EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1949

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1949 tal-25 ta' Ottubru 2017 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE li tidentifika pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

C/2017/7042

ĠU L 276, 26.10.2017, p. 62–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1949/oj

26.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/62


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1949

tal-25 ta' Ottubru 2017

li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE li tidentifika pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE (2), il-Kummissjoni identifikat is-Sri Lanka bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“IUU”), skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008. F'dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni pprovdiet ir-raġunijiet li għalihom qieset li dak il-pajjiż naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq li jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/200 (3), il-Kunsill inkluda s-Sri Lanka fil-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE (4).

(3)

L-Artikolu 18(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jeskludi l-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodotti tas-sajd akkumpanjati b'ċertifikat tal-qbid ivvalidat mill-awtoritajiet ta' Stat tal-bandiera identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(4)

Wara li ġie identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax, is-Sri Lanka ppruvat tieħu miżuri konkreti biex tirrimedja għan-nuqqasijiet identifikati.

(5)

Abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni, jidher li s-Sri Lanka implimentat l-obbligi rilevanti skont id-dritt internazzjonali u adottat qafas legali adegwat għall-ġlieda kontra s-sajd IUU. Stabbiliet skema adegwata u effiċjenti ta' monitoraġġ, kontroll u spezzjoni billi introduċiet ġurnali ta' abbord biex tiġi reġistrata dejta dwar il-qbid u sinjali tas-sejħa tar-radju għall-bastimenti tas-sajd u armat il-flotta kollha tal-ibħra miftuħa b'Sistema għall-Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS). Ħolqot ukoll sistema ta' sanzjonijiet ta' deterrent, irrevediet il-qafas legali tagħha dwar is-sajd u żgurat l-implimentazzjoni korretta tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni tal-qbid. Barra minn hekk, is-Sri Lanka tejbet b'mod konsistenti l-konformità tagħha mar-rakkomandazzjonijiet u mar-riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (ORĠS), bħall-miżuri ta' Kontroll mill-Istat tal-Port. Ittrasponiet ir-regoli tal-ORĠS f'liġi tas-Sri Lanka u adottat pjan ta' azzjoni nazzjonali tagħha stess kontra s-sajd IUU, b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni internazzjonali kontra s-sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat tan-Nazzjonijiet Uniti.

(6)

Għaldaqstant, jidher li s-Sri Lanka implimentat l-obbligi rilevanti skont id-dritt internazzjonali u li l-azzjonijiet meħuda minnha bħala Stat tal-bandiera huma biżżejjed biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 94, 117 u 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u l-Artikoli 18, 19, 20 u 23 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut.

(7)

Għalhekk, jista' jiġi konkluż li s-sitwazzjoni li ġġustifikat l-identifikazzjoni tas-Sri Lanka bħala pajjiż terz li ma jikkooperax ġiet iġġustifikata u li s-Sri Lanka ħadet miżuri konkreti li kapaċi jwasslu għal titjib dejjiemi tas-sitwazzjoni.

(8)

B'konsegwenza ta' dan il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/992 (5) li tneħħi s-Sri Lanka mil-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx.

(9)

F'dawk iċ-ċirkostanzi jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE titħassar b'effett mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/992.

(10)

Din id-Deċiżjoni ma teskludi l-ebda pass possibbli li jista' jittieħed fil-futur mill-Unjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008, f'każ li s-Sri Lanka tonqos milli taqdi d-dmirijiet li hija għandha skont id-dritt internazzjonali, bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, li tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU.

(11)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura tat-28 ta' Frar 2017,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE hija mħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mit-22 ta' Ġunju 2016.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/715/UE tal-14 ta' Ottubru 2014 li tidentifika pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 297, 15.10.2014, p. 13).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/200 tas-26 ta' Jannar 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward tas-Sri Lanka (ĠU L 33, 10.2.2015, p. 15).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li vistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/992 tas-16 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward ta' Sri Lanka (ĠU L 162, 21.6.2016, p. 15).


Top