Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1768

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 tal-25 ta' Settembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 250, 28.9.2017, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/11/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1768/oj

    28.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 250/71


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1768

    tal-25 ta' Settembru 2017

    li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont il-punt (19) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja tista' teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lil persuni taxxabbli li jkollhom dħul annwali ta' mhux aktar mill-ekwivalenti ta' EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

    (2)

    B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta' Diċembru 2016, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”), li tippermettilha, mill-1 ta' Jannar 2018, li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li jkollhom dħul annwali ta' mhux aktar mill-ekwivalenti ta' EUR 45 000 fil-munita nazzjonali.

    (3)

    Limitu ogħla biex tiġi applikata l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huwa miżura ta' simplifikazzjoni, billi dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar.

    (4)

    B'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li għamlet il-Kroazja, permezz ta' ittra datata t-13 ta' Marzu 2017. B'ittra datata l-14 ta' Marzu 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

    (5)

    Mill-informazzjoni li pprovdiet il-Kroazja, potenzjalment, madwar 9 000 persuna taxxabbli jistgħu jagħmlu użu mill-miżura speċjali biex inaqqsu l-obbligi tal-VAT tagħhom kif stipulat fil-Kapitolu 2 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE. Dan ser inaqqas ukoll il-piż fuq l-awtorità tat-taxxa u jissimplifika l-ġbir tat-taxxa.

    (6)

    Minħabba li l-miżura speċjali ser tirriżulta f'obbligi mnaqqsin tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar, il-Kroazja għandha tkun awtorizzata li tapplikaha għal perijodu limitat. Il-persuni taxxabbli xorta waħda ser ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

    (7)

    Billi l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huma soġġetti għal reviżjoni, huwa possibbli li ser tidħol fis-seħħ direttiva li temenda dawk id-dispożizzjonijiet qabel jiskadi l-perijodu ta' validità tad-deroga.

    (8)

    Mill-informazzjoni li pprovdiet il-Kroazja, iż-żieda fil-limitu ser ikollha impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

    (9)

    Id-deroga mhu ser ikollha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT, billi l-Kroazja ser twettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (2),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Permezz ta' deroga mill-punt (19) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 45 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta' direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MAASIKAS


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).


    Top