Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2301

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2301 tal-4 ta' Diċembru 2017 dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE

    ĠU L 329, 13.12.2017, p. 45–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2301/oj

    13.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 329/45


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2301

    tal-4 ta' Diċembru 2017

    dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 209(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“AKP”), minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”), ġie ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000. Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2003.

    (2)

    Skont l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, l-Annessi Ia, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, rieżaminati u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp tal-AKP-UE.

    (3)

    Skont l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

    (4)

    Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE ddeċieda li jagħti delega tas-setgħat tiegħu lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE f'Dakar matul il-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali Konġunt tas-6 ta' Mejju 2017, għall-fini li tittieħed deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE qabel il-31 ta' Diċembru 2017.

    (5)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi meħuda f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, peress li d-Deċiżjoni ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (6)

    Id-Deċiżjoni ser tapplika għall-Anness II il-Kapitolu 3 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u timmira biex jitjieb il-funzjonament tas-sistema ta' finanzjament għal appoġġ fil-każ ta' xokkijiet eżoġeni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jistgħu jiftehmu dwar tibdil minuri għall-abbozz ta' Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    U. PALO


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/2017 TAL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

    ta'… 2017

    dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE

    IL- KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1),, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu, flimkien mal-Artikoli 15(4) u 16(2);

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“AKP”) minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”) jistipula li sistema ta' mekkaniżmu ta' appoġġ addizzjonali għandha tiġi stabbilita sabiex timmitiga l-effetti negattivi fuq żmien qasir li jirriżultaw minn xokkijiet eżoġeni li jaffettwaw l-ekonomija tal-Istati AKP. Il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jistabbilixxi li l-modalitajiet tal-mekkaniżmu ta' appoġġ huma mniżżla fl-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

    (2)

    Il-mekkaniżmu kif definit attwalment fl-Anness II għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jeħtieġ li jkun adatt biex jirrifletti l-ħtiġijiet tal-Partijiet u jiżgura kunsinna flessibbli u rapida tal-assistenza.

    (3)

    L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jistipula li l-Annessi Ia, II, III, IV u VI għall-Ftehim inkwistjoni jistgħu jiġu riveduti, rieżaminati u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp tal-AKP-UE.

    (4)

    L-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipula li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

    (5)

    L-Artikolu 16(2) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jistipula li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jwettaq kwalunkwe mandat fdat lilu mill-Kunsill.

    (6)

    Il-laqgħa tal-tal-Ministri AKP-UE tal-5 ta' Mejju 2017 tat mandat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex jadotta deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE rigward xokkijiet eżoġeni u li l-Anness II, il-Kapitolu 3 jiġi emendat.

    (7)

    Jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-appoġġ finanzjarju lil pajjiżi AKP fil-każ ta' instabbiltà makroekonomika li tirriżulta minn xokkijiet eżoġeni, previst fl-Artikolu 68 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1.   Appoġġ finanzjarju addizzjonali jista' jiġi mobilizzat mill-11-il riżerva tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għal ħtiġijiet mhux previsti, sabiex jimmitiga l-effetti negattivi fuq żmien qasir li jirriżultaw minn xokkijiet eżoġeni, inkluż l-effetti fuq id-dħul mill-esportazzjonijiet, u jissalvagwardja r-riformi u l-politiki soċjoekonomiċi pperikolati min-nuqqas fid-dħul.

    2.   Il-pajjiżi AKP, milquta minn xokkijiet eżoġeni, għandhom jindirizzaw talba għal appoġġ finanzjarju lill-Kummissjoni Ewropea għal dan il-għan, li ser tiġi eżaminata b'approċċ każ b'każ orjentat lejn il-ħtiġijiet fil-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

    3.   L-għajnuna għandha tiġi amministrata u implimentata skont il-proċeduri li jippermettu li l-operazzjonijiet ikunu rapidi, flessibbli u effettivi. Il-Kummissjoni Ewropea ser tirrapporta perjodikament lill-Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp tal-AKP-UE.

    Artikolu 3

    Il-Partijiet Kuntrattwali għall-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-AKP għandhom ikunu informati dwar l-implimentazzjoni prattika tal-modalitajiet tal-Artikolu 68.

    Artikolu 4

    L-Anness II, il-Kapitolu 3 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għandu jiġi applikat f'konformità ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi […], […]

    Għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

    Il-President


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.


    Top