EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1567

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1567 tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

ĠU L 238, 16.9.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1567/oj

Related international agreement

16.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1567

tat-8 ta' Ġunju 2017

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, għandu jkun hemm qbil dwar l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), permezz ta' protokoll għall-Ftehim. F'konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Att tal-Adeżjoni, għal tali adeżjoni għandha tapplika proċedura ssimplifikata, li permezz tagħha għandu jiġi konkluż protokoll mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament f'isem l-Istati Membri, u mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

(2)

Fl-14 ta' Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Użbekistan għall-adattament tal-Ftehim. In-negozjati għal protokoll għall-Ftehim (il-“Protokoll” ) ġew konklużi pożittivament permezz tal-iskambju ta' notes verbales.

(3)

Fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-firma tal-Protokoll hija soġġetta għal proċedura separata.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li l-Protokoll jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, u, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tiegħu, jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat b'mod proviżorju f'konformità mal-Artikolu 4(3) tiegħu, mill-1 ta' Lulju 2013, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 1999/593/KE, ECSC, Euratom tal-31 ta' Mejju 1999 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tal-Assoċjazzjoni u Koperazzjoni li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 229, 31.8.1999, p. 1).


Top