Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2240

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 tal-10 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

    ĠU L 322, 7.12.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2240/oj

    Related international agreement

    7.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 322/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2240

    tal-10 ta' Novembru 2017

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Konfederazzjoni Żvizzera għal kollegament bejn l-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom (“ETS”, emissions trading systems). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-Kollegament tal-Iskemi għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet ta' Gassijiet Serra tagħhom (il-“Ftehim”).

    (2)

    Il-Ftehim jiżgura li l-kondizzjonijiet għall-kollegament, kif speċifikat fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), jiġu sodisfatti.

    (3)

    Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-proċeduri u l-prattiki eżistenti u b'rispett sħiħ għall-prerogattivi tat-tfassil ta' politika tal-Kunsill. B'mod partikolari, fejn il-Kumitat Konġunt jintalab jieħu deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali, huwa l-Kunsill li għandu jiddetermina l-pożizzjoni tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat.

    (4)

    Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat.

    (5)

    Sabiex tkun żgurata l-koordinazzjoni bejn il-Partijiet u biex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi leġislattivi rilevanti, inklużi l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-regoli Żvizzera rilevanti li jestendu l-ETS Żvizzera għall-avjazzjoni, u l-ħtieġa li l-Anness I, Parti B tal-Ftehim jiġi emendat skont dan, jenħtieġ li l-Artikoli 11 sa 13 tal-Ftehim jiġu applikati fuq bażi proviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta' dan il-Ftehim.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    L-Artikoli 11 sa 13 tal-Ftehim għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja mill-iffirmar tiegħu (2), sa meta jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    U. PALO


    (1)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (2)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top