Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1512

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1512 tat-30 ta' Awwissu 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

ĠU L 224, 31.8.2017, p. 118–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1512/oj

31.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/118


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1512

tat-30 ta' Awwissu 2017

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“ir-RDPK”) li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2010/800/PESK (2) u, fost l-oħrajn, implimentat ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCRs”) 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013) u 2094 (2013).

(2)

Fit-2 ta' Marzu 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta l-UNSCR 2270 (2016) li tipprevedi miżuri ġodda kontra r-RDPK.

(3)

Fil-31 ta' Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/476 (3) biex għamel dawk il-miżuri effettivi.

(4)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 (4) dwar miżuri restrittivi kontra r-RDPK, li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2013/183/PESK u, fost l-oħrajn, implimentat il-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) u 2270 (2016).

(5)

Il-UNSCR 2270 (2016) tipprevedi li l-iffriżar tal-assi għandu japplika fir-rigward ta' entitajiet tal-Gvern tar-RDPK jew tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, jew persuni li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, fejn Stat Membru tan-NU jiddetermina li huma assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi, jew attivitajiet oħra tar-RDPK pprojbiti bil-UNSCRs rilevanti. Barra minn hekk, il-Kunsill jikkunsidra li persuni li jaġixxu f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' entitajiet tal-Gvern tar-RDPK jew tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea li l-Kunsill jiddetermina li huma assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi, jew attivitajiet oħra tar-RDPK pprojbiti bil-UNSCRs rilevanti għandhom ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet ta' vjaġġar.

(6)

Il-Kunsill iqis li huwa neċessarju li jiġi inkluż Anness ġdid biex jiġu elenkati dawk il-persuni u entitajiet.

(7)

Il-UNSCR 2270 (2016) tipprevedi wkoll li l-iffriżar tal-assi applikabbli fir-rigward ta' entitajiet tal-Gvern tar-RDPK jew tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, jew persuni li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, ma japplikax fejn il-fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħrajn ikunu meħtieġa biex jitwettqu l-attivitajiet tal-missjonijiet tar-RDPK għan-NU u aġenziji speċjalizzati oħrajn.

(8)

Tinħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni.

(9)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(2)

L-istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjoni ta' Stati Membri m'għandhomx jidħlu, jew ikomplu jieħdu sehem, fi kwalunkwe tranżazzjoni ma':

(a)

banek domiċiljati fir-RDPK, inkluż il-Bank Ċentrali tar-RDPK;

(b)

fergħat jew sussidjarji fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri ta' banek domiċiljati fir-RDPK;

(c)

fergħat jew sussidjarji barra l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri ta' banek domiċiljati fir-RDPK;

(d)

entitajiet finanzjarji li mhumiex domiċiljati fir-RDPK, li jinsabu fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri u li huma kkontrollati minn persuni jew entitajiet domiċiljati fir-RDPK; jew

(e)

entitajiet finanzjarji li mhumiex domiċiljati fir-RDPK jew li ma jinsabux fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri iżda li huma kkontrollati minn persