Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1789

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1789 tal-25 ta' Settembru 2017 li tabroga d-Deċiżjoni 2009/415/KE dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Greċja

    ĠU L 256, 4.10.2017, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1789/oj

    4.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 256/5


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1789

    tal-25 ta' Settembru 2017

    li tabroga d-Deċiżjoni 2009/415/KE dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Greċja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-27 ta' April 2009, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/415/KE (1) skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-gvern laħaq it-3,5 % tal-PDG fl-2007, u b'hekk ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG u kien stmat li kien 3,6 % tal-PDG fl-2008 (nett minn miżuri ta' darba biss jew 3,4 % tal-PDG inklużi dawk il-miżuri). Għall-2009, id-defiċit tal-gvern kien ipprojettat li jilħaq l-4,4 % tal-PDG (jew 3,7 % inkluż id-dħul ta' darba). Id-dejn gross tal-gvern kien 94,8 % tal-PDG fl-2007 u 94,6 % tal-PDG fl-2008, ferm ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG. Skont it-tbassir interim ta' Jannar 2009 tal-Kummissjoni, il-proporzjon ta' dejn tal-gvern mal-PDG kien ipprojettat li jiżdied aktar għal 96,3 % fl-2009 u 98,5 % tal-PGD fl-2010.

    (2)

    Fis-27 ta' April 2009, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ħareġ Rakkomandazzjoni lill-Greċja biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2010, billi ġġib id-defiċit tal-gvern taħt it-3 % tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli. Għal dak il-għan, il-Kunsill stabbilixxa skadenza tas-27 ta' Ottubru 2009 biex il-Gvern Grieg jieħu azzjoni effikaċi.

    (3)

    Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill stabbilixxa, skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li l-Greċja ma kinitx ħadet azzjoni effikaċi; għaldaqstant, fis-16 ta' Frar 2010, il-Kunsill, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, avża lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) TFUE biex jieħu miżuri biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2012. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll skadenza tal-15 ta' Mejju 2010 biex tittieħed azzjoni effikaċi.

    (4)

    Id-deterjorazzjoni ferm serja tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern Grieg wasslet lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biex fl-2010, fuq talba mill-Greċja, jiddeċiedu li jipprovdu għajnuna ta' stabbiltà lill-Greċja, bil-ħsieb li jħarsu l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, b'mod konġunt ma' assistenza multilaterali pprovduta mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Minn Marzu 2012, l-għajnuna pprovduta mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ħadet il-forma ta' self mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja.

    (5)

    Fl-10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE (3), li kienet indirizzata lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 TFUE bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li jitqiesu neċessarji għall-korrezjoni tad-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2014.

    (6)

    Id-Deċiżjoni 2010/320/UE ġiet emendata b'mod sostanzjali diversi drabi. Hija ġiet irriformulata fit-12 ta' Lulju 2011, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE (4). Sussegwentement, id-Deċiżjoni 2011/734/UE ġiet emendata diversi drabi bejn it-8 ta' Novembru 2011 u Diċembru 2012 (5).

    (7)

    Fit-8 ta' Lulju 2015, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (“MES”) fil-forma ta' self għal tliet snin, u, fit-12 ta' Lulju 2015, intlaħaq qbil fil-prinċipju dwar l-għoti ta' self ta' ammont sa EUR 86 000 miljun lill-Greċja.

    (8)

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu, Stat Membru li jitlob assistenza finanzjarja mill-MES irid iħejji programm ta' aġġustament makroekonomiku (“il-Programm”) għall-approvazzjoni mill-Kunsill. Jenħtieġ li tali programm jiżgura l-adozzjoni ta' sett ta' riformi meħtieġa sabiex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-kuntest regolatorju.

    (9)

    Il-Programm imħejji mill-Greċja ġie approvat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1411 (7). Fid-19 ta' Awwissu 2015 ġie ffirmat il-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kondizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika bejn il-Kummissjoni f'isem il-MES u l-awtoritajiet Griegi.

    (10)

    Fid-19 ta' Awwissu 2015, il-Kunsill fuq Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/1410 (8) skont l-Artikolu 126(9) TFUE u avża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2017.

