Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2088

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2088 tas-6 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir

    ĠU L 297, 15.11.2017, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2088/oj

    15.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 297/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2088

    tas-6 ta' Novembru 2017

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni tiegħu 2009/900/KE (1), il-Kunsill ikkonkluda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (2) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tar-Repubblika tas-Seychelles meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta' tliet xhur matul perjodu ta' sitt xhur.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa bidliet orizzonatli fl-acquis tal-Unjoni dwar il-viża u l-fruntieri u ddefinixxa soġġorn għal perjodu qasir bħala massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

    (3)

    Huwa neċessarju li din id-definizzjoni l-ġdida tiġi inkorporata fil-Ftehim sabiex ir-reġim ta' soġġorn għal perjodu qasir tal-Unjoni jkun armonizzat kompletament.

    (4)

    Fid-9 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles dwar ftehim li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir (il-“Ftehim emendatorju”).

    (5)

    In-negozjati dwar il-Ftehim emendatorju ġew iffinalizzati b'suċċess bl-inizjalar tiegħu, permezz ta' Skambju ta' Ittri, fil-15 ta' Lulju 2016.

    (6)

    Jieħtieġ li l-Ftehim emendatorju jiġi ffirmat, u li d-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim emendatorju jiġu approvati, f'isem l-Unjoni.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (4); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perjodu qasir huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (6).

    Artikolu 2

    Id-dikjarazzjonijiet mehmuża mal-Ftehim emendatorju għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim emendatorju f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TAMM


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/900/KE tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Seychelles dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir (ĠU L 321, 8.12.2009, p. 42).

    (2)  ĠU L 169, 30.6.2009, p. 31.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u (KE) Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (6)  It-test tal-Ftehim emendatorju ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il- konklużjoni tiegħu.


    Top