Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1959

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1959 tat-18 ta' Lulju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34720 – 2015/C (ex 2013/N) implimentata mid-Danimarka Għajnuna għar-ristrutturar ta' Vestjysk Bank (notifikata bid-dokument C(2017) 4990) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/4990

ĠU L 277, 27.10.2017, pp. 13–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1959/oj

27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1959

tat-18 ta' Lulju 2017

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34720 – 2015/C (ex 2013/N) implimentata mid-Danimarka Għajnuna għar-ristrutturar ta' Vestjysk Bank

(notifikata bid-dokument C(2017) 4990)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (1) imsemmija hawn fuq,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-bidu tal-2012, id-Danimarka bdiet djalogu mal-Kummissjoni biex tiddiskuti l-problemi li Vestjysk Bank A/S (“Vestjysk Bank” jew “il-Bank”) kien qiegħed jaffaċċja f'dak iż-żmien.

(2)

Fil-25 ta' April 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fil-Każ SA.34423 (“id-Deċiżjoni ta' Salvataġġ”) (2) fejn sabet tliet miżuri favur Vestjysk Bank u Aarhus Lokalbank (li kien assorbit minn Vestjysk Bank fit-30 ta' Marzu 2012 permezz ta' fużjoni) li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat iżda kompatibbli temporanjament mas-suq intern għal raġunijiet ta' stabbiltà finanzjarja. Għaldaqstant, il-miżuri ġew approvati għal sitt xhur jew, jekk id-Danimarka ssottomettiet pjan ta' ristrutturar estensiv fi żmien sitt xhur mid-data ta' din id-Deċiżjoni, sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali dwar dak il-pjan ta' ristrutturar.

(3)

Fit-18 ta' April 2012, id-Danimarka ssottomettiet verżjoni preliminari tal-pjan ta' ristrutturar għal Vestjysk Bank, li inkluda abbozz ta' sett ta' impenji bħala l-punt tat-tluq għal diskussjonijiet dwar il-pjan ta' ristrutturar.

(4)

Bejn April tal-2012 u Diċembru tal-2015, il-Kummissjoni u d-Danimarka ddiskutew il-pjan ta' ristrutturar, li ġie aġġornat diversi drabi, f'serje ta' laqgħat, konferenzi telefoniċi u korrispondenza bil-miktub. Bejn Awwissu tal-2013 u April tal-2014, id-Danimarka pprovat tbigħ is-sehem tagħha fil-Bank. Bħala riżultat, id-diskussjonijiet dwar il-pjan ta' ristrutturar kienu posposti matul dak il-perjodu. L-attentat ma rnexxiex minħabba nuqqas ta' offerenti interessati.

(5)

Permezz ta' ittra datata l-4 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuna (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”).

(6)

Fis-7 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mid-Danimarka dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(7)

F'April tal-2016, id-Danimarka bdiet proċess tal-bejgħ miftuħ, bla kundizzjonijiet u trasparenti bl-għan li tbigħ is-sehem tagħha fil-Bank.

(8)

Fis-17 ta' Ġunju 2016, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati.

(9)

Wara li l-proċess tal-bejgħ kien naqas milli jattira xi offerta għall-Bank, fit-23 ta' Novembru 2016, id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li l-Bank Daniż Nykredit kien esprima interess li jibni konsorzju ta' investituri mhux bankarji sabiex jakkwista u jikkapitalizza mill-ġdid il-Bank. Fil-fehma tad-Danimarka, dik it-tranżazzjoni, flimkien ma' sforzi ta' ristrutturar oħrajn, ireġġgħu lura l-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

(10)

Bejn it-23 ta' Novembru 2016 u l-bidu ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni u d-Danimarka ddiskutew il-pjan il-ġdid ta' ristrutturar f'serje ta' laqgħat, konferenzi telefoniċi u korrispondenza bil-miktub.

(11)

Fl-14 ta' Ġunju 2017, id-Danimarka ssottomettiet il-verżjoni finali tal-pjan il-ġdid ta' ristrutturar kif ukoll il-ftehim iffirmat mal-konsorzju tal-investitur privat biex takkwista s-sehem tal-Bank. Sussegwentement, il-konsorzju tal-investitur nieda offerta pubblika ta' xiri għall-bqija tal-ishma tal-Bank (li ġiet organizzata mill-partijiet privati), bid-data tal-għeluq tkun it-18 ta' Lulju 2017.

(12)

Bl-ittra datata t-12 ta' Ġunju 2017, id-Danimarka qablet li tirrinunzja għad-drittijiet tagħha li joħorġu mill-Artikolu 342 tat-Trattat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 (4) u li d-deċiżjoni preżenti tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

2.   SFOND

2.1.   Il-Bank Vestjysk illum

(13)

Vestjysk Bank, li ġie stabbilit fl-1874, huwa kklassifikat bħala istituzzjoni finanzjarja importanti b'mod mhux sistematiku mill-Awtorità Superviżorja Finanzjarja Daniża (“DFSA”) u attwalment huwa l-ħmistax l-akbar bank fid-Danimarka, b'sehem tas-suq ta' inqas minn 0,3 %. Abbażi tal-aktar data disponibbli riċentement (mill-31 ta' Marzu 2017), il-Bank għandu karta bilanċjali ta' DKK 19,5 biljun (EUR 2,6 biljun), DKK 14-il biljun ta' depożiti (EUR 1,9 biljun), DKK 12,4 biljun ta' self totali (EUR 1,7 biljun), 15-il fergħa u 438 impjegat (ekwivalenti full-time “FTE”).

(14)

L-Istat Daniż huwa l-azzjonist prinċipali tal-Bank, u jikkontrolla 81,47 % tal-kapital azzjonarju u d-drittijiet tal-vot f'Vestjysk Bank. Vestjysk Bank huwa elenkat fil-Borża ta' Copenhagen.

(15)

Il-mudell kummerċjali tal-Bank jikkombina self bl-imnut lokali b'esponiment kbir għas-setturi agrikoli u kummerċjali tal-proprjetà immobbli. Prinċipalment, il-Bank huwa attiv fir-Reġjun ta' Jutland tad-Danimarka.

2.2.   Il-miżuri ta' għajnuna approvati temporanjament fid-Deċiżjoni ta' Salvataġġ

(16)

Fl-2012, Vestjysk Bank irċieva għajnuna mill-Istat sabiex jingħaqad ma' Aarhus Lokalbank, bank reġjonali ieħor Daniż attiv fir-Reġjun ta' Jutland. Fi tmiem l-2011, Vestjysk Bank kellu karta bilanċjali ta' DKK 29,2 biljun (EUR 3,9 biljun) u Aarhus Lokalbank kellu DKK 4,4 biljun (EUR 600 miljun) rispettivament.

(17)

Fl-2009, kemm Vestjysk Bank kif ukoll Aarhus Lokalbank irċevew għajnuna skont l-iskema Daniża tar-rikapitalizzazzjoni. L-għajnuna mogħtija lill-Bank ingħatat fil-forma ta' kapital ibridu ta' DKK 1 438 miljun (5) u DKK 177,8 miljun (6) li jammontaw għal DKK 1 615,8 miljun (kważi EUR 216 miljun) u li jikkorrispondu għal 6,2 % tal-Assi Mwieżna għar-Riskju (RWA). Bħala konsegwenza, l-Istat Daniż diġà kien l-azzjonarju ewlieni fiż-żewġ banek (dan kellu sehem ta' 53,1 % f'Vestjysk Bank u 45,2 % f'Aarhus Lokalbank) qabel il-fużjoni (7).

(18)

Fit-28 ta' Frar 2012, id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li Vestjysk Bank u Aarhus Lokalbank kienu waslu biex jingħaqdu peress li kull wieħed minnhom iffaċċja żieda fir-riskju li jsiru bank f'diffikultà. Il-fużjoni taż-żewġ banek kienet maħsuba biex tiġġieled l-isfidi tal-finanzjament tal-banek billi toħloq entità waħda kontinwa, Vestjysk Bank, u ssaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala bank reġjonali.

(19)

Sabiex tiġi eżegwita l-fużjoni, fir-rigward ta' Vestjysk Bank, id-Danimarka nnotifikat il-miżuri li ġejjin lill-Kummissjoni:

Miżura 1 — Tlestija ta' żieda fil-kapital tal-Bank b'rikavati netti ta' bejn DKK 250 u DKK 300 miljun;

Miżura 2 — Iż-żieda ta' kapital subordinat ta' self b'somma kapitali ewlenija ta' DKK 200 miljun;

Miżura 3 — Il-bejgħ ta' parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja għal DKK 175 miljun (EUR 23 miljun) li l-Bank kellu f'istituzzjoni ta' kreditu ipotekarju Daniż lill-Bank Ċentrali Daniż;

Miżura 4 — Garanziji individwali mill-Istat għal bonds ġodda sa DKK 8,6 biljun (EUR 1 154 miljun).

(20)

Fil-25 ta' April 2012, il-Kummissjoni approvat b'mod temporanju l-Miżuri 1, 3 u 4 bħala għajnuna għas-salvataġġ għal perjodu ta' sitt xhur jew, jekk id-Danimarka tissottometti pjan ta' ristrutturar fi żmien sitt xhur mid-data tad-Deċiżjoni, sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali dwar dak il-pjan ta' ristrutturar. Il-Miżura 2 ġiet iffinanzjata kompletament minn investituri privati u, bħala riżultat, instab li din ma kkostitwietx għajnuna mill-Istat.

(21)

Fit-28 ta' Ġunju 2012, Vestjysk Bank irċieva impenn vinkolanti finali mill-Kumpanija Daniża tal-Istabbiltà Finanzjarja (8) fir-rigward tal-Miżura 4, li llimita l-garanziji individwali mill-Istat għal obbligazzjonijiet għal DKK 6,8 biljun (EUR 914 miljun).

(22)

Ir-rikavati gross mill-Miżura 1 ammontaw għal DKK 318,7 miljun, (rikavati netti ta' DKK 300 miljun) u l-parteċipazzjoni tal-Istat ammontat għal DKK 166 miljun (EUR 22 miljun). Il-miżura 3 tat lok għal effett ta' salvataġġ tal-kapital ta' 0,60 % billi naqqset l-Ass Imwieżen għar-Riskju tal-Bank.

(23)

L-ammont finali ta' appoġġ li jirriżulta mill-implimentazzjoni tat-tliet miżuri deskritti fid-Deċiżjoni ta' Salvataġġ kien DKK 7 293,7 miljun (EUR 979 miljun).

2.3.   In-nuqqas ta' pjan ta' ristrutturar robust u d-Deċiżjoni tal-Ftuħ

(24)

Fit-18 ta' April 2012, id-Danimarka ssottomettiet verżjoni preliminari tal-pjan ta' ristrutturar għal Vestjysk Bank fuq bażi awtonoma, li inkludiet abbozz ta' dokument għall-impenji possibbli. Dik is-sottomissjoni kienet segwita b'diversi aġġornamenti u emendi, bl-għan li tiġi pprovduta azzjoni addizzjonali biex titreġġa' lura l-vijabbiltà fit-tul tal-Bank, peress li dan tal-aħħar ma rnexxielux jilħaq il-profittabbiltà proġettata tiegħu.

(25)

F'Awwissu 2013, id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li din ippjanat li tbigħ Vestjysk Bank u għalhekk, id-diskussjonijiet dwar ir-ristrutturar tal-Bank fuq bażi awtonoma ġew sospiżi.

(26)

F'April 2014, id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li l-bejgħ tal-Bank ġie kkanċellat peress li l-ebda xerrej potenzjali ma ssottometta offerta. Għalhekk, id-diskussjonijiet dwar ir-ristrutturar tal-Bank fuq bażi awtonoma tkomplew. Madankollu, dawn id-diskussjonijiet ma pproduċew l-ebda pjan ta' ristrutturar finali u robust li jista' jiżgura li l-vijabbiltà tal-bank tista' tiġi restawrata u l-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat.

2.4.   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura

(27)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ tagħha tal-4 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddubitat jekk

(a)

l-abbozz tal-pjan ta' ristrutturar kienx adattat biex jiżgura r-ritorn tal-Bank għall-vijabbiltà;

(b)

distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ġew limitati għal minimu;

(c)

il-qsim tal-piż ġie implimentat b'mod adegwat fir-rigward ta' waħda mit-tranżazzjonijiet ta' riakkwist (9) imwettqa fl-2013.

3.   IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   It-tweġiba tad-Danimarka għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ

3.1.1.   L-eżistenza ta' għajnuna fil-Miżuri 1 u 3

(28)

Fit-tweġiba tagħha, id-Danimarka kkonfermat li din taċċetta li l-Miżura 4 hija għajnuna mill-Istat, iżda rrepetiet ukoll il-pożizzjoni li ressqet fiż-żmien tad-Deċiżjoni ta' Salvataġġ, li tikkontesta li l-Miżuri 1 u 3 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. B'mod aktar speċifiku, id-Danimarka tissottometti dan li ġej:

Miżura 1: Id-Danimarka tqis li t-tlestija taż-żieda kapitali ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat peress li dan sar f'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq u bħala konsegwenza, il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

Miżura 3: Id-Danimarka targumenta li l-bejgħ ta' parteċipazzjoni azzjonarja minoritarja f'istituzzjoni ta' kreditu ipotekarju Daniż lill-Bank Ċentrali Daniż ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat peress li t-trasferiment ma jinvolvix riżorsi tal-Istat, peress li l-Bank Ċentrali Daniż huwa istituzzjoni indipendenti u, fi kwalunkwe każ, ma kkostitwixxiex vantaġġ għall-Bank, peress li l-prezz ġie kkalkulat skont metodoloġija ddefinita minn qabel li tapplika għal kwalunkwe azzjonist.

3.1.2.   Vijabbiltà

(29)

Id-Danimarka ssottomettiet li Vestjysk Bank huwa vijabbli, iżda f'dan il-waqt huwa bank vulnerabbli. Fl-opinjoni tad-Danimarka, il-Bank wasal fit-tmiem tal-fażi ta' ristrutturar u jinsab fil-proċess li jidħol f'fażi ta' stabilizzazzjoni.

(30)

Barra minn hekk, id-Danimarka ssostni fis-sottomissjoni tagħha li l-Bank għandu bażi solida għall-kontinwazzjoni tal-qligħ ewlieni, iżda minħabba l-bafer baxx tas-solvenza, il-Bank huwa vulnerabbli għal fatturi makroekonomiċi esterni, prinċipalment fatturi li jinfluwenzaw is-settur agrikolu minħabba l-esponiment kbir għal dan is-segment.

3.1.3.   Miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(31)

Id-Danimarka tqis li l-Bank ħadem b'mod attiv biex inaqqas l-impronta kummerċjali tiegħu billi jnaqqas il-karta bilanċjali ġenerali u s-self gross u jiffoka n-negozju tiegħu fuq ir-reġjun ewlieni tiegħu magħmul minn partijiet ta' Jutland. Barra minn hekk, il-Bank naqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' fergħat u l-impjegati full-time tiegħu kif ukoll naqqas l-ispejjeż operatorji tiegħu.

(32)

Barra minn hekk, min-nofs tal-2012, il-Bank ikkonforma ma' għadd ta' miżuri ta' mġiba u regoli ta' governanza korporattiva, li d-Danimarka kienet ipproponiet fil-kuntest tal-abbozz tal-pjan ta' ristrutturar imsemmi fil-premessa 24, bl-għan li jillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(33)

Għalhekk, id-Danimarka tikkonkludi li l-passi li diġà ttieħdu kienu aktar minn adegwati biex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni prodotta mill-miżura tal-għajnuna mill-Istat.

3.1.4.   Il-qsim tal-piżijiet

(34)

Id-Danimarka ssostni li l-qsim tal-piżijiet ġie implimentat b'mod korrett matul il-proċess ta' ristrutturar. Id-Danimarka rċeviet skont fir-rata tal-abbonament li żgura rimunerazzjoni adegwata għall-parteċipazzjoni tagħha fiż-żieda kapitali kif ukoll kummissjoni ta' garanzija bbażata fuq ir-riskju għall-garanzija individwali li hija ferm ogħla mir-rekwiżiti fil-Komunikazzjoni ta' Estensjoni tal-2011 (10).

(35)

B'referenza għal wieħed minn għadd ta' eżerċizzji dwar il-ġestjoni tal-obbligazzjonijiet imwettqa mill-2012 li fihom tħallas prezz ogħla mill-prezz massimu teoretiku għar-riakkwist ta' kapital subordinat, id-Danimarka tinnota li l-ammont ta' tali prezz żejjed għall-benefiċċju tal-kreditur (u mhux tal-Bank) ammonta għal 2 % tas-somma kapitali ewlenija li tikkorrispondi għal NOK 800 000 (madwar EUR 108 000). Bħala konsegwenza, il-Bank ħallas ammont ekwivalenti lid-Danimarka u b'hekk ġie kontrobilanċjat kwalunkwe qsim tal-piżijiet inadegwat li dan l-ammont relattivament żgħir seta' kkawża. L-ammont tħallas kollu fil-bidu tal-2014.

3.2.   It-test tal-istress tal-2016 u l-proċess il-ġdid tal-bejgħ

(36)

Fuq talba tal-Kummissjoni, f'Marzu tal-2016, l-Awtorità Superviżorja Finanzjarja Daniża wettqet test tal-istress fuq il-Bank. It-test tal-istress twettaq mingħajr dewmien u f'konformità mal-istandards tal-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”). Dan ikkonkluda li jekk jitqiegħed taħt stress, ir-rekwiżit tas-solvenza individwali ta' Vestjysk Bank jista' jinkiser.

(37)

F'Mejju tal-2016, id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li din kienet qiegħda tmexxi proċess mal-konsulent finanzjarju tagħha (SEB) bl-għan li tbigħ il-Bank. Fil-bidu, suppost il-proċess kellu jiġi konkluż sal-aħħar tas-sajf tal-2016 iżda eventwalment dam sal-aħħar tal-ħarifa tal-2016 (ara wkoll il-premessa 52). Id-diskussjonijiet dwar il-pjan ta' ristrutturar twaqqfu matul dak il-proċess peress li l-kontenut ta' tali pjan ikollu jqis il-pjanijiet li xerrej potenzjali tal-Bank jista' jkollu. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li d-Danimarka kkunsidrat li tbigħ il-Bank jew lil bank ieħor (li possibbilment jintegra fl-operazzjonijiet tiegħu stess) jew lil investitur finanzjarju (li possibbilment iżommu bħala entità awtonoma). Għalhekk, il-pjan ta' ristrutturar kien jiddependi wkoll fuq it-tip ta' xerrej.

4.   Il-PJAN IL-ĠDID TA' RISTRUTTURAR — KONSORZJU TA' INVESTITURI KKOORDINATI MILL-BANK DANIŻ NYKREDIT BIEX JAKKWISTA U JIRRIKAPITALIZZA L-VESTJYSK BANK

(38)

Fit-23 ta' Novembru 2016, id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li l-bank Daniż Nykredit esprima interess li jibni konsorzju ta' investituri mhux bankarji biex jakkwista u jirrikapitalizza l-Bank.

(39)

Wara diversi skambji minn Novembru 2016 'il quddiem, fid-29 ta' April 2017, id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li Nykredit irċieva biżżejjed impenji sodi minn għadd ta' investituri biex jeżegwixxi l-pjan ġdid ta' ristrutturar. Fl-14 ta' Ġunju 2017, id-Danimarka ssottomettiet lill-Kummissjoni l-impenn irrevokabbli ffirmat mid-Danimarka u konsorzju ta' investituri privati fuq il-bejgħ tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-Istat Daniż fil-Vestjysk, soġġett għan-nuqqas ta' kwalunkwe offerta aktar vantaġġuża li tista' tiġi sottomessa minn xerrejja prospettivi oħrajn qabel it-18 ta' Lulju 2017.

(40)

Pjan ta' ristrutturar ġdid ġie abbozzat minn Nykredit f'kollaborazzjoni ma' Vestjysk u ġie ppreżentat lill-Kummissjoni mid-Danimarka (“Pjan ta' Nykredit”). Dan għandu l-għan li jindirizza l-ħtiġijiet tal-kapital u l-vijabbiltà fit-tul tal-Bank. L-elementi ewlenin tal-pjan ta' Nykredit kienu:

(a)

Konsorzju li jikkonsisti minn investituri Daniżi għal terminu twil (“il-Konsorzju”) (11), irrappreżentat minn Nykredit, li jixtri l-parteċipazzjoni azzjonarja kollha ta' 81,47 % tal-Istat bi prezz ta' 1 DKK għal kull sehem jew konsiderazzjoni totali ta' madwar DKK 123 miljun (madwar EUR 16,5 miljun). L-azzjonisti l-oħrajn (privati) tal-Bank għandhom ukoll il-possibbiltà li jbigħu s-sehem tagħhom lill-Konsorzju għall-istess prezz.

(b)

Il-Konsorzju li jiggarantixxi t-tlestija ta' ħruġ ta' sehem li jirriżulta f'madwar DKK 745 miljun (madwar EUR 100 miljun) f'ekwità ġdida għall-Bank bi prezz tas-sottoskrizzjoni preżunt ta' 1 DKK għal kull sehem. L-azzjonisti kollha eżistenti li jifdal se jkunu jistgħu jixtru ishma ġodda bl-istess kondizzjonijiet bħall-Konsorzju.

(c)

Il-ħruġ ta' madwar DKK 150 miljun (madwar EUR 20 miljun) f'kapital tal-Grad 1 Addizzjonali u ta' DKK 225 miljun (madwar EUR 30 miljun) f'kapital tal-Grad 2. DKK 75 miljun addizzjonali (madwar EUR 10 miljun) ta' kapital tal-Grad 1 Addizzjonali se jibqgħu fis-seħħ.

(d)

It-tifdija b'parità bikrija ta' madwar DKK 815 miljun (madwar EUR 110 miljun) ta' kapital subordinat eżistenti, inkluż madwar DKK 287,6 miljun (madwar EUR 38,7 miljun) f'kapital tal-Grad 1 Addizzjonali li jifdal iffinanzjat mill-Istat (12).

(e)

Il-Bank ikompli bl-isforzi tiegħu biex inaqqas l-ispiża tal-imgħax tiegħu (permezz ta' finanzjament orħos) u spejjeż tal-persunal u dawk amministrattivi […] (*1) li jirriżultaw fi proporzjon aħjar tal-introjtu relatat mal-ispejjeż.

(41)

Il-pjan kummerċjali tal-Bank li jispeċifika t-tnaqqis fl-ispejjeż imsemmi fil-premessa 40(e) jinkludi, fost oħrajn, il-projezzjonijiet li ġejjin għas-snin 2017, 2018 u 2019:

Tabella 1

Pjan kummerċjali għall-perjodu 2017-2019 u ċ-ċifri attwali għall-2012 u l-2016

L-ammonti f'DKK miljuni

2012

(reali)

2016

(reali)

2017

(projezzjoni)

2018

(projezzjoni)

2019

(projezzjoni)

Spiża tal-imgħax

727

185

[80-130]

[70-120]

[60-110]

Introjtu ewlieni

1 282

1 004

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

[900-1 000 ]

Spejjeż tal-persunal

334

311

[260-300]

[250-290]

[240-280]

Spejjeż amministrattivi u spejjeż oħra operazzjonali

254

178

[150-300]

[145-295]

[140-290]

Provvedimenti għat-telf fuq is-self

1 515

416

[200-300]

[200-300]

[200-300]

Introjtu nett

– 1 399

80

[150-220]

[220-290]

[270-340]

Redditu fuq l-ekwità (RoE) wara t-taxxa (%)

– 106

5,4

[7-11]

[7-11]

[7-11]

Proporzjon spejjeż-introjtu (%)

55,3

50,3

[45-55]

[40-50]

[40-50]

L-għadd ta' persunal (FTE)

621,3

459

[375-425]

[340-390]

[340-390]

Għadd ta' fergħat

24

15

15

15

15

(42)

Fit-12 ta' Ġunju 2017, it-tranżazzjonijiet proposti deskritti fil-punti (a) sa (d) tal-premessa 40 tħabbru lis-suq u lill-azzjonisti tal-Bank. Fl-istess ġurnata, l-Istat Daniż ħabbar li huwa kien aċċetta b'mod kondizzjonali l-offerta volontarja tal-Konsorzju għas-sehem tiegħu ta' 81,47 % fil-Bank. Il-partijiet terzi xorta waħda għandhom il-possibbiltà li jissottomettu offerta finanzjarjament aktar vantaġġuża (ara wkoll il-premessa 57) qabel ma tiskadi l-offerta tal-Konsorzju (jiġifieri qabel it-18 ta' Lulju 2017). Fid-19 ta' Ġunju 2017, ġew ippreżentati dokument formali tal-offerta b'aktar dettall ta' kull element tal-proposta u skeda ta' żmien lill-azzjonisti kollha tal-Bank. Il-ħruġ tal-ishma u l-finanzjament mill-ġdid tal-kapital tal-Grad 1 Addizzjonali huma mistennija li jiġu ffinalizzati fil-ħarifa tal-2017.

(43)

Fit-13 ta' Ġunju 2017, fuq talba tal-Kummissjoni, id-Danimarka stqarret b'ittra li t-tranżazzjoni proposta ma tinkludi l-ebda miżura ġdida (pereżempju, garanziji) li tista' tinvolvi xi għajnuna mill-Istat u ssottomettiet il-ftehim mal-Konsorzju lill-Kummissjoni. Fl-istess ġurnata, id-DFSA kkonfermat b'ittra, wara mistoqsija mill-Kummissjoni, li l-politika tar-riskju tal-kreditu ta' Vestjysk hija konformi mal-aħjar prattiki ta' banek simili. B'mod partikolari, abbażi tas-superviżjoni kontinwa tagħha tal-Bank, inkluż l-eżaminazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu tal-bank f'erba' spezzjonijiet mill-2012, id-DFSA kkonkludiet li l-politika tar-riskju tal-kreditu ta' Vestjysk Bank timplimenta l-ordni Eżekuttiva Daniża dwar il-Ġestjoni u l-Kontroll tal-Banek (13).

5.   L-IMPENJI TAD-DANIMARKA LI FUQHOM HUWA BBAŻAT IL-PJAN TA' NYKREDIT

(44)

Sabiex issostni r-ritorn tal-Bank għall-vijabbiltà u tkompli tillimita distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, id-Danimarka tat għadd ta' impenji li huma mqassra fil-punti (a) sa (j) (it-test kollu tal-impenji huwa inkluż fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni):

(a)

il-perjodu ta' Ristrutturar jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2018 jekk f'dik is-sena, il-Bank jilħaq Redditu fuq l-Ekwità wara t-taxxa (“RoE”) ta' [7-11] %. Jekk it-tali RoE ma jintlaħaqx, il-perjodu ta' Ristrutturar jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2019;

(b)

jekk il-perjodu ta' Ristrutturar jiġi estiż sat-tmiem tal-2019, il-Bank se ikun meħtieġ jipprezza (mill-ġdid) kull relazzjoni mal-klijent (b'xi eċċezzjonijiet limitati) b'tali mod li dan jilħaq il-miri tal-profittabbiltà ddefiniti minn qabel għal kull klijent;

(c)

il-Bank għandu jikkonforma ma' bafer ta' solvenza addizzjonali li jaqbeż dak li huwa meħtieġ mil-liġi u r-regolament applikabbli u b'miri speċifiċi ta' likwidità;

(d)

id-daqs tal-karta bilanċjali tal-Bank għall-2017 ma għandux ikun ogħla minn dak tal-2016 u ma għandux jaqbeż DKK 20 300 miljun (madwar EUR 2 730 miljun) fl-2018 u 21 000 miljun (madwar EUR 2 824 miljun) fl-2019 (jekk ikun applikabbli);

(e)

il-Bank għandu jibbilanċja mill-ġdid is-self tiegħu b'limiti massimi speċifiċi għal self f'ċerti setturi (jiġifieri, il-proprjetà immobbli u l-agrikoltura, il-kaċċa, il-forestrija u s-sajd);

(f)

il-Bank ma għandux jipprovdi self ġdid barra mir-Reġjun ta' Jutland sakemm il-klijent ma jipprovdix il-finanzjament tiegħu stess ta' mill-inqas [35-45] % u s-self jiġi kollateralizzat, u ma għandux jipprovdi self ġdid barra d-Danimarka;

(g)

il-Bank ma għandu jieħu l-ebda esponiment ma' klijenti ġodda li waħdu jikkostitwixxi aktar minn 10 % tal-kapital totali;

(h)

il-Bank huwa soġġett għal projbizzjoni tal-akkwist u restrizzjonijiet fuq ir-reklamar;

(i)

il-Bank għandu jirristruttura l-immaniġġjar tar-riskju tiegħu u fejn ikun applikabbli jaġġusta l-ipprezzar tiegħu f'konformità ma' miri stabbiliti minn qabel;

(j)

il-Bank għandu jifdi l-bonds subordinati sottoskritti mid-Danimarka fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni;

(k)

Fiduċjarju ta' Monitoraġġ għandu jirrapporta kull sitt xhur lill-Kummissjoni dwar l-evoluzzjoni tal-pjan tar-ristrutturar u l-impenji fil-punti (a) sa (j).

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

6.1.   Eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(45)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li jipprovdi li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċertu impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti għandha tkun kompatibbli mas-suq intern, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(46)

Għaldaqstant biex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat irid jiġi preżunt li l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin huma ssodisfati: trid tkun imputabbli għall-Istat u ffinanzjata minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, trid tkun tagħti vantaġġ selettiv suxxettibbli li tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti u trid tkun tali li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(47)

Fil-premessi 47 sa 67 tad-Deċiżjoni tas-Salvataġġ u fil-premessa 50 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni diġà vvalutat il-miżuri taħt skrutinju u kkonkludiet li l-Miżuri 1, 3 u 4 ikkostitwixxew għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(48)

Id-Danimarka ma ppreżentat l-ebda argument matul l-investigazzjoni formali li ma kinitx ippreżentat diġà fl-2012. Il-valutazzjoni u l-konklużjoni fid-Deċiżjoni tas-Salvataġġ tal-Kummissjoni li l-Miżuri 1, 3 u 4 (kif ġie deskritt fil-premessa 19 tad-Deċiżjoni tas-Salvataġġ) ikkostitwixxew għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat għalhekk jibqgħu l-istess.

(49)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat id-dokumenti sottomessi mid-Danimarka, u b'mod partikolari l-impenn irrevokabbli msemmi fil-premessa 39, li ma jinkludu l-ebda referenza għal kwalunkwe użu tal-fondi pubbliċi (pereżempju, appoġġ kapitali jew garanziji pprovduti mill-Istat) fil-kuntest tal-bejgħ tal-ishma.

6.2.   Il-benefiċjarju tal-għajnuna

(50)

Il-bejgħ ta' istituzzjoni ta' kreditu megħjuna jista' jinvolvi l-għajnuna mill-Istat lix-xerrejja, sakemm il-bejgħ ma jkunx organizzat permezz ta' offerta kompetittiva miftuħa, nondiskriminatorja u bla kundizzjonijiet fejn l-assi jinbiegħu lill-ogħla offerent (14). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta (15) jekk: (a) il-proċess ta' bejgħ huwiex miftuħ, bla kundizzjonijiet u nondiskriminatorju; (b) il-bejgħ isirx bil-kundizzjonijiet tas-suq; (c) l-istituzzjoni ta' kreditu jew il-gvern, skont l-istruttura magħżula, jimmassimizzaw il-prezz tal-bejgħ.

(51)

Fir-raba' kwart tal-2013, id-Danimarka ppruvat tbigħ is-sehem tagħha f'Vestjysk Bank. Id-Danimarka investigat ukoll jekk jistax jinstab xerrej għall-attivitajiet tal-Bank fir-Reġjun ta' Aarhus. Minkejja l-interess inizjali minn diversi banek Daniżi (16), ma kienx possibbli li titlesta tranżazzjoni, prinċipalment minħabba li, wara akkwiżizzjoni, ix-xerrejja potenzjali — abbażi tad-diliġenza dovuta tagħhom tal-assi tal-Bank — antiċipaw valwazzjonijiet negattivi sinifikanti addizzjonali.

(52)

Fit-tieni kwart tal-2016, id-Danimarka nediet it-tieni proċess tal-bejgħ, wara li ġiet avviċinata mill-investitur finanzjarju Daniż […]. Il-proposta ta' […] (ara wkoll il-premessa 55) kienet, madankollu, soġġetta għal esklussività. Għalhekk, id-Danimarka ddeċidiet li l-ewwel tagħti lix-xerrejja potenzjali rilevanti l-oħra kollha (17) l-opportunità li jissottomettu offerta. Id-Danimarka kkuntrattat konsulent espert dwar l-investimenti, SEB, biex jimmaniġġja l-proċess. Il-proċess sar fit-tieni u t-tielet kwart tal-2016. Fl-aħħar, l-ebda wieħed mix-xerrejja kkuntrattati (18) ma għamel offerta minħabba li kienu mistennija valwazzjonijiet negattivi sinifikanti addizzjonali. […], li mbagħad kellu esklussività de facto, beda d-diliġenza dovuta tiegħu f'Ottubru 2016, iżda temm il-proċess f'Novembru 2016, mingħajr ma għamel offerta.

(53)

Kemm fl-2013 kif ukoll fl-2016, il-proċess tal-bejgħ ġie mfassal kif ġej:

(a)

l-għan tal-Istat kien li jintlaħaq bejgħ fuq termini tas-suq li jimmassimizza l-prezz tal-bejgħ iżda l-ebda prezz minimu jew limitazzjoni oħra ma ġew ippreżentati;

(b)

ix-xerrejja kollha potenzjali ngħataw aċċess għall-istess livell ta' informazzjoni, jiġifieri, dettalji dwar l-akbar skoperturi, il-kamra tad-data elettronika b'dokumenti importanti, preżentazzjoni tal-amministrazzjoni u proċess ta' Mistoqsija u Tweġiba tal-Bank;

(c)

ix-xerrejja potenzjali kollha rilevanti (19) ġew involuti fil-proċess u l-Istat ma kellu l-ebda preferenza għal xerrej partikolari.

(54)

Nykredit ġie kkuntattjat fiż-żewġ proċessi ta' bejgħ. Fl-2013, dan inizjalment wera interess fil-Bank kollu kemm hu bħala parti minn konsorzju, iżda l-konsorzju ma kienx kapaċi jissottometti offerta. Sussegwentement, Nykredit kien interessat li jakkwista parti mill-Bank (Reġjun ta' Aarhus), iżda ma ssottomettiex offerta wara diliġenza dovuta. Fit-tieni kwart tal-2016, Nykredit esprima interess li joħloq konsorzju, iżda ma daħalx fil-proċess. Madankollu, f'Ottubru tal-2016, Nykredit ippreżenta konsiderazzjonijiet preliminari dwar qafas għal rikapitalizzazzjoni ta' Vestjysk Bank. F'Novembru 2016, Nykredit ġie mbagħad ingaġġat minn Vestjysk Bank biex jesplora l-potenzjal għall-ġbir tal-kapital minn investituri esterni. Dan l-isforz irriżulta fil-pjan ta' Nykredit, l-offerta mill-Konsorzju, u t-tranżazzjonijiet deskritti fil-premessa 40.

(55)

Il-Konsorzju offra li jakkwista l-parteċipazzjoni azzjonarja kollha kemm hi ta' 81,47 % tal-Istat bi prezz ta' 1 DKK għal kull sehem. Meta l-offerta ġiet imħabbra fit-12 ta' Ġunju 2017, il-prezz fil-Borża ta' Copenhagen għal sehem fil-Bank kien ta' DKK 14,90 (20). Madankollu, peress li l-ebda offerta oħra ma ġiet ippreżentata fil-kuntest taż-żewġ proċessi ta' bejgħ miftuħa, jista' jitqies li l-prezz offrut mill-Konsorzju huwa l-massimu li seta' jinkiseb fis-sitwazzjoni attwali. Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-valutazzjoni ta' proposta alternattiva (ara wkoll il-premessa 52) li ġiet ittestjata b'mod informali minn […] fi Frar 2016. Inizjalment, dak l-investitur ikkunsidra li jakkwista kontroll ta' Vestjysk billi jixtri ishma li għadhom kif ħarġu bi prezz ta' 1 DKK għal kull sehem u kkonferma dik il-proposta f'Settembru 2016 (21). Madankollu, dik il-proposta alternattiva ma seħħitx peress li […] eventwalment irtira wara li beda d-diliġenza dovuta f'Ottubru 2016. Dan jikkostitwixxi punt ta' riferiment addizzjonali (anke 1 DKK għal kull sehem) sabiex jiġi konkluż li l-proposta tal-Konsorzju hija dik li timmassimizza l-prezz tal-bejgħ u li t-tranżazzjoni se ssir b'termini tas-suq.

(56)

Id-Danimarka ssottomettiet ukoll opinjoni dwar il-korrettezza mħejjija minn espert indipendenti fuq talba tagħha. L-opinjoni dwar il-korrettezza tikkonkludi li l-konsiderazzjoni tal-offerta ta' 1 DKK għal kull sehem hija, f'dan il-waqt, l-aħjar prezz tas-suq possibbli li jista' jinkiseb. Biex wasal għal din il-konklużjoni, l-espert qies, fost affarijiet oħrajn, l-informazzjoni miksuba permezz taż-żewġ proċessi ta' bejgħ preċedenti, is-sitwazzjoni tal-kapital attwali tal-Bank u l-inċertezza dwar il-każ dwar l-għajnuna mill-Istat li dak iż-żmien kien għadu pendenti.

(57)

Finalment, skont il-ftehim mal-Konsorzju, l-Istat Daniż għandu l-possibbiltà li jaċċetta offerta li tikkompeti aktar vantaġġuża (22) minn parti terza bona fide. Madankollu, tali offerta li tikkompeti għandha tagħmel l-indirizzar ta' kwistjonijiet passati dwar l-għajnuna mill-Istat realistikament possibbli, għandha twassal għall-ħlas lura tal-kapital tal-Grad 1 Addizzjonali ffinanzjat mill-Istat u ma għandhiex twassal għal aktar għajnuna mill-Istat. Fi kliem ieħor, offerta li tikkompeti għandha mill-inqas tkun ekwivalenti għall-offerta tal-Konsorzju f'dak li għandu x'jaqsam mat-treġġigħ lura tas-solvenza u l-profittabbiltà tal-Bank. Jekk issir offerta li tikkompeti, il-Konsorzju għandu l-possibbiltà li jagħmel kontrofferta. Bħala riżultat, kwalunkwe parti li lesta tinvesti fil-Bank bi prezz ogħla għandha l-opportunità li tagħmel dan. L-att legali li jippermetti lill-Ministeru tal-Finanzi jikkonkludi l-bejgħ għall-Konsorzju jsemmi l-possibbiltà ta' offerti li jikkompetu b'offerta aktar attraenti matul il-perjodu tal-offerta, u dik il-possibbiltà ġiet magħrufa wkoll pubblikament (23). Il-Kummissjoni tqis li dan jipprovdi aktar riassigurazzjoni li d-Danimarka għamlet kull sforz possibbli biex timmassimizza l-prezz tal-bejgħ u tat lill-partijiet interessati kollha l-opportunità li jagħmlu offerta. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' suċċess fl-attentati preċedenti li tbigħ il-Bank, jidher improbabbli ħafna li se ssir offerta li tikkompeti.

