kwotazzjoni ta' kwalunkwe titolu ta' emittent li mhuwiex f'konformità mar-rekwiżiti ta' kumitat ta' awditjar stipulati fl-istatut u fir-regola. L-Att dwar it-Titoli jirrikjedi li l-investituri jirċievu informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra sinifikanti dwar titoli offruti għall-bejgħ pubbliku u l-emittenti tagħhom, u jipprojbixxi l-ingann, rappreżentazzjoniet ħżiena u frodi oħrajn fil-bejgħ ta' titoli. L-NSE huma meħtieġa jkollhom regoli ċari u trasparenti rigward l-ammissjoni tat-titoli għan-negozjar. It-titoli għandhom ikunu liberament negozjabbli u jissodisfaw ċerti kriterji fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' titoli lill-pubbliku u informazzjoni dwar is-sigurtà u l-emittent li huma meħtieġa sabiex ikun ivvalutat it-titolu. NSE ma tistax tirreġistra titoli li għalihom l-informazzjoni dwar it-titoli u l-emittent ma tkunx disponibbli pubblikament. Finalment, in-negozjar ta' titoli b'mod ordnat fuq NSE jew ATS huwa assigurat mis-setgħat tas-SEC biex jissospendu n-negozjar u biex joħorġu ordnijiet ta' emerġenza taħt ċerti ċirkostanzi. Skont it-Taqsima 12(k)(1)(A) tal-Att dwar il-Kambju, jekk l-interess pubbliku u l-protezzjoni tal-investituri jirrikjedu dan, is-SEC tista' toħroġ ordni b'mod sommarju biex temporanjament tissospendi n-negozjar kollu f'titolu speċifiku.

    (21)

    Il-qafas regolatorju tal-Istati Uniti jinkludi rekwiżiti għall-għoti ta' informazzjoni ta' qabel lill-parteċipanti tas-swieq. Il-liġijiet u r-regoli tat-titoli u r-regoli tal-SRO jirrikjedu r-rappurtar fil-ħin reali tal-aħjar offerti u daqsijiet ta' referenza għal kull titolu fuq NSE u AST li jinnegozjaw 5 % jew aktar tal-volum f'kull stokk tal-NMS u juru l-ordnijiet lil kull persuna. Il-limitu ta' 5 % huwa bbażat fuq ir-Regola 301(b)(3) u (b)(5) u huwa kkalkulat bl-użu tal-volumi tal-ishma rrappurtati lit-tejpijiet ikkonsolidati tal-Istati Uniti. Is-SEC għandha l-awtorità li teżamina ATS għall-konformità ma' liġijiet federali ta' titoli u r-Regolament ATS, inkluż jekk ATS qabżitx dan il-limitu ta' 5 % u tkun konformi, kif xieraq, mar-rekwiżit tar-Regola 301(b)(3) tar-Regolament ATS. Taħt ir-Regola 602 tas-SEC, kull NSE hija meħtieġa tiġbor, tipproċessa u tagħmel disponibbli għall-bejjiegħa, l-aħjar offerta u daqsijiet ta' referenza aggregat għal kull titolu tas-suġġett. L-informazzjoni hija disponibbli b'mod wiesa' għall-pubbliku fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Fl-interess pubbliku u kif xieraq għall-protezzjoni ta' investituri u ż-żamma ta' swieq ġusti u ordnati, skont it-Taqsima 11A(a)(1)(C) tal-Att dwar il-Kambju u r-regoli tiegħu, l-NSE huma meħtieġa jiżguraw d-disponibbiltà għal sensara, negozjanti u investituri ta' informazzjoni fir-rigward ta' kwotazzjonijiet u tranżazzjonijiet ta' titoli. Il-qafas regolatorju tal-Istati Uniti jinkludi wkoll informazzjoni ta' wara n-negozjar, inkluż il-prezz, il-volum u l-ħin tat-tranżazzjonijiet, lill-parteċipanti fis-suq b'mod regolari. Ir-Regola 601(a) skont ir-Regolament NMS tirrikjedi skambji u li FINRA jdaħħlu pjanijiet ta' rappurtar ta' tranżazzjonijiet għall-approvazzjoni mas-SEC. Ir-regoli tas-SEC u tal-SRO jirrikjedu r-rappurtaġġ f'ħin reali ta' tranżazzjonijiet dwar skambji u dwar ATS. Is-sensara-negozjanti, inklużi l-ATS għandhom jissottomettu informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet lill-FINRA għat-tixrid.

    (22)

    Jista' għalhekk jiġi konkluż li NSE u ATS irreġistrati mas-SEC tal-Istati Uniti jkollhom regoli ċari u trasparenti dwar l-ammissjoni tat-titoli għan-negozjar sabiex it-tali titoli jkunu jistgħu jiġu nnegozjati b'mod ġust, ordnat u effiċjenti, u jkunu liberament negozjabbli.

    (23)

    Skont it-tielet kundizzjoni, l-emittenti tat-titoli għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta' informazzjoni perjodiċi u kontinwi li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-investitur.

    (24)

    L-emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għan-negozjar fuq NSE tal-Istati Uniti huma meħtieġa jippubblikaw rapporti finanzjarji annwali u ta' interim. L-emittenti u l-kumpaniji kkwotati li l-ishma tagħhom huma ammessi għan-negozjar huma soġġetti wkoll għar-rekwiżiti ta' rappurtar skont it-Taqsima 13(a) jew it-Taqsima 15(d) tal-Att dwar il-Kambju. It-titoli ammessi għan-negozjar f'NSE tal-Istati Uniti jistgħu jiġu nnegozjati wkoll fuq NSE ieħor jew fuq ATS. L-obbligu ta' rappurtar applikabbli għal tali emittenti ta' rappurtar japplika irrispettivament mill-post fejn isiru n-negozji individwali. L-iżvelar ta' informazzjoni komprensiva u f'waqtha dwar emittenti ta' titoli jippermetti lill-investituri biex jivvalutaw il-prestazzjoni tan-negozju tal-emittenti u jiżgura trasparenza xierqa għal investituri permezz ta' fluss regolari ta' informazzjoni.

    (25)

    Jista' għalhekk jiġi konkluż li emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għan-negozjar ma' NSE u ATS huma soġġetti għal rekwiżiti ta' informazzjoni perjodiċi u kontinwi li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-investitur.

    (26)

    Skont ir-raba' kundizzjoni, il-qafas superviżorju u legali ta' pajjiż terz għandu jiżgura' t-trasparenza tas-suq u l-integrità billi jipprevjeni l-abbuż tas-suq fil-forma ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

    (27)

    Il-liġijiet federali tat-titoli tal-Istati Uniti tal-Amerka jistabbilixxu qafas regolatorju komprensiv biex jiżguraw l-integrità tas-suq u jipprevjenu abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq. Dan il-qafas jipprojbixxi u jawtorizza s-SEC milli tieħu azzjoni ta' infurzar kontra kondotta li tista' tirriżulta fid-distorsjoni tal-funzjonament tas-swieq, bħall-manipulazzjoni tas-suq u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni falza jew qarrieqa (inklużi fit-Taqsimiet 9(a), 10(b), 14(e), 15(c) tal-Att dwar il-Kambju, u r-Regola 10b-5 tiegħu.) Il-liġijiet federali tat-titoli jipprojbixxu abbuż minn informazzjoni privileġġata (pereżempju, it-Taqsima 17(a) tal-Att dwar it-Titoli, it-Taqsima 10(b) tal-Att dwar il-Kambju u r-Regola 10b-5 tiegħu). Is-SEC tista' tressaq azzjoni ta' infurzar kontra persuna talli xtrat jew biegħet titoli abbażi ta' informazzjoni materjali u mhux pubblika miksuba jew użata fi ksur ta' dmir fiduċjarju jew dmir ta' fiduċja jew kunfidenza, jew talli kkomunikat tali informazzjoni bi ksur ta' dmir (it-Taqsima 17(a) tal-Att dwar it-Titoli u t-Taqsima 10(b) u r-Regola 10b-5 tal-Att dwar il-Kambju).

    (28)

    Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-qafas superviżorju u legali tal-Istati Uniti jiżgura t-trasparenza tas-suq u l-integrità billi jipprevjeni l-abbuż tas-suq fil-forma ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

    (29)

    Għalhekk jista' jerġa' jiġi konkluż li l-qafas superviżorju u legali li jirregola l-NSE u l-ATS irreġistrati mas-SEC jissodisfa l-erba' kundizzjonijiet fuq imsemmija għal arranġamenti legali u superviżorji u għalhekk għandu jitqies li jipprovdi sistema ekwivalenti għar-rekwiżiti għaċ-ċentri għan-negozjar stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u d-Direttiva 2004/109/KE.

    (30)

    Id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-qafas legali u superviżorju li jiggoverna NSE u ATS irreġistrati mas-SEC li fuqu ishma li huma ammessi għan-negozjar fl-UE huma nnegozjati wkoll skont ammissjoni separata għan-negozjar ta' NSE. Din id-deċiżjoni għalhekk ma tkoprix ATS fejn ishma ammessi għan-negozjar fl-UE jiġu nnegozjati mingħajr ma jkun inkiseb dak id-dħul separat.

    (31)

    Id-deċiżjoni se tkun ikkumplimentata wkoll minn arranġamenti ta' kooperazzjoni biex jiġi żgurat il-kambju effettiv ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u s-SEC.

