EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1854

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 265, 14.10.2017, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1854/oj

14.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1854

tal-10 ta' Ottubru 2017

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta' merkanzija u ta' servizzi riċevuti minnha għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta' dik id-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi ta' negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b'mod iktar ġenerali, jintuża għal skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha.

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE (2) tawtorizza lill-Estonja biex tirrestrinġi d-dritt tat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' ċerti karozzi tal-passiġġieri u biex teħles mill-obbligu li l-persuna taxxabbli jkollha tiddikjara l-VAT fuq l-użu mhux għan-negozju, tal-vetturi koperti minn din ir-restrizzjoni.

(3)

B'ittra rreġistrata lill-Kummissjoni fit-18 ta' April 2017, l-Estonja talbet li tingħata l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri speċjali li għandhom x'jaqsmu max-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' ċerti karozzi tal-passiġġieri, bħala deroga mid-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri ta' merkanzija u ta' servizzi u mid-dispożizzjonijiet li jeżiġu li ssir id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-assi tan-negozju li ma jintużawx għal skopijiet ta' negozju.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn permezz ta' ittra datata l-14 ta' Ġunju 2017 bit-talba li għamlet l-Estonja. Permezz ta' ittra datata l-15 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li kellha bżonn biex tevalwa t-talba.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/797/UE, l-Estonja ressqet, mat-talba għal estensjoni, rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, inkluż rieżami tar-restrizzjoni tal-persentaġġ applikata fuq id-dritt tat-tnaqqis. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, l-Estonja jidhrilha li r-rata ta' 50 % għadha ġustifikabbli u tibqa' adegwata.

(6)

Jenħtieġ li l-estensjoni ta' dawn il-miżuri ta' deroga jkollhom limitu taż-żmien biex tkun tista' ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħhom u tal-persentaġġ xieraq. Għalhekk jenħtieġ li l-Estonja tiġi awtorizzata biex tkompli tapplika l-miżura għal perjodu limitat, sal-31 ta' Diċembru 2020.

(7)

Fejn l-Estonja tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2020 hija neċessarja, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-persentaġġ applikat flimkien mat-talba għal estensjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2020.

(8)

Id-deroga ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/797/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/797/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020.

2.   Kull talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2020 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-persentaġġ stabbilit fl-Artikolu 1.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE tas-7 ta' Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 48).


Top