(58)

Fuq il-bażi ta' dak li ssemma hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-proċess biex tbigħ is-sehem tad-Danimarka f'Vestjysk kien miftuħ, nondiskriminatorju u bla kundizzjonijiet, filwaqt li rriżulta fil-massimizzazzjoni tal-prezz tal-bejgħ għall-Istat Daniż. Tabilħaqq, minkejja diversi opportunitajiet biex isir dan (fl-2013 u l-2016), ma saret l-ebda offerta li tirriżulta fi prezz tal-bejgħ ogħla u li tippermetti lill-Istat joħroġ kompletament mill-Bank. Peress li l-Kummissjoni ma għandha ebda raġuni biex temmen li l-offerta li saret u l-prezz li tħallas ma jirriflettux il-prezz tas-suq tal-Bank, jista' jiġi konkluż li x-xerrej privat tal-ishma tal-Istat f'Vestjysk mhuwiex benefiċjarju tal-miżuri ta' għajnuna u b'hekk ma jirċevix għajnuna.

(59)

Għalhekk, huwa konkluż li l-uniku benefiċjarju tal-miżuri ta' għajnuna huwa Vestjysk Bank.

(60)

B'mod ġenerali, kif ġie stabbilit fil-premessi 49 u 59, ġie konkluż li jenħtieġ li din id-Deċiżjoni sempliċiment tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri tal-2012 mogħtija lill-entità Vestjysk.

6.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

6.3.1.   Il-bażi ġuridika għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà

(61)

L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex issib li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern jekk din tkun intiża “biex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru”. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi finanzjarja globali tista' toħloq taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru u li miżuri ta' sostenn lill-banek jistgħu jkunu kapaċi jirrimedjaw dak it-taqlib. Dan ġie ddettaljat u żviluppat b'suċċess fis-seba' Komunikazzjonijiet tal-Kriżi (24).

(62)

F'konformità mal-prinċipju ġenerali tal-liġi tempus regit actum, li jirrikjedi li stat tad-dritt ma għandux ikun retroattiv u bil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni, il-kompatibbiltà ta' miżura ta' għajnuna mill-Istat għandha tiġi vvalutata skont il-qafas legali fis-seħħ fiż-żmien tal-implimentazzjoni tiegħu. Il-punt 90 tal-Komunikazzjoni dwar il-Banek tal-2013 ikompli jispeċifika li n-notifiki li ġew irreġistrati mill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Awwissu 2013, se jiġu analizzati fid-dawl tal-kriterji fis-seħħ fil-mument ta' din in-notifika.

(63)

Il-miżuri ġew innotifikati fit-13 ta' April 2012. Għaldaqstant, jenħtieġ dawn il-miżuri jiġu vvalutati fid-dawl tal-pjan il-ġdid ta' ristrutturar, wara li tkun ġiet ikkunsidrata l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-Komunikazzjoni dwar il-Banek tal-2008 u l-Komunikazzjonijiet dwar l-Estensjoni tal-2010 u l-2011.

6.3.2.   Il-qsim tal-piżijiet

(64)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li tranżazzjoni ta' riakkwist li twettqet fit-13 ta' Ġunju 2013 ma kinitx konformi mal-għan tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar li jiġi żgurat qsim tal-piżijiet adegwat (25). It-tranżazzjoni twettqet bi prezz medju ta' 62 % tas-somma kapitali ewlenija, 2 punti perċentwali aktar mill-prezz tas-suq ta' 50 % flimkien mal-primjum ta' 10 %. B'hekk, Vestjysk Bank ħallas żejjed lid-detenturi tal-istrumenti tad-dejn subordinat b'ammont li jikkorrispondi għal 2 % tas-somma kapitali ewlenija (jew NOK 800 000, madwar EUR 108 000).

(65)

Fit-tweġiba tagħha għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, id-Danimarka sostniet li l-ħlas żejjed li kien sar, tħallas lura mill-Bank lill-Istat Daniż fil-bidu tal-2014 u b'hekk ġie kontrobilanċjat kwalunkwe qsim tal-piżijiet inadegwat li dak l-ammont relattivament żgħir seta' kkawża.

(66)

Il-Kummissjoni tinnota li l-pagament tal-ħlas żejjed mill-Bank lill-Istat ma jistax, bħala tali, jirrimedja qsim tal-piżijiet insuffiċjenti. Il-ħlas żejjed jikkonċerna r-relazzjonijiet finanzjarji bejn il-Bank u l-kredituri (fil-kuntest tal-qsim tal-piżijiet), u mhux ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn il-Bank u l-Istat (li jiddeterminaw l-ammont tal-għajnuna mill-Istat). Madankollu, din iċ-ċirkostanza meħuda flimkien ma' sett ta' ċirkostanzi oħra tal-każ preżenti jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li kien hemm qsim tal-piżijiet adegwat. B'mod partikolari, dawk iċ-ċirkostanzi l-oħra jikkonċernaw il-fatt li l-ammont tal-prezz żejjed kien minimu (EUR 108 000 biss) u li l-livell limitu ta' 60 % ma ġiex ipprovdut bħala tali fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, li hija espressa b'mod pjuttost flessibbli, (26) iżda f'dokument tal-persunal tal-Kummissjoni (27).

(67)

Fid-dawl ta' dan li ssemma hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li d-dubji li tqajmu fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-qsim tal-piżijiet ġew eliminati għalkollox.

6.3.3.   Restrizzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(68)

Il-Bank illimita l-impronta kummerċjali tiegħu billi kompla jnaqqas in-netwerk tal-fergħa tiegħu bi tliet fergħat addizzjonali meta mqabbla ma dak li ġie sottomess mid-Danimarka fit-tweġiba tagħha għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, filwaqt li dan irriżulta fi tnaqqis totali ta' disa' fergħat mill-għajnuna għas-salvataġġ (il-Bank kellu 24 fergħa fl-2012, 18-il fergħa fl-2015 u 15 mit-tmiem tal-2016 'il quddiem u b'hekk kien hemm tnaqqis totali ta' 37,5 % mill-2012). Tali tnaqqis tan-netwerk tal-fergħa, flimkien mal-karatteristiċi tas-suq bankarju Daniż jaffettwa l-kapaċità tal-Bank li jiġġenera negozju ġdid u li jiġbor depożiti ġodda, u b'hekk jikkontribwixxi għal-limitazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(69)

Il-pjan ta' Nykredit juri wkoll tnaqqis akbar fl-għadd tal-persunal tal-Bank (tnaqqis ta' [30-40] % sal-2017 u tnaqqis ta' [35-45] % sal-2018) minn dak li kien ippjanat fiż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ (tnaqqis ta' [20-30] % sal-2017). Din iż-żieda fit-tnaqqis tirriżulta mill-isforzi tal-Bank biex ikompli jnaqqas l-ispejjeż u t-titjib fl-effiċjenza li jirriżultaw mit-tnaqqis tan-netwerk tal-fergħa.

(70)

Fiż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ (ara l-premessa 98 ta' dik id-Deċiżjoni) il-Kummissjoni kienet infurmata biss bi tnaqqis tan-netwerk tal-fergħa bi [10-20] % (minn 24 fergħa għal [18-22]) u tnaqqis tal-persunal ta' [20-30] %. Wara li qieset l-ammont kbir ta' għajnuna riċevuta mill-Bank, il-Kummissjoni ddubitat jekk il-fergħa pproġettata u t-tnaqqis tal-persunal bejn l-2012 u l-2017 jillimitawx b'mod suffiċjenti d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Filwaqt li tqis il-miri l-ġodda tat-tnaqqis, il-Kummissjoni tqis li l-Bank għamel sforz addizzjonali importanti biex ikompli jnaqqas l-impronta kummerċjali tiegħu u jżid l-effiċjenza tiegħu. It-Tabella 2 turi s-sitwazzjoni attwali fl-2012 u l-2016, il-proposti magħrufa f'dak iż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u l-pjanijiet attwali għas-snin li ġejjin.

Tabella 2

Evoluzzjoni tat-tnaqqis fil-fergħat, FTEs u proporzjon tal-ispejjeż għall-introjtu

 

Attwali

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ

Attwali

Pjan kummerċjali ġdid

 

2012

2016

2017

2016

2017

2018

# ta' Fergħat

24

[18-22]

[18-22]

15

15

15

% Bidla vs. 2012

 

[10-20]

[10-20]

– 37,5

– 37,5

– 37,5

# ta' persunal (FTE)

621,3

[480-510]

[460-490]

459

[375-425]

[340-390]

% Bidla vs. 2012

 

– [20-30]

– [20-30]

– 26,1

– [30-40]

– [30-40]

Proporzjon tal-ispejjeż għall-introjtu (%)

55,3

[50-60]

[50-60]

50,3

[45-55]

[40-50]

% Bidla vs. 2012

 

+ [0-7,5]

+ [0-7,5]

– 5,0

– [2,5-10]

– [5-12,5]

(71)

Vestjysk ma kienx kapaċi jespandi n-negozju tiegħu peress li dan irċieva l-għajnuna għas-salvataġġ minħabba l-prestazzjoni ħażina tiegħu. Fl-aħħar ħames snin, id-daqs tal-karta bilanċjali tal-Bank kien qiegħed jonqos, bi tnaqqis ta' 39,5 % minn DKK 32 865 miljun fit-tmiem tal-2012 għal DKK 19 895 miljun fit-tmiem tal-2016. L-istess tendenza tista' tiġi osservata fil-ktieb tas-self tal-Bank: is-self gross naqas b'madwar 36 % fl-istess perjodu, is-self gross għall-agrikoltura naqas b'madwar 26 %, filwaqt li s-self gross għall-kostruzzjoni u s-setturi tal-proprjetà immobbli naqas b'48 % u 44 % rispettivament.

(72)

L-assi mwieżna għar-riskju naqsu wkoll minn DKK 25 600 miljun fit-tmiem tal-2012 għal DKK 16 081 miljun fit-tmiem tal-2016 (– 37 %), filwaqt li fl-istess perjodu l-forza tax-xogħol tal-Bank naqset minn 621 għal 459 FTEs (– 26 %).

(73)

Iċ-ċifri kollha li jidhru fil-premessi 71 u 72 jissuġġerixxu li l-impronta tal-Bank diġà tnaqqset matul l-aħħar ħames snin, parzjalment minħabba neċessità. Madankollu, l-ammont tal-għajnuna riċevuta fl-2012 kien sinifikanti fir-rigward tar-RWA tal-Bank (8,1 %) u bħala tali għandhom jiġu previsti miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġu rikonoxxut li l-Bank se jkun naqqas il-persunal tiegħu bi kważi [30-40] % sat-tmiem tal-2017 u diġà naqqas il-fergħat tiegħu b'37,5 % sat-tmiem tal-2016.

(74)

Minbarra l-miżuri implimentati qabel l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, id-Danimarka offriet impenji (ara l-premessa 44) bl-għan li jiġu limitati aktar id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni matul il-perjodu tar-ristrutturar.

(75)

L-ewwel, id-daqs tal-karta bilanċjali tal-Bank huwa limitat għall-2017 fil-livell tiegħu tal-2016, għall-2018 b'DKK 20 300 miljun u għall-2019, jekk ikun applikabbli, għal DKK 21 000 miljun. Dawk il-limiti massimi jillimitaw b'mod espliċitu l-possibbiltà tal-Bank li jiġbor depożiti ġodda u jagħti self ġdid matul il-perjodu ta' ristrutturar. Il-kapaċità tal-Bank li jakkwista l-ishma tas-suq għad-detriment tal-kompetituri tiegħu hija għalhekk ristretta b'tali mod li jiżgura l-limitazzjoni ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(76)

Barra minn hekk, il-Bank mhux se jagħti self ġdid barra d-Danimarka, u jista' jipprovdi biss self ġdid barra r-Reġjun ta' Jutland jekk il-klijent jipprovdi finanzjament proprju ta' mill-inqas [35-45] % u s-self ikun kollateralizzat. Dak l-impenn jimpedixxi b'mod effettiv il-potenzjal tal-Bank li jespandi n-negozju tiegħu barra mir-reġjun ta' attività ewlieni tiegħu fejn dan għandu wkoll il-bażi storika tiegħu, filwaqt li jerġa' jipproteġi lill-atturi tas-suq minn imġiba aggressiva potenzjali mill-bank.

(77)

Finalment, il-Bank huwa soġġett għal projbizzjoni fuq l-akkwist. L-akkwisti huma mod standard għal attur tas-suq biex jespandi attivitajiet, prodotti jew oqsma kummerċjali ġodda. Għalhekk, il-projbizzjoni fuq l-akkwist ta' kwalunkwe sehem fi kwalunkwe impriża, tostakola b'mod ċar il-potenzjal tal-espansjoni tal-Bank. Il-Bank huwa soġġett ukoll għal projbizzjoni fuq l-użu ta' miżuri ta' għajnuna għall-finijiet ta' reklamar, li tipproteġi wkoll lill-kompetituri.