    (32)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati ma' NSE u ATM applikabbli fl-Istati Uniti fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tkompli bil-monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għal dawn iċ-ċentri tan-negozjar, żviluppi fis-suq, l-effettività ta' kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

    (33)

    Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżamijiet regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għal NSE u ATS fl-Istati Uniti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja li l-Kummissjoni terġa' tivvaluta l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari meta wieħed iqis l-esperjenza akkwista fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta' negozjar fuq ATS wara sena mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Kwalunkwe valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir ta' din id-Deċiżjoni.

    (34)

    Meta wieħed jikkunsidra li r-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mit-3 ta' Jannar 2018, huwa neċessarju li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (35)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti tal-Amerka, applikabbli għal kambji tat-titoli nazzjonali u sistemi alternattivi tan-negozju reġistrati mal-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju, kif stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti għas-swieq regolati kif definit fid-Direttiva 2014/65/UE li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 596/2014, mit-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE, mit-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mid-Direttiva 2004/109/KE, u għandu jkun soġġett għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84)

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).


    ANNESS

    Boroż nazzjonali tat-titoli rreġistrati mal-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti u li huma kkunsidrati ekwivalenti għas-swieq regolati kif definiti fid-Direttiva 2014/65/UE:

    (a)

    BOX Options Exchange LLC

    (b)

    Cboe BYX Exchange, Inc. (magħruf qabel bħala Bats BYX Exchange, Inc.; BATS Y-Exchange, Inc.)

    (c)

    Cboe BZX Exchange, Inc. (magħruf qabel bħala Bats BZX Exchange, Inc.; BATS Exchange, Inc.)

    (d)

    Cboe C2 Exchange, Inc.

    (e)

    Cboe EDGA Exchange, Inc. (magħruf qabel bħala Bats EDGA Exchange, Inc.; EDGA Exchange, Inc.)

    (f)

    Cboe EDGX Exchange, Inc. (magħruf qabel bħala Bats EDGX Exchange, Inc.; EDGX Exchange, Inc.)

    (g)

    Cboe Exchange, Inc.

    (h)

    Chicago Stock Exchange, Inc.

    (i)

    The Investors Exchange LLC

    (j)

    Miami International Securities Exchange

    (k)

    MIAX PEARL, LLC

    (l)

    Nasdaq BX, Inc. (formerly NASDAQ OMX BX, Inc.; Boston Stock Exchange)

    (m)

    Nasdaq GEMX, LLC (magħruf qabel bħala ISE Gemini)

    (n)

    Nasdaq ISE, LLC (magħruf qabel bħala International Securities Exchange, LLC)

    (o)

    Nasdaq MRX, LLC (magħruf qabel bħala ISE Mercury)

    (p)

    Nasdaq PHLX LLC (magħruf qabel bħala NASDAQ OMX PHLX, LLC; Philadelphia Stock Exchange)

    (q)

    The Nasdaq Stock Market

    (r)

    New York Stock Exchange LLC

    (s)

    NYSE Arca, Inc.

    (t)

    NYSE MKT LLC (magħruf qabel bħala NYSE AMEX u American Stock Exchange)

    (u)

    NYSE National, Inc. (magħruf qabel bħala National Stock Exchange, Inc.)

    Sistemi alternattivi ta' negozjar irreġistrati mal-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti u li huma kkunsidrati ekwivalenti għas-swieq regolati kif definiti fid-Direttiva 2014/65/UE:

    (a)

    Aqua Securities L.P.

    (b)

    ATS-1

    (c)

    ATS-4

    (d)

    ATS-6

    (e)

    Barclays ATS

    (f)

    Barclays DirectEx

    (g)

    BIDS Trading, L.P.

    (h)

    CIOI

    (i)

    CitiBLOC

    (j)

    CITICROSS

    (k)

    CODA Markets, Inc

    (l)

    Credit Suisse Securities (USA) LLC

    (m)

    Deutsche Bank Securities, Inc

    (n)

    eBX LLC

    (o)

    Instinct X

    (p)

    Instinet Continuous Block Crossing System (CBX)

    (q)

    Instinet, LLC (Instinet Crossing, Instinet BLX)

    (r)

    Instinet, LLC (BlockCross)

    (s)

    JPB-X

    (t)

    J.P. Morgan ATS (“JPM-X”)

    (u)

    JSVC LLC

    (v)

    LiquidNet H2O ATS

    (w)

    Liquidnet Negotiation ATS

    (x)

    Luminex Trading & Analytics LLC

    (y)

    National Financial Services, LLC

    (z)

    POSIT

    (aa)

    SIGMA X2

    (bb)

    Spot Quote LLC

    (cc)

    Spread Zero LLC

    (dd)

    UBS ATS

    (ee)

    Ustocktrade

    (ff)

    Virtu MatchIt

    (gg)

    XE


    Top