    (11)

    F'konformità mal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013, il-Greċja ġiet eżentata minn rappurtar separat taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u rrapportat fil-qafas tal-Programm.

    (12)

    F'Ġunju 2016, il-Greċja ikkompletat b'mod pożittiv l-ewwel reviżjoni tal-Programm. Fil-15 ta' Ġunju 2017, il-Grupp tal-Euro laqa' l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet prijoritarji tat-tieni reviżjoni mill-Greċja, u b'hekk witta t-triq għall-għeluq ta' dik ir-reviżjoni. Il-laqgħat tal-Grupp tal-Euro tal-24 ta' Mejju 2016 u tal-15 ta' Ġunju 2017 ipprovdew kjarifika dwar il-miżuri li jittieħdu biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn Grieg jekk ikun meħtieġ, wara l-kompletament b'mod pożittivs tal-Programm.

    (13)

    Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern u l-varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (9).

    (14)

    Il-Kunsill jieħu deċiżjonijiet biex jiġu abrogati deċiżjonijiet dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv abbażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, jenħtieġ li deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tiġi abrogata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx ser jaqbeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' tbassir (10).

    (15)

    Abbażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika mill-Greċja f'April 2017, l-ewwel reviżjoni tal-Programm u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

    Mill-2009 'l hawn, meta d-defiċit laħaq il-livell massimu tiegħu ta' 15,1 % tal-PDG, il-bilanċ tal-gvern tjieb b'mod konsistenti, u d-defiċit naqas għal 5,9 % fl-2015 (3,2 % tal-PDG eskluż l-impatt nett tal-interventi tal-gvern relatati mal-appoġġ tas-settur finanzjarju kif irrappurtat mill-Eurostat) u eventwalment sar surplus ta' 0,7 % tal-PDG fl-2016 (11). It-tnaqqis tad-defiċit inkiseb bis-saħħa ta' trażżin fl-infiq u konsolidament tad-dħul tal-gvern, b'rata bejn wieħed u ieħor ugwali bejn it-tnejn.

    Filwaqt li jitqies il-pakkett fiskali adottat fil-kuntest tal-ewwel reviżjoni, li huwa pprojettat li jrendi 3 % tal-PDG tul l-2018, u l-miżuri maqbula taħt it-tieni reviżjoni bl-għan li jikkumpensaw parzjalment għall-implikazzjonijiet baġitarji tat-tnedija nazzjonali tal-iskema ta' Dħul Minimu ta' Solidarjetà, it-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 1,2 % tal-PDG fl-2017 u, abbażi ta' suppożizjoni ta' ebda bidla fil-politika, surplus ta' 0,6 % tal-PDG fl-2018. Il-miżuri deskritti fl-Istrateġija Fiskali tat-Terminu l-Medju għall-2018-2021, adottata mill-awtoritajiet Griegi f'Mejju 2017, wara d-data limitu tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, huma mistennija jtejbu l-eżitu fiskali pprojettat għall-2018 u matul it-terminu medju. Għaldaqstant, id-defiċit għandu jibqa' taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG stabbilit mit-Trattati matul il-perjodu ta' tbassir.

    Minħabba d-defiċits baġitarji kbar, it-tnaqqis fil-PDG nominali u l-appoġġ finanzjarju għas-settur bankarju, u minkejja r-ristrutturar tad-dejn sinifikanti fl-2012, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG tal-Greċja żdied minn 109,4 % fl-2008 (12) għal 179,0 % fl-2016. B'mod partikolari, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-Greċja żdied minn 177,4 % fl-2015 għal 179,0 % fl-2016 għar-raġuni li s-surplus fiskali fl-2016 ġie parzjalment użat biex jinbnew ir-riżervi neċessarji ta' likwidità. Iż-żieda kienet relatata wkoll mal-aġġustament pożittiv ulterjuri bejn l-istokk u l-flussi minħabba l-ikklerjar tal-arretrati li, f'konformità mar-regoli statistiċi, ma kinux irreġistrati fid-dejn tal-gvern. Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa pprojettat li jibqa' bejn wieħed u ieħor stabbli fl-2017, hekk kif ikompli l-programm ta' kklerjar tal-arretrati; imma fl-2018 huwa mistenni li jonqos għal 174,6 % tal-PDG bis-saħħa ta' surplus fiskali u kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli.

    (16)

    Wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni (Eurostat), f'April 2017, tal-eżitu fiskali tal-Greċja għall-2016, u abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni, il-Greċja tissodisfa l-kondizzjonijiet biex il-Kunsill ikun jista' jabroga d-deċiżjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja. Fl-istess ħin, diversi elementi, inkluża t-trajettorja fiskali fit-terminu medju, li huma rilevanti għal rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex il-Kunsill jabroga d-deċiżjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja, kienu wkoll is-suġġett ta' diskussjonijiet fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro tal-15 ta' Ġunju 2017.

    (17)

    Mill-2017, li tiġi s-sena ta' wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Greċja hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u ser tkompli tiġi mmonitorjata taħt il-Programm li jkopri l-perjodu sa nofs l-2018. Minn hemm 'il quddiem, jenħtieġ li l-Greċja tagħmel progress lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju b'ritmu xieraq, inkluż billi tirrispetta l-parametruta' riferiment għall-infiq, u tikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

    (18)

    Skont l-Artikolu 126(12) TFUE, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun ġie korreġut.

    (19)

    Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Greċja ġie korreġut u għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/415/KE tiġi abrogata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Greċja ġiet korreġuta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2009/415/KE hija b'dan abrogata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MAASIKAS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/415/KE tas-27 ta' April 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Greċja (ĠU L 135, 30.5.2009, p. 21).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE tal-10 ta' Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE tat-12 ta' Lulju 2011 indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 296, 15.11.2011, p. 38).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/791/UE tat-8 ta' Novembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 320, 3.12.2011, p. 28); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/211/UE tat-13 ta' Marzu 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tinnotifika lill-Greċja sabiex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 113, 25.4.2012, p. 8); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/6/UE tal-4 ta' Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/734/UE indirizzata lill-Greċja bl-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s- sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 4, 9.1.2013, p. 40).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

    (7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1411 tad-19 ta' Awwissu 2015 li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (ĠU L 219, 20.8.2015, p. 12). Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1411 ġiet ippubblikata mill-ġdid fil-lingwi uffiċjali kollha fil-ĠU L 91, 7.4.2016, p. 27.

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1410 tad-19 ta' Awwissu 2015 li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huma meqjusa neċessarja biex jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 219, 20.8.2015, p. 8). Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1410 ġiet ippubblikata mill-ġdid fil-lingwi uffiċjali kollha fil-ĠU L 91, 7.4.2016, p. 18.

    (9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

    (10)  F'konformità ma' “Specifications on the implementation of the Stability and Growth Pact and Guidelines on the format and content of Stability and Convergence Programmes”, kif maqbula mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) fil-15 ta' Mejju 2017. Ara: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9344-2017-INIT/en/pdf

    (11)  Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat, il-bilanċ primarju tal-gvern laħaq it-3,9 % tal-PDG fl-2016. F'termini tad-definizzjoni stabbilita fil-Programm, il-bilanċ primarju kien ta' 4,2 % tal-PDG. Id-definizzjoni stabbilita fil-Programm teskludi l-kost ta' darba tar-rikapitalizzazzjonijiet tal-banek, l-infiq relatat mal-migrazzjoni nett tat-trasferimenti tal-Unjoni, it-trasferimenti relatati mad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro rigward l-introjtu tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (profitti ekwivalenti SMP u ANFA) u parti mir-rikavati tal-privatizzazzjoni, imma inkluża l-bidla tal-fondi ta' rifużjonijiet tat-taxxa pendenti mhux ipproċessati.

    (12)  Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2008 ġie rivedut 'il fuq mill-valur ippubblikat inizjalment ta' 94,6 % tal-PDG minħabba reviżjonijiet statistiċi li jaffettwaw kemm id-dejn tal-gvern u kemm il-PDG.


    Top