(78)

Kif ġie spjegat fil-premessi minn 68 sa 70 u kif ġie spjegat fil-qosor fit-Tabella 2, il-Bank għamel sforz addizzjonali importanti (meta mqabbel ma' dak li kien previst fiż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ) biex ikompli jnaqqas l-impronta kummerċjali tiegħu, peress li huwa attur lokali żgħir u biex iżid l-effiċjenza tiegħu. B'dan il-mod, ir-riskju tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni se jiġi limitat b'mod suffiċjenti sat-tmiem tal-2017. Madankollu, permezz tal-impenji mogħtija mid-Danimarka, il-Bank ħa wkoll miżuri addizzjonali sostantivi biex jillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni matul il-bqija tal-perjodu ta' ristrutturar li jispiċċa sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-2019. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li d-dubji fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ dwar id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ġew indirizzati b'mod suffiċjenti.

6.3.4.   It-treġġigħ lura tal-vijabbiltà fit-tul

(79)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-abbozz tal-pjan ta' ristrutturar li kien sottomess f'dak iż-żmien, ipprovdiex biżżejjed raġunijiet biex jiżgura l-vijabbiltà tal-Bank fi ħdan il-perjodu ta' ristrutturar. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ddubitat xi wħud mis-suppożizzjonijiet sottostanti tal-pjan ta' ristrutturar u qieset li xorta waħda għad hemm inċertezzi konsiderevoli. Finalment, il-Kummissjoni ddubitat jekk il-pożizzjoni kapitali tal-Bank kinitx b'saħħitha biżżejjed biex jiffaċċja indebolimenti addizzjonali.

(80)

Fl-1 ta' Jannar 2017, il-Bank kellu proporzjon kapitali totali ta' 13,1 %. Madankollu, minħabba l-introduzzjoni tar-rekwiżit tal-bafer kapitali ta' konservazzjoni (“CCB”), ir-rekwiżit tal-kapital totali tal-Bank żdied għal 13,8 %, filwaqt li rriżulta f'defiċit kapitali ta' madwar 0,7 % jew DKK 116 miljun (madwar EUR 15,6 miljun). Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, il-Bank ikompli jkollu defiċit kapitali (minkejja li iżgħar) fl-1 ta' Jannar 2018 (jiġifieri 0,4 % tal-proporzjon kapitali totali jew DKK 63 miljun). Wara l-ħruġ tas-sehem u l-finanzjament mill-ġdid tal-istrumenti kapitali subordinati tiegħu, il-Bank mhux se jibqa' jkollu defiċit kapitali. B'mod partikolari, fl-1 ta' Jannar 2018, il-Bank jistenna li jkollu surplus kapitali ta' madwar DKK 667 miljun (madwar EUR 90 miljun) jew bafer ta' 4,3 % 'l fuq mir-rekwiżit tal-proporzjon kapitali totali. Barra minn hekk, id-Danimarka impenjat ruħha (ara l-premessa 44) li l-Bank se jżomm ammont speċifiku ta' kapital żejjed 'il fuq mill-ammont meħtieġ regolatorju.

(81)

Il-Bank irreveda wkoll l-istrateġija tiegħu u se jkompli jnaqqas l-ispejjeż operatorji tiegħu (ara wkoll it-Tabella 1). B'mod partikolari, il-Bank naqqas l-għadd ta' fergħat tiegħu minn 24 fl-2012 għal sempliċiment 15 fit-tmiem tal-2016. Fiż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Bank kien ippjana biss li jnaqqas l-għadd ta' fergħat għal [18-22]. Matul l-istess perjodu ta' żmien, il-Bank naqqas il-forza tax-xogħol tiegħu minn 621 FTE għal [460-490] FTE (– [20-30] %). Sat-tmiem tal-2017, dan l-għadd se jkompli jonqos għal [374-425] FTE (– [30-40] %) u l-għan huwa li jintlaħaq [340-390] FTE sat-tmiem tal-2018 (kważi – [30-40] %). Il-pjan ta' ristrutturar tal-Bank fiż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ ippreveda livell tal-persunal ta' [460-490] FTE fit-tmiem tal-2017 (li jikkorrispondi biss għal tnaqqis ta' [20-30] % meta mqabbel mat-tmiem tal-2012). Dawn il-miżuri ta' tnaqqis fl-ispejjeż addizzjonali sinifikanti huma riflessi fil-proporzjon tal-introjtu relatat mal-ispejjeż tal-Bank li naqas minn 55,3 % fl-2012 għal 50,3 % fl-2016. Huwa mistenni li dan il-proporzjon ikompli jonqos għal [45-55] % fit-tmiem tal-2017 u saħansitra għal [40-50] % sat-tmiem tal-2018. Fiż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Bank xorta waħda mmira lejn proporzjon tal-introjtu relatat mal-ispejjeż ta' [50-60] % fl-2017. Għalhekk, huwa ċar li l-Bank għamel sforzi ta' tnaqqis fl-ispejjeż addizzjonali sinifikanti meta mqabbla ma' dawk previsti fiż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Dawn l-isforzi żejda se jikkontribwixxu għall-profittabbiltà tal-Bank u għalhekk għall-vijabbiltà tiegħu. Miri tal-ispejjeż operatorji speċifiċi previsti fl-impenji se jgħinu jiżguraw li l-Bank jimplimenta t-tnaqqis fl-ispejjeż li jifdal kif previst sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tiegħu.

(82)

Il-Bank jippjana wkoll li jkompli jnaqqas l-ispejjeż tal-imgħax tiegħu (diġà inqas minn DKK 727 miljun fl-2012 għal DKK 185 miljun fl-2016) b'[35-50] % sa tmiem l-2017 u saħansitra b'[45-60] % sat-tmiem tal-2018. Dan it-tnaqqis sinifikanti jkun xprunat prinċipalment mis-sostituzzjoni ta' depożiti b'terminu li jiskadi b'rata tal-imgħax medja ta' [0-5] % b'depożiti ġodda b'rata ta' sempliċiment madwar [0-5] %. Huwa mistenni li jsir aktar iffrankar fuq l-ispiża tal-imgħax permezz tar-rifinanzjament tal-bażi kapitali subordinata tal-Bank, bħala parti mill-pjan ta' ristrutturar (ara l-premessa 40). Il-Bank issottometta evidenza li turi li dan l-iffrankar jista' jintlaħaq u se jkollu wkoll impatt pożittiv fuq il-profittabbiltà u l-vijabbiltà tal-Bank. Il-Bank jista' jnaqqas ukoll faċilment ir-rata tal-imgħax fuq id-depożiti tiegħu mingħajr ma jxekkel il-finanzjament tiegħu peress li dan għandu surplus tad-depożitu sinifikanti (28). Minkejja t-tnaqqis sinifikanti fir-rimunerazzjoni tad-depożiti, il-Bank ma jipproġetta l-ebda tnaqqis sostanzjali fis-surplus tad-depożiti tiegħu peress li t-tnaqqis fid-depożiti huwa mistenni li jkun aktar baxx mit-tnaqqis tal-ktieb tas-self.

(83)

Il-fattur kruċjali għall-vijabbiltà u l-profittabbiltà tal-Bank se jkun ir-rata ta' indeboliment matul is-snin li ġejjin. Attwalment, il-Bank jistenna li l-provvediment tat-telf mis-self tiegħu se jonqos minn DKK 416 miljun fl-2016 għal DKK [200-300] miljun fl-2017 u għal DKK [200-300] miljun fl-2018. Ir-raġuni ewlenija għat-tnaqqis sinifikanti fl-ammont tal-provvista baġitarja hija l-aspettattiva tal-Bank li l-portafoll agrikolu tiegħu, li ammonta għall-akbar parti ta' indebolimenti fis-snin riċenti (29), se jmur aħjar. Din l-aspettattiva hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-prezzijiet għall-prodotti agrikoli ewlenin (bħall-ħalib u l-majjal) se jiżdiedu wara tnaqqis qawwi fl-2015-2016 u s-suppożizzjoni li din it-tendenza mhux se titreġġa' lura matul is-snin li ġejjin. Il-projezzjonijiet proprji tal-Kummissjoni (30) jindikaw li l-prezzijiet agrikoli irkupraw tassew wara tnaqqis qawwi fl-2015-2016, iżda wara l-2017 se jibqgħu xi ftit jew wisq fissi. Il-Bank jistenna wkoll tnaqqis żgħir fl-indebolimenti għas-settur tal-proprjetà immobbli filwaqt li għas-setturi l-oħrajn flimkien, hija mistennija żieda modesta.

(84)

B'mod ġenerali, jekk is-suppożizzjonijiet tal-Bank jimmaterjalizzaw, il-profittabbiltà tiegħu se titjieb b'mod sinifikanti matul is-snin li ġejjin. B'mod partikolari, ir-redditu tal-Bank fuq l-ekwità wara t-taxxa (31) se jiżdied minn 5,4 % fl-2016, għal [7-11] % fl-2017 u [7-11] % fl-2018 (ara wkoll it-Tabella 1). Din iż-żieda sinifikanti fil-profittabbiltà tal-Bank hija prinċipalment xprunata mit-tnaqqis tal-ispejjeż u mit-tnaqqis tat-telf mis-self. Tabilħaqq, l-introjtu ewlieni tal-Bank (l-aktar l-introjtu mill-imgħax u mill-miżati) se jibqa' xi ftit jew wisq fiss (ara t-Tabella 1). Il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis ipproġettat fl-ispiża tal-imgħax u l-ispejjeż tal-persunal u dawk amministrattivi jistgħu f'ċirkostanzi normali jinkisbu fiż-żmien previst mill-Bank.

(85)

Fir-rigward tat-tnaqqis fil-provvediment tat-telf mis-self, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-tbassir tal-Bank jiddependi fuq suppożizzjonijiet ottimistiċi. Il-Kummissjoni tinnota b'mod pożittiv li, wara diversi spezzjonijiet mid-DFSA, il-Bank ġab il-politika tar-riskju ta' kreditu tiegħu f'konformità mal-aħjar prattiki ta' banek simili, kif ġie ddikjarat mid-DFSA lill-Kummissjoni (ara l-premessa 43).

(86)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Bank aċċetta, fid-diskussjonijiet ma' Nykredit, diliġenza dovuta mwettqa minn Deloitte fit-tmiem tal-2016, li rriżultat fl-ibbukkjar ta' indebolimenti addizzjonali għal ammont ta' madwar DKK [50-150] miljun (32). Dan għandu jnaqqas l-inċertezza dwar it-tkomplija tal-ħtiġijiet tal-provvediment.

(87)

Madankollu, it-tnaqqis fit-telf mis-self li huwa mistenni se jiddependi ħafna fuq kondizzjonijiet makroekonomiċi u b'mod partikolari fuq il-prestazzjoni tas-settur agrikolu. Minħabba d-daqs tal-iskoperturi agrikoli tal-Bank u l-impatt kbir li l-provvedimenti tat-telf mis-self kellu fuq il-profittabbiltà tal-Bank fil-passat, il-Kummissjoni wettqet analiżi tas-sensittività fejn il-provvedimenti tat-telf mis-self jinbidlu għal aktar livelli prudenti. F'dik l-analiżi, il-provvedimenti tat-telf mis-self huma stabbiliti 20 % aktar mill-ammonti bbaġitjati rispettivi għas-snin 2017 u 2018. Taħt is-suppożizzjoni riveduta, ir-redditu tal-Bank fuq l-ekwità jinżel b'[0-5] % u [0-5] % fl-2017 u l-2018 rispettivament iżda jibqa' f'livelli ta' profittabbiltà fejn, jekk ikun meħtieġ, jenħtieġ li l-Bank ikun kapaċi li jkun sors ta' kapital ulterjuri mis-sorsi tas-suq. Madankollu, il-bafer kapitali komdu tal-Bank (ara l-premessa 80) ikun suffiċjenti biex jassorbi t-telf mis-self addizzjonali jew aspetti negattivi oħra u biex iżomm il-Bank solventi. Għal din ir-raġuni, iċ-ċansijiet li l-Bank ikun jeħtieġ kapital ġdid jew għajnuna mill-Istat fis-snin li ġejjin jidhru li huma ferm limitati.

(88)

Anke f'xenarju ta' stress imfassal mid-DFSA, il-Bank ikompli jkollu bafer kapitali għoli biżżejjed wara l-injezzjoni ta' ekwità tal-investituri privati. Ix-xenarju tad-DFSA jassumi, fost oħrajn, introjtu tal-imgħax aktar baxx, amortizzamenti ogħla u b'kollox DKK [400-600] miljun ta' indebolimenti addizzjonali meta mqabbla ma dak li kien previst matul is-snin 2018 u 2019. Filwaqt li l-Bank ikun qiegħed jagħmel telf f'dawk is-sentejn, il-proporzjonijiet ta' solvenza tiegħu jibqgħu bil-wisa' 'l fuq mir-rekwiżiti regolatorji. Fi kliem ieħor, ir-rati attwali ta' indeboliment jistgħu jkunu saħansitra ogħla mingħajr ma tinħoloq problema ta' solvenza għall-Bank fis-snin li ġejjin. Bħala riżultat, anke f'xenarju ta' stress, x'aktarx il-Bank mhux se jkollu bżonn kapital ġdid jew mhux se jkun jirrikjedi għajnuna mill-Istat biex jiżgura s-solvenza tiegħu.

(89)

Abbażi ta' dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li r-RoE tal-Bank ipproġettat għall-2017 ikun biżżejjed biex terġa' titreġġa' lura l-vijabbiltà tal-Bank. Għalhekk, il-Bank jissodisfa r-rekwiżit stabbilit fil-punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar li r-ristrutturar ma għandux idum aktar minn ħames snin. Madankollu, minħabba l-vulnerabbiltà tal-Bank għax-xokkijiet makroekonomiċi (b'mod partikolari għas-settur agrikolu) u l-fatt li l-Bank innifsu jippjana aktar ristrutturar, il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq u prudenti li taċċetta l-impenji mid-Danimarka li jwasslu sat-tmiem tal-2018 (u li jistgħu jiġu estiżi b'sena jekk ikun meħtieġ).

(90)

Il-Kummissjoni tinnota li l-impenji mressqa mid-Danimarka (ara l-premessa 44) jipprovdu salvagwardja addizzjonali dwar il-vijabbiltà fit-tul tal-Bank. B'mod partikolari, f'każ li l-Bank ma jiksibx RoE ta' [7-11] % sat-2018, il-perjodu ta' ristrutturar se jiġi estiż b'sena u l-miżuri addizzjonali se jiġu implimentati sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tal-Bank. B'mod aktar speċifiku, f'każ ta' tali estensjoni tal-perjodu ta' ristrutturar, il-Bank se jkun meħtieġ jipprezza(mill-ġdid) kull relazzjoni mal-klijenti (b'xi eċċezzjonijiet limitati) b'tali mod li dan jilħaq il-miri ta' profittabbiltà ddefiniti minn qabel għal kull klijent (33). B'dan il-mod, il-Bank issaħħaħ id-dħul tiegħu f'każ li r-RoE tiegħu ma jkunx laħaq il-mira ta' [7-11] % fl-2018. Peress li l-Bank diġà impenja ruħu għal miżuri ta' tnaqqis fl-ispejjeż sinifikanti, filwaqt li dan ma jikkontrollax bis-sħiħ il-livell ta' telf mis-self (li jiddependi fuq kondizzjonijiet makroekonomiċi), din il-miżura tidher li hija adegwata sabiex issaħħaħ il-profittabbiltà tal-Bank jekk ikun hemm bżonn. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-impenji jipprovdu kumdità ulterjuri fir-rigward tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank.

(91)

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ma għadx għandha dubji dwar l-adegwatezza tal-vijabbiltà fit-tul tal-Bank. B'mod partikolari, wara ż-żieda kapitali, il-Bank se jkollu bafer komdu ogħla mir-rekwiżiti kapitali regolatorji u se jkun kapaċi jassorbi indebolimenti addizzjonali, jekk dawn joriġinaw, mingħajr ma jikser dawk ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, l-iffrankar fl-ispejjeż żejjed (it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-imgħax u l-ispejjeż operatorji se jikkontribwixxi għal titjib fil-profittabbiltà tal-Bank. B'mod ġenerali, bħala riżultat tal-azzjonijiet kollha previsti fil-miżuri tal-pjan ta' ristrutturar, il-profittabbiltà tal-Bank se tiżdied b'mod suffiċjenti biex tippermetti lill-Bank jiġġenera aktar kapital fis-suq jekk ikun hemm bżonn. Finalment, l-impenji se jiżguraw li l-miżuri ta' tnaqqis fl-ispejjeż li jifdal jiġu implimentati, li jinżammu bafers kapitali adegwati, u li l-introjtu jiżdied jekk il-profittabbiltà tal-Bank ma tilħaqx il-mira RoE ta' [7-11] %. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta' ristrutturar l-aktar riċenti tal-Bank jipprovdi biżżejjed raġunijiet biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-Bank u jiġu indirizzati d-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

7.   KONKLUŻJONI

(92)

Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, id-dubji tal-Kummissjoni espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġew eliminati. Għalhekk jenħtieġ li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

L-għajnuna għar-ristrutturar li d-Danimarka implimentat favur Vestjysk Bank hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, filwaqt li hija soġġetta għall-impenji elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 220, 17.6.2016, p. 23.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ SA.34423 (ĠU C 348, 3.10.2014, p. 2).

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 17, 6.10.1958, p. 385).

(5)  Fl-2012, DKK 287,6 miljun (EUR 39 miljun) flimkien ma' imgħax akkumulat ta' DKK 8,7 miljun (EUR 1,2 miljun) ġie kkonvertit f'ishma.

(6)  Fl-2012, DKK 142,2 miljun (EUR 19-il miljun) flimkien ma' imgħax akkumulat ta' DKK 5 miljun (EUR 0,7 miljun) ġie kkonvertit f'ishma.

(7)  Wara rikapitalizzazzjoni taħt l-iskema ta' rikapitalizzazzjoni fl-2009 u konverżjoni tal-injezzjoni ta' kapital fil-kapital azzjonarju fl-20 ta' Frar 2012. Vestjysk Bank żied il-kapital ibridu ewlieni tal-Istat b'somma kapitali ewlenija ta' DKK 1,44 biljun (EUR 194 miljun, li minnhom DKK 287,6 miljun (EUR 39 miljun) flimkien ma' imgħax akkumulat ta' madwar DKK 8,7 miljun (EUR 12-il miljun) ġew ikkonvertiti f'ishma f'Vestjysk Bank. Fil-perjodu 2009 — 2011, Vestjysk Bank ħallas kupuni li jammontaw għal total ta' DKK 312,8 miljun (EUR 42 miljun) lill-Istat Daniż. Ir-rati tal-imgħax tal-kupun kienu stabbiliti għal 9,69 % u 10,19 % kull sena, skont jekk dawn inkludewx it-tariffa tal-opzjoni tal-konverżjoni. Aarhus Lokalbank żied il-kapital ibridu ewlieni tal-Istat b'somma kapitali ewlenija ta' DKK 177,8 miljun (EUR 24 miljun), li minnhom DKK 142,2 miljun (EUR 19-il miljun) flimkien ma' imgħax akkumulat li jammonta għal DKK 5 miljuni (EUR 0,7 miljun) ġew ikkonvertiti sussegwentement f'ishma f'Aarhus Lokalbank. Fil-perjodu 2009 — 2011, Aarhus Lokalbank ħallas kupuni li jammontaw għal total ta' DKK 25,9 miljun (EUR 3,5 miljun) lill-Istat Daniż. Ir-rati tal-imgħax tal-kupun kienu stabbiliti għal 10,92 % u 11,42 % kull sena, skont jekk dawn inkludewx it-tariffa tal-opzjoni tal-konverżjoni.

(8)  L-entità tal-Istat stabbiliet li tieħu ħsieb il-miżuri ta' għajnuna mill-Istat li ġew introdotti fid-Danimarka fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja.

(9)  It-tranżazzjoni ta' riakkwist inkwistjoni kkonċernat dejn subordinat b'valur nominali ta' NOK 40 miljun (madwar EUR 5,2 miljun). Dan ir-riakkwist tlesta fit-13 ta' Ġunju 2013 u sar bi prezz medju ta' 62 % tas-somma kapitali ewlenija, jiġifieri 2 punti perċentwali ogħla mill-prezz tas-suq ta' 50 % flimkien mal-primjum ta' 10 %. Għalhekk, Vestjysk Bank ħallas ammont żejjed lid-detenturi tal-istrumenti tad-dejn subordinat b'ammont li jikkorrispondi għal 2 % tas-somma kapitali ewlenija.

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Jannar 2012, ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma maħsuba biex jappoġġjaw il-miżuri favur l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Komunikazzjoni ta' Estensjoni tal-2011”) (ĠU C 356, 6.12.2011, p. 7).

(11)  Il-konsorzju jikkonsisti minn: Nykredit, Maj Invest (f'isem il-klijenti), Arbejdernes Landsbank, AP Pension, Novo A/S, the C.L. David Foundation and Collection, ISP Pension and Vestjylland Forsikring. Il-konsorzju jqis li l-investiment tiegħu f'Vestjysk Bank huwa purament ta' natura finanzjarja. L-ebda membru tal-Konsorzju mhu se jikseb kontroll fuq Vestjysk (l-akbar investiment individwali se jikkonsisti f'inqas minn 20 % tal-Bank) u l-ebda wieħed minnhom ma jixtieq jikkombina l-attivitajiet tal-Bank mal-attivitajiet tiegħu.

(12)  Il-prezz tal-fidi huwa 110 % tas-somma kapitali ewlenija, li jfisser li l-ħlas lura se jammonta għal madwar DKK 316 miljun.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali

(13)  Din l-ordni Eżekuttiva timplimenta l-linji gwida tal-EBA dwar il-Governanza Interna.

(14)  Ara l-punti 84 u 89-96 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-għajnuna mill-Istat.

(15)  Ara l-punt 80 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013.

(16)  Mill-inqas ġew ikkuntattjati disa' banek f'dan il-proċess, li sebgħa minnhom esprimew interess inizjali fil-Bank (jew f'parti minnu). Wara d-diliġenza dovuta, l-ebda wieħed minnhom ma ssottometta offerta.

(17)  B'mod partikolari, ix-xerrejja kollha rilevanti b'raġunament strateġiku u sinerġiji sinifikanti ġew ikkuntattjati kif ukoll investitur finanzjarju potenzjali (għajr […]) li indika interess matul il-proċess.

(18)  Mill-inqas, seba' banek u investitur finanzjarju wieħed ġew ikkuntattjati f'dan it-tieni proċess, li tlieta minnhom esprimew interess inizjali. Tnejn biss ipproċedew għall-fażi tad-diliġenza dovuta iżda l-ebda wieħed minnhom ma għamel offerta.

(19)  Il-kompetituri kollha potenzjali, anke jekk ma ġewx mistiedna formalment, setgħu jieħdu sehem fil-proċess ta' offerta kontinwu u s-suq sar jaf bit-tfittxija għal xerrej mis-SEB li ngħata l-kompitu mid-Danimarka biex isib xerrej għas-sehem tagħha fil-Bank u biex jimmaniġġja l-proċess tal-bejgħ (ara n-nota f'qiegħ il-paġna 17).

(20)  Għandu jiġi nnutat li mill-avviż, is-sehem tilef aktar minn terz tal-valur tiegħu. Bħala riżultat, fit-28 ta' Ġunju 2017, il-prezz għal sehem wieħed kien ta' 9 DKK biss. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-prezz tas-sehem jidher li fil-parti l-kbira tiegħu ġie ddeterminat minn madwar 40 000 investitur bl-imnut privat u dan jista' jispjega għaliex l-iżvilupp tal-prezz tas-sehem tal-Bank ma rriflettiex il-prestazzjoni sottostanti. L-ishma huma wkoll illikwidi (6 % biss tal-kapital azzjonarju ġie nnegozjat matul l-aħħar sena) bi flotazzjoni libera limitata (18,52 % biss) li jkomplu jnaqqsu l-probabbiltà li l-prezz tas-sehem huwa riflessjoni preċiża tal-valur veru tal-Bank.

(21)  F'dan ix-xenarju, l-Istat ma kienx ibigħ l-ishma tiegħu f'Vestjysk, iżda s-sehem tiegħu kien jonqos minn 81 % għal 23 % wara l-ħruġ tal-ishma. Il-kapital kollu subordinat, inkluż l-ibridi tal-Istat, kienu jiġu mifdija kmieni bil-valur nominali tagħhom. Fl-aħħar, il-ħruġ ta' ishma ġodda kien jiġi kkumplimentat bi ħruġ ġdid ta' Grad 2 għal ammont ta' DKK 275 miljun.

(22)  L-iskadenza għal tali offerta li tikkompeti hija t-18 ta' Lulju 2017 fl-16h00.

(23)  Folketingstidende E, Aktstykke 114, id-29 ta' Ġunju 2017. Dan issemma wkoll fl-istqarrijiet għall-istampa rispettivi tat-12 ta' Ġunju 2017: https://www.fm.dk/nyheder/pressemeddelelser/2017/06/staten-indgaar-aftale-om-salg-af-sine-aktier-i-vestjysk-bank u tad-19 ta' Ġunju 2017: https://www.fm.dk/nyheder/pressemeddelelser/2017/06/officielt-tilbud-paa-statens-aktier-i-vestjysk-bank-er-nu-fremsat

(24)  Il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħudin fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (il- “Komunikazzjoni Bankarja tal-2008”) (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8). Il-Komunikazzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja kurrenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux mistħoqqa (il-“Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”) (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta' Assi Indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (“Il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti”), (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (“Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar”) (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, wara l-1 ta' Jannar 2011, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjara (“Il-Komunikazzjoni dwar l-estensjoni tad-data ta' skadenza tal-2010”) (ĠU C 329, 7.12.2010, p. 7) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, wara l-1 ta' Jannar 2012, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat favur l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjara (“Il-Komunikazzjoni dwar l-estensjoni tad-data ta' skadenza tal-2011”) (ĠU C 356, 6.12.2011, p. 7); il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja tal-2013 (“il-komunikazzjoni dwar il-banek tal-2013”). (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(25)  Ta' min jinnota li r-rekwiżiti tal-qsim tal-piżijiet fis-seħħ fiż-żmien tal-għoti tal-miżuri ma inkludewx il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta' dejn subordinat, li saru rekwiżit biss wara li l-Komunikazzjoni dwar il-Banek tal-2013 daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2013.

(26)  Ara l-punt 26 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(27)  In-Nota ta' Spjega tat-13 ta' Ġunju 2012 mill-persunal tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “buybacks of hybrid securities by banks receiving State aid” (“riakkwisti ta' titoli ibridi mill-banek li jirċievu għajnuna mill-Istat”).

(28)  Il-Bank kellu proporzjon ta' self għad-depożitu ta' 74 % fit-tmiem tal-2016 u huwa mistenni li dan il-proporzjon jammonta għal madwar 73 % fl-2018.

(29)  Indebolimenti gross fuq il-portafoll tal-agrikoltura u s-sajd irrappreżentaw rispettivament madwar 57 %, 68 % u 78 % tal-indebolimenti gross totali fis-snin 2014, 2015 u 2016.

(30)  Ara https://ec.europa.eu/agriculture/markets-and-prices/medium-term-outlook_mt

(31)  Dawn iċ-ċifri jqisu ż-żieda kapitali ppjanata ta' DKK 745 miljun.

(32)  Deloitte rrevediet 135 mil-impenji tas-self tal-Bank li kkorrispondew għal 25 % tal-impenji kollha ta' self kummerċjali u 40 % tal-impenji kollha ta' self meta jkun hemm evidenza oġġettiva ta' indeboliment. Il-Bank estrapola s-sejbiet ta' din id-diliġenza dovuta u abbażi ta' xi suppożizzjonijiet wasal għall-indebolimenti addizzjonali meħtieġa għall-portafoll kollu tiegħu.

(33)  Dawn il-miri se jiġu applikati abbażi ta' portafoll għall-klijenti konsumaturi filwaqt li għall-klijenti kummerċjali, dawn se jiġu applikati fil-livell individwali tar-relazzjoni mal-klijent.


ANNESS

DOKUMENT DWAR IL-KUNDIZZJONIJIET (KAŻ SA.34720) ID-DANIMARKA — PJAN TA' RISTRUTTURAR TAL-VESTJYSK BANK

1.   SFOND

Ir-Renju tad-Danimarka (“Id-Danimarka”) għandu jiżgura li l-Vestjysk Bank A/S (“Vestjysk” jew il-“Bank”), jimplimenta l-pjan ta' ristrutturar ippreżentat fl-14 ta' Ġunju 2017.

Id-Danimarka għalhekk tipprovdi l-impenji li ġejjin (l-“Impenji”) li huma parti integrali mill-pjan ta' ristrutturar imsemmi.

L-Impenji għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) li tapprova l-pjan ta' ristrutturar (“id-Deċiżjoni”).

It-test tal-Impenji għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-Deċiżjoni u tal-qafas ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u b'referenza għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (1).

Id-Danimarka għandha tiżgura li Vestjysk jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma b'mod korrett u għal kollox mal-Impenji preżenti sal-aħħar tal-Perjodu ta' Ristrutturar.

2.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet tal-Impenji, it-termini li ġejjin għandhom ifissru:

1.    Reġjun Prinċipali : ir-reġjun ta' Jutland.

2.    Deċiżjoni : id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-miżura ta' għajnuna mill-Istat u li tapprova l-pjan ta' ristrutturar ta' Vestjysk fil-każ SA.34720 u datata [daħħal].

3.    Data Effettiva : id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

4.    Proporzjon ta' Finanzjament : il-proporzjon tas-self fuq il-finanzjament stabbli fil-forma ta' kapital operatorju ħlief bonds b'maturità residwa ta' anqas minn sena.

5.    LCR : Proporzjon ta' kopertura tal-likwidità.

6.    Fiduċjarju tal-Monitoraġġ : persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar, indipendenti minn Vestjysk li hija approvata mill-Kummissjoni u maħtura minn Vestjysk u li għandha d-dmir li tissorvelja l-konformità ta' Vestjysk mal-Impenji.

7.    Pjan ta' Ristrutturar : il-pjan ta' ristrutturar (pjan ta' direzzjoni kif aġġornat u ppreżentat lill-Kummissjoni f'Ġunju 2017) ta' Vestjysk approvat mid-Deċiżjoni.

8.    RoE (redditu fuq l-ekwità) : redditu fuq l-ekwità wara t-taxxa.

9.    RoE fil-livell tal-klijenti : RoE qabel it-taxxa fuq il-livell tar-relazzjoni mal-klijent skont prezz ta' trasferiment ta' finanzjament proporzjonat ma' kost ta' finanzjament li jaqbel mal-maturitajiet u aġġustat għall-kostijiet tar-riskju. Dan il-kalkolu jinkludi l-medja ponderata skont il-volum tas-self kollu ma' klijent uniku; jistgħu jitqiesu wkoll negozji oħra b'tariffi jew tranżazzjonijiet bankarji li jikkontribwixxu għall-profittabbiltà tar-relazzjoni mal-istess klijent, biex self ġdid ikun jista' jiġġenera inqas redditu jekk ikun ikkumpensat minn tranżazzjonijiet ta' negozju b'tariffi jew bankarji oħra.

10.    Ibridi tal-Istat : Il-bonds subordinati sottoskritti mid-Danimarka (bid-Daniż: hybrid kernekapital udstedt under bankpakke II).

Għall-finijiet tal-Impenji, is-singular ta' dawn it-termini għandu jinkludi l-plural (u viċi versa), sakemm l-Impenji ma jistabbilixxux mod ieħor.

3.   ĠENERALI

3.1.

Id-Danimarka għandha tiżgura li matul l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ristrutturar, l-Impenji jiġu osservati bis-sħiħ.

3.2.

Il-Perjodu ta' Ristrutturar għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru 2018, sakemm Vestjysk jilħaq RoE ta' [7–11] % fuq il-bażi tal-kontijiet annwali finali awditjati għall-2018 u jekk dan ma jintlaħaqx għall-2018, il-Perjodu ta' Ristrutturar għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru 2019 skont rapport finali mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ fir-rigward ta' impenji li japplikaw f'dik is-sena. L-Impenji japplikaw matul il-Perjodu ta' Ristrutturar, sakemm ma jiġix previst mod ieħor.

4.   IR-RISTRUTTURAR TAL-Vestjysk: IL-KAPITALIZZAZZJONI U l-Ibbilanċjar mill-ġdid tal-ktieb tas-self

4.1.

Vestjysk fil-Perjodu ta' Ristrutturar għandu jżomm kapital mill-anqas ekwivalenti għall-ogħla livell bejn (i) 2 % tal-iskopertura totali tar-riskju tagħha u (ii) DKK 325 miljun f'eċċess tas-somma tas-solvenza li hemm bżonn u r-rekwiżit ta' bafer kombinat skont il-liġi u r-regolament applikabbli.

4.2.

Vestjysk matul il-Perjodu ta' Ristrutturar għandu jikkonforma mar-rekwiżiti ta' likwidità li ġejjin:

Vestjysk għandu jżomm LCR ta' mill-inqas 100 % mkejjel f'konformità mal-liġi u r-regolament applikabbli.

Vestjysk għandu jżomm kopertura tal-eċċess ta' likwidità ta' mill-anqas 50 % tar-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità skont il-liġi u r-regolament applikabbli.

Vestjysk għandu jżomm proporzjon ta' finanzjament ta' massimu ta' 1 mkejjel f'konformità mal-liġi u r-regolament applikabbli.

4.3.

Id-daqs tal-karta tal-bilanċ ta' Vestjysk għas-sena 2017 m'għandux ikun akbar minn dak tal-2016 u m'għandux jaqbeż DKK 20 300 miljun fl-2018 u 21 000 miljun fl-2019 (jekk applikabbli).

4.4.

Vestjysk għandu jibbilanċja mill-ġdid is-self tiegħu għall-Perjodu ta' Ristrutturar kif imiss:

Is-self nett li jinkludi garanziji għas-settur tal-Proprjetà Immobbli m'għandux jammonta għal aktar minn 25 % tas-self nett totali (self lil klijenti) inklużi garanziji mogħtija fi żmien partikolari.

4.5.

Is-self nett imkejjel bħala medja tas-self nett fis-sena għal agrikoltura, kaċċa, forestrija u sajd, fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena m'għandux jaqbeż is-sehem tiegħu mit-total ta' self nett fil-31 ta' Diċembru 2016 (jiġifieri 20 % tas-self totali lill-klijenti kif definit hawn fuq) jekk u sakemm dan l-eċċess tas-self nett ikun ir-riżultat ta' self lil klijenti ġodda jew żieda ta' dan it-tip ta' self lil klijenti eżistenti.

4.6.

Vestjsk m'għandhux jipprovdi self ġdid għall-klijenti barra r-Reġjun Prinċipali, sakemm il-konsumatur ma jipprovdix il-finanzjament tiegħu stess ta' mill-anqas [35-45] % u s-self jiġi kollateralizzat. Vestjysk m'għandux jipprovdi self ġdid relatat ma' assi barra d-Danimarka.

4.7.

Skoperturi kbar:

Vestjysk ma jista' jieħu ebda skopertura ta' kreditu tar-riskju ma' konsumaturi ġodda, fejn dawn l-iskoperturi weħedhom ikunu jikkonstitwixxu aktar minn 10 % tal-kapital totali f'dak iż-żmien.

5.   MIŻURI TA' IMĠIBA U GOVERNANZA KORPORATTIVA

5.1.

Projbizzjoni fuq l-akkwisti: Vestjysk m'għandu jikseb l-ebda sehem fl-ebda impriża, kemm jekk ikun assi kif ukoll trasferiment ta' sehem. Il-projbizzjoni fuq l-akkwisti tkopri kemm l-impriżi li għandhom il-forma legali ta' kumpanija kif ukoll kull pakkett ta' assi li jifforma negozju.

i.

Eżenzjoni: Vestjysk jista' jikseb ishma f'impriżi, bil-kundizzjoni li:

a.

Il-prezz tax-xiri mħallas minn Vestjysk għal kwalunkwe akkwist ikun inqas minn 0,01 % tad-daqs tal-karta tal-bilanċ (2) ta' Vestjysk fid-Data Effettiva (3); kif ukoll

b.

Il-prezzijiet tax-xiri kumulattivi mħallsa minn Vestjysk għal dawn l-akkwisti kollha li jibdew mid-Data Effettiva sa tmiem il-Perjodu ta' Ristrutturar, huma inqas minn 0,025 % tad-daqs tal-karta tal-bilanċ ta' Vestjysk fid-data Effettiva.

c.

L-akkwist isegwi direttament minn obbligi kuntrattwali eżistenti preċedenti (qabel din id-Deċiżjoni) meħuda ma' partijiet terzi jew obbligi regolatorji relatati, jew hiuwa meħtieġ b'deċiżjoni finali u mandatorja meħuda minn awtorità pubblika dwar Vestjysk

ii.

Attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-akkwist: Il-projbizzjoni tal-akkwist m'għandhiex tkopri akkwisti (i) li jseħħu fil-kors ordinarju tan-negozju bankarju fil-ġestjoni ta' pretensjonijiet eżistenti għal ditti f'diffikultà, inkluża l-konverżjoni ta' strumenti ta' dejn ma' ekwità, jew (ii) bħala parti minn attivitajiet ta' teżor ordinarji.

5.2.

Reklamar: Vestjysk m'għandux juża l-għoti tal-miżuri ta' għajnuna jew kwalunkwe vantaġġ li jirriżulta għal skopijiet ta' reklamar.

6.   RISTRUTTURAR TAL-ĠESTJONI TAR-RISKJU TA' VESTJYSK BANK

6.1.

Il-Bank se jkompli jtejjeb u jiċċentralizza l-ġestjoni tar-riskju għall-klijenti ewlenin tiegħu billi joħloq dipartiment bankarju għan-negozju ċentralizzat.

6.2.

Il-kostijiet kollha rikorrenti ta' operat u l-amortizzament ta' Vestjysk m'għandhomx jaqbżu DKK [435–475] miljun fl-2017, DKK [420–460] miljun fl-2018 u DKK [405–445] u DKK [405–445] miljun fl-2019 (jekk applikabbli) (dawn iċ-ċifri għandhom jiżdiedu bl-ammont li jirriżulta minn rekwiżiti addizzjonali imposti fuq Vestjysk skont il-liġi jew regolament applikabbli inkluż mingħajr limitu fit-taxxa fuq il-pagi (bid-Daniż: lønsumsafgift)).

7.   ĦLAS LURA TAL-ISTAT

7.1.

Vestjysk għandu jirrimborża kompletament l-Ibridi tal-Istat tiegħu b'parita flimkien mal-interessi dovuti f'konformità mal-liġi u r-regolament applikabbli, fi ħdan 6 xhur mid-Data Effettiva.

8.   IMPENJI DWAR IL-POLITIKI TA' KREDITU U L-IPPREZZAR

8.1.

Vestjysk se:

8.1.1.

Fl-2017, l-2018 u l-2019 (jekk applikabbli) jippreżenta rapport fil-forma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li juri d-distribuzzjoni tar-RoE ta' qabel it-taxxa tal-klijenti kummerċjali tal-Bank (li jinkludu l-SMEs kollha) u, għall-klijenti tal-konsumaturi juri l-qligħ gross medju bi gradi dwar il-kwalità tal-kreditu kif stabbilit fit-taqsima 8.1.6.

8.1.2.

Fl-2018 u jekk applikabbli, fl-2019 se jipprepara strateġija li turi kif se tiżdied il-profittabilità tar-relazzjonijiet mal-klijenti tal-Bank. Din l-istrateġija għandha tkun dettaljata biżżejjed, u fost l-oħrajn tiċċara s-segmenti tal-klijenti fil-mira, il-miżuri proposti li jżidu d-dħul (inkluż il-possibilità li jintemmu relazzjonijiet mhux sodisfaċenti mal-klijent).

8.1.3.

Fl-2018 se jipprezza kull selfa ġdida (waqt li jikkunsidra kwalunkwe negozju ġdid mhux relatat ma' tranżazzjonijiet bħala selfa ġdida) billi juża għodda tal-ipprezzar interna xierqa jew fil-każ ta' esponimenti tal-klijenti tal-konsumatur juża linji gwida għall-ipprezzar interni u dimostrazzjoni ċentralizzata li l-linji gwida għall-ipprezzar jappoġġaw dħul medju gross għal kull konsumatur ta' mill-anqas DKK [2 800–3 300] bbażat fuq mudell standardizzat. L-ipprezzar għal self ġdid lil klijenti kummerċjali se jitqies li huwa adegwat jekk is-self ġdid jikkontribwixxi biex tinkiseb RoE pożittiva fuq il-livell tal-klijenti ta' mill-inqas [8–12] % qabel it-taxxa fl-2018.

8.1.4.

Mill-2019 'il quddiem (jekk applikabbli) għandu jiżgura li sa fejn ikun possibbli, kull relazzjoni mal-klijenti (u mhux biss self ġdid) għandha tiġi pprezzata f'konformità mal-klawsola 8.1.3 hawn fuq. Jekk ma jintweriex RoE pożittiv fil-livell tal-klijenti ta' mill-anqas [8-12] % qabel it-taxxa għal relazzjonijiet individwali bejn in-negozji u l-klijenti li jaqbżu esponiment ta' DKK [2,2–2,7] miljun fil-mument tal-ipprezzar se jwassal għal żieda fil-fajls tal-krediti quddiem il-Bord ta' Tmexxija għal approvazzjoni formali permezz ta' deċiżjoni motivata.

Jekk l-ammont ta' eċċezzjonijiet għar-relazzjonijiet kollha bejn in-negozji u l-klijenti, irrispettivament mid-daqs tagħhom, li ma jissodisfawx ir-rata minima msemmija ta' [2–3] % tal-esponiment tas-self nett awditjat tal-Bank (fl-aħħar tas-sena finanzjarja ta' qabel) fi ħdan is-sena finanzjarja, Vestjysk sa fejn hu legalment possibbli għandu (i) b'rabta mal-klijenti kummerċjali jiżgura tnaqqis tal-ammont ta' esponiment għas-self nett lil klijenti tan-negozju li ma jissodisfawx ir-rata minima msemmija bi [18–25] % meta mqabbla mas-sena finanzjarja preċedenti u (ii), b'rabta mal-klijenti tal-konsumatur, jiżguraw żieda fil-medja tad-dħul gross ta' [4–8] % mil-livell preżenti ta' DKK [2 800–3 300] għal-livell minimu ta' DKK [2 800–3 300].

8.1.5.

Għal-iskop ta' dawn il-kalkoli għal klijenti kummerċjali, is-self ġdid se jkollu dokumentazzjoni ta' kreditu li turi RoE kkalkulat qabel il-ftehim fil-livell tal-klijenti kemm għas-self individwali kif ukoll għal skoperturi eżistenti oħra fuq klijent uniku inklużi negozju b'tariffi jew tranżazzjonijiet bankarji. Is-self ġdid imsemmi hawn fuq għandu jkollu dokumentazzjoni ta' kreditu li turi RoE kkalkulat qabel il-ftehim fil-livell tal-klijenti fil-mument tad-deċiżjoni għall-kreditu u għal kwalunkwe sena finanzjarja minn hemm 'il quddiem.

8.1.6.

Ftehimiet ta' kreditu li ma jaqgħux taħt dan ir-reġim ta' politika tal-ipprezzar: każijiet ta' ristrutturar (kwalità ta' kreditu (bid-Daniż: udlånsbonitet) ta' grad 1 u 2c skont is-sistema ta' klassifikazzjoni ġenerali tal-konsumaturi tad-DFSA) li għaliha tħejja pjan ta' ristrutturar jew ta' rkupru (bid-Daniż: kredithandlingsplan) u t-tranżazzjonijiet kollha tas-suq tal-flus.

9.   MEKKANIŻMU TA' AĠĠUSTAMENT

9.1.

Jekk il-miri msemmija fit-taqsima 4.3 f'sena partikolari ma jinkisbux minħabba kontinġenza barra mill-kontroll tal-bank u jekk id-differenza bejn ir-riżultati reali u l-miri taqbeż is-7 %, id-Danimarka għandha tippreżenta proposta lill-Kummissjoni li jkun fiha ġustifikazzjoni u miżuri ta' rimedju biex tiżgura konformità futura mal-miri jew kumpens xieraq, jew proposta li tipproponi azzjonijiet alternattivi mmirati li jiksbu l-istess skop tal-miri inizjali li ma ntlaħqux.

10.   RAPPURTAR

10.1.

Id-Danimarka għandha tiżgura li l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Pjan tar-Ristrutturar u l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Impenji kollha f'dan id-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet jiġu ssorveljati kontinwament.

10.2.

Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu jirrapporta kull sitt xhur lill-Kummissjoni fuq l-evoluzzjoni tal-pjan ta' ristrutturar u dwar l-impenji msemmijin hawn fuq sa tmiem il-Perjodu tar-Ristrutturar. Id-dati ta' referenza għar-Rappurtar ta' kull sitt xhur huma l-31 ta' Diċembru u t-30 ta' Ġunju. Ir-Rappurtar ta' kull sitt xhur għandu jintbagħat fi żmien xahrejn mid-dati ta' rappurtar kull sena matul il-Perjodu ta' Ristrutturar. Ir-rapport finali għad-data ta' referenza tal-31 ta' Diċembru 2019 (jekk applikabbli) għandu jkopri s-sena 2019 kollha.

11.   IL-FIDUĊJARJU TAL-MONITORAĠĠ

11.1.

Id-Danimarka għandha taħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li l-mandat tiegħu huwa li jirrapporta lill-Kummissjoni dwar konformità mid-Danimarka u mill-Bank mal-Impenji.

11.2.

Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu jkun indipendenti mill-Bank u għandu jippossjedi l-kwalifiki meħtieġa biex iwettaq il-mandat tiegħu, pereżempju bħala bank ta' investiment jew konsulent jew awditur, u la jkun u lanqas isir espost għall-konflitt ta' interess permezz tal-eżerċitar tal-mandat tiegħu.

11.3.

Il-Fiduċjarju għandu jiġi rimunerat mill-Bank b'tali mod li ma jxekkilx it-twettiq indipendenti u effikaċi tal-mandat tiegħu.

Ħatra tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ

11.4.

Mhux aktar tard minn erba' ġimgħat wara d-Data Effettiva, id-Danimarka għandha tippreżenta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni lista ta' żewġ persuni jew aktar li d-Danimarka tipproponi li taħtar bħala l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, b'indikazzjoni tal-għażla preferuta tad-Danimarka. Il-proposta għandha tinkludi biżżejjed informazzjoni biex il-Kummissjoni tkun tista' tivverifika li l-Fiduċjarju propost jissodisfa r-rekwiżiti stipulati hawn fuq u għandha tinkludi:

(i)

it-termini sħaħ tal-mandat propost, li għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jippermettu li l-Fiduċjarju jissodisfa d-doveri tiegħu skont dawn l-Impenji;

(ii)

Il-qafas ta' pjan ta' ħidma li jiddeskrivi kif il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ beħsiebu jwettaq il-kompiti assenjati lilu.

11.5.

Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tapprova jew tiċħad il-Fiduċjarji proposti, u li tapprova l-mandat propost suġġett għal kwalunkwe modifika li hija tqis li hija meħtieġa biex il-Fiduċjarju jkun jista' jissodisfa l-obbligi tiegħu. Jekk jiġi approvat isem wieħed biss, id-Danimarka għandha taħtar jew twassal biex jinħatar l-individwu jew l-istituzzjoni kkonċernati bħala l-Fiduċjarju, b'konformità mal-mandat approvat mill-Kummissjoni. Jekk jiġi approvat aktar minn isem wieħed, id-Danimarka għandha tkun libera li tagħżel il-Fiduċjarju li għandu jinħatar minn fost l-ismijiet approvati. Il-Fiduċjarju għandu jinħatar fi żmien ġimgħa mill-approvazzjoni tal-Kummissjoni, skont il-mandat approvat mill-Kummissjoni.

11.6.

Jekk il-Fiduċjarji kollha jiġu miċħuda, id-Danimarka għandha tippreżenta l-ismijiet ta' mill-anqas żewġ individwi jew istituzzjonijiet oħrajn fi żmien ġimgħa minn meta tiġi infurmata biċ-ċaħda.

11.7.

Jekk il-Fiduċjarji l-oħra kollha li jiġu proposti jiġu rrifjutati mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tinnomina Fiduċjarju, li d-Danimarka għandha taħtar, jew twassal biex jinħatar, f'konformità mal-mandat tal-fiduċjarju approvat mill-Kummissjoni.

Doveri u obbligi tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ

11.8.

Il-Fiduċjarju għandu jassumi d-doveri speċifikati tiegħu biex jiżgura l-konformità mal-Impenji. Il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Fiduċjarju jew tad-Danimarka jew tal-Bank, tagħti kwalunkwe ordni jew istruzzjoni lill-Fiduċjarju biex tiżgura konformità mal-Impenji. Il-Bank u d-Danimarka mhumiex intitolati li jagħtu istruzzjonijiet lill-Fiduċjarju.

11.9.

Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu:

(i)

Jipproponi lill-Kummissjoni pjan ta' ħidma dettaljat li jiddeskrivi kif beħsiebu jissorvelja l-konformità mal-Impenji. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017;

(ii)

Għandu jissorvelja l-konformità mal-Impenji b'rapporti ta' kull tliet xhur;

(iii)

Għandu jipproponi miżuri li l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ iqis neċessarji biex jiżgura l-konformità tad-Danimarka u tal-Bank mal-Impenji;

Id-doveri u l-obbligi tad-Danimarka u tal-Bank

11.10.

Il-Bank għandu jipprovdi u jwassal lill-konsulenti tiegħu biex jipprovdu lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ bil-kooperazzjoni, bl-assistenza, bl-appoġġ maniġerjali u amministrattiv u bl-informazzjoni li l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jista' raġonevolment ikun jeħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu.

Sostituzzjoni, kwittanza u ħatra mill-ġdid tal-Fiduċjarju

11.11.

Jekk il-Fiduċjarju jieqaf iwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont l-Impenji jew għal xi kawża tajba oħra, inkluża l-espożizzjoni tal-Fiduċjarju għal konflitt ta' interess:

11.12.

Il-Kummissjoni wara li tisma' lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, tista' titlob lid-Danimarka tissostitwixxi l-Fiduċjarju; jew

11.13.

Id-Danimarka bl-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, tista' tissostitwixxi l-Fiduċjarju.

11.14.

Jekk il-Fiduċjarju jitneħħa, il-Fiduċjarju jista' jintalab ikompli fil-funzjoni tiegħu sakemm jinħatar Fiduċjarju ġdid, li lilu l-Fiduċjarju jkun għadda bis-sħiħ l-informazzjoni kollha rilevanti. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ġdid għandu jinħatar f'konformità mal-proċedura msemmija fil-klawsoli 11.4–11.7.

11.15.

Minbarra t-tneħħija, il-Fiduċjarju għandu jieqaf jaġixxi biss wara li l-Kummissjoni tkun waqqfitu milli jkompli jaqdi d-doveri tiegħu wara li l-Impenji li jkun ġie fdat bihom il-Fiduċjarju jkunu ġew implimentati. Madankollu, il-Kummissjoni tista' fi kwalunkwe ħin titlob il-ħatra mill-ġdid tal-Fiduċjarju jekk aktar tard ikun jidher li r-rimedji rilevanti setgħu ma ġewx implimentati b'mod sħiħ u kif suppost.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(2)  Għall-kjarifika, għall-iskop ta' dak l-Impenn, id-daqs tal-karta bilanċjali huwa ugwali għall-assi totali ta' Vestjysk Bank.

(3)  Għal kjarifika, f'każ li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni biex titneħħa l-projbizzjoni tal-akkwist il-karta tal-bilanċ tal-Vestjysk Bank fid-Data Effettiva tal-Impenji għandha tiġi kkalkulata biex tinkludi wkoll l-assi tal-entitajiet miksuba jew l-assi miksuba fid-data tal-akkwist.


Top