EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1856

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1856 tal-10 ta' Ottubru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 265, 14.10.2017, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1856/oj

14.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/21


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1856

tal-10 ta' Ottubru 2017

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tforni merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-7 ta' Ottubru 2016, il-Polonja talbet għal deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal fornimenti ta' drives riġidi bħal drives bi stat solidu u drives b'diski riġidi.

(3)

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta' ittri datati t-12 u t-13 ta' Lulju 2017, bit-talba li għamlet il-Polonja. Permezz ta' ittra datata t-13 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(4)

Id-drives riġidi, li mhumiex koperti bl-Artikolu 199a tad-Direttiva 2006/112/KE, saru komodità oħra fil-kategorija ta' prodotti elettroniċi użati għall-frodi tal-VAT fil-Polonja. Skont il-Polonja, il-prattika ta' frodi tal-VAT fis-suq tad-drives riġidi qed tikber permezz tal-użu tal-mekkaniżmu tan-“negozjant nieqes”. Id-daqs u l-ambitu ta' din il-prattika għandhom impatt dirett u negattiv ħafna fuq id-distributuri li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-frodi u din il-prattika twassal għal tnaqqis fid-dħul mill-VAT.

(5)

Il-Polonja ħadet għadd ta' miżuri li jindirizzaw u jipprevjenu l-frodi tal-VAT. Madankollu, sakemm il-miżuri jġibu riżultati effettivi, il-Polonja tqis li hemm il-ħtieġa ta' appoġġ addizzjonali, fil-forma ta' miżura temporanja bħall-introduzzjoni tal-mekkaniżmu domestiku tar-reverse charge.

(6)

Għaldaqstant, il-Polonja jenħtieġ li tkun awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge fuq provvisti ta' drives riġidi bħal drives bi stat solidu u drives b'diski riġidi mill-1 ta' Jannar 2018. Id-deroga għandha tkun limitata sal-31 ta' Diċembru 2020.

(7)

Sakemm tiskadi d-deroga, il-miżuri meħuda mill-Polonja huma mistennija li jipprevjenu aktar tixrid ta' frodi tal-VAT fis-settur tad-drives riġidi u għalhekk il-Polonja ma tkunx teħtieġ li tkompli tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta' dawn il-provvisti. Għaldaqstant, il-Polonja mhux ser tkun tenħtieġ li ġġedded id-deroga.

(8)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja hija awtorizzata li tindika lir-riċevitur bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fil-każ ta' provvisti ta' drives riġidi bħal drives bi stat solidu u drives b'diski riġidi.

Artikolu 2

Din id-Deċìżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 u għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


Top