Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1996

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1996 tas-6 ta' Novembru 2017 dwar iż-żamma f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 12285-2:2005 dwar tankijiet tal-azzar maħdumin fil-ħanut tax-xogħol skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/7258

    ĠU L 288, 7.11.2017, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1996/oj

    7.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 288/39


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1996

    tas-6 ta' Novembru 2017

    dwar iż-żamma f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 12285-2:2005 dwar tankijiet tal-azzar maħdumin fil-ħanut tax-xogħol skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, l-istandards armonizzati previsti fl-Artikolu 17 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sistema armonizzata stabbiliti f'dan ir-Regolament jew permezz tiegħu.

    (2)

    Fi Frar 2005, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) adotta l-istandard armonizzat 12285-2: 2005 “Tankijiet ta' l-azzar maħdumin fil-ħanut tax-xogħol — Parti 2: Tankijiet orizzontali ċilindriċi bi pjanċa waħda jew bi tnejn għall-ħażna 'il [fuq] mill-art ta' likwidi li jieħdu n-nar jew li ma jaqbdux li jniġġsu l-ilma”. Ir-referenza tal-istandard ġiet ippubblikata sussegwentement f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Ir-referenza tal-istandard ġiet ippubblikata diversi drabi, u l-aħħar darba li sar dan kien fl-2017 (3).

    (3)

    Fil-21 ta' Awwissu 2015, il-Ġermanja nediet proċedura ta' oġġezzjoni formali fir-rigward tal-istandard armonizzat EN 12285-2:2005. L-oġġezzjoni formali kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta' metodi armonizzati f'dak l-istandard biex jiġu żgurati r-reżistenza mekkanika, il-kapaċità tat-tagħbija, l-impermeabbiltà, l-istabbiltà u r-reżistenza għall-frammentazzjoni jew għat-tgħaffiġ tal-prodott ikkonċernat, meta dan jiġi installat f'żoni suxxettibbli għat-terremoti jew għall-għargħar. B'konsegwenza, il-Ġermanja talbet li titneħħa r-referenza tal-istandard minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea billi jiġu esklużi ż-żoni suxxettibbli għat-terremoti jew għall-għargħar mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu, inkella billi r-referenza tal-istandard titneħħa kompletament.

    (4)

    Skont il-Ġermanja, dak l-istandard ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni biex tiġi aċċertata l-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini kkonċernati meta jiġu installati f'żoni fejn hemm riskju ta' terremoti jew għargħar. Il-metodi ta' valutazzjoni meħtieġa għal dawk il-finijiet huma nieqsa għalkollox f'dak li jirrigwarda d-disinn, il-bini tal-pedamenti jew l-ankrar tat-tankijiet. Barra minn hekk, lanqas ma jista' jiġi vvalutat il-livell ta' assorbiment tal-impatti li jirriżultaw minn tagħbijiet f'każijiet ta' terremoti jew għargħar.

    (5)

    Il-Ġermanja kkunsidrat li dawn in-nuqqasijiet jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, minħabba li l-istandard inkwistjoni ma ssodisfax għalkollox ir-rekwiżiti stabbiliti fil-mandat rilevanti kif previst fl-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament.

    (6)

    Waqt il-valutazzjoni tal-ammissibbiltà tal-pretensjonijiet li tressqu, jenħtieġ jiġi nnutat li l-ħtiġijiet addizzjonali allegati mill-Ġermanja jirrigwardaw l-installazzjoni u l-użu sussegwenti tal-prodotti kkonċernati, f'żoni fejn hemm riskju ta' terremoti jew għargħar.

    (7)

    Madankollu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, l-istandards armonizzati għandhom jipprovdu l-metodi u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti koperti minnhom. L-għan tas-sistema armonizzata, stabbilita fir-Regolament inkella permezz tiegħu, huwa li tistabilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tal-bini, u mhux li tipprovdi regoli għall-installazzjoni jew l-użu tagħhom.

    (8)

    Id-drittijiet biex jitressqu oġġezzjonijiet formali skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 ma jistgħux, madankollu, jiġu estiżi għal pretensjonijiet li jiffokaw fuq kwistjonijiet oħra għajr il-kontenut tal-istandards inkwistjoni. Pretensjonijiet bħal dawn għalhekk għandhom jitqiesu bħala inammissibbli fil-kuntest ta' oġġezzjonijiet formali.

    (9)

    Għaldaqstant, u peress li l-ewwel talba tal-Ġermanja, li tiġi ristretta r-referenza tal-istandard billi jiġu esklużi żoni suxxettibbli għat-terremoti jew l-għargħar mill-kamp tal-applikazzjoni tiegħu, tiffoka fuq kwistjonijiet oħra għajr il-kontenut tal-istandard inkwistjoni, din jenħtieġ li titqies bħala inammissibbli.

    (10)

    It-talba alternattiva ġenerali tal-Ġermanja, li r-referenza tal-istandard tiġi rtirata kompletament, hija bbażata l-aktar fuq l-inadegwatezza tal-istandard kif inhu bħalissa, partikolarment fir-rigward tal-instalazzjoni u l-użu sussegwenti tal-prodotti inkwistjoni f'żoni suxxettibbli għat-terremoti jew l-għargħar.

    (11)

    Madankollu, l-Istati Membri jibqgħu kompletament intitolati jirregolaw il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-installazzjoni jew l-użu tal-prodotti tal-bini, jekk dwan il-kundizzjonijiet ma jinvolvux rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti bi ksur tas-sistema armonizzata. L-Istati Membri b'hekk huma kapaċi jipprojbixxu jew jillimitaw l-installazzjoni jew l-użu tal-prodotti inkwistjoni f'żoni suxxettibbli għat-terremoti jew l-għargħar, kif inhu l-każ bħalissa fil-Ġermanja.

    (12)

    Abbażi tal-kontenut ta' EN 12285-2:2005 kif ukoll tal-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, mis-CEN u mill-industrija, u wara li ġew ikkonsultati l-kumitati stabbiliti bl-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 u bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jeżisti qbil ġenerali li r-referenza għal dak l-istandard jenħtieġ li tinżamm f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (13)

    Għaldaqstant jenħtieġ li n-natura allegatament inkompleta ta' dak l-istandard ma tkunx meqjusa bħala raġuni biżżejjed sabiex titneħħa kompletament ir-referenza tal-istandard EN 12285-2:2005 minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (14)

    Għalhekk, jenħtieġ li rr-referenza tal-istandard EN 12285-2:2005 tinżamm f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN 12285:-2:2005 “Tankijiet ta' l-azzar maħdumin fil-ħanut tax-xogħol — Parti 2: Tankijiet orizzontali ċilindriċi bi pjanċa waħda jew bi tnejn għall-ħażna 'il [fuq] mill-art ta' likwidi li jieħdu n-nar jew li ma jaqbdux li jniġġsu l-ilma” għandha tinżamm f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

    (2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU C 319, 14.12.2005, p. 1).

    (3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU C 267, 11.8.2017, p. 16).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


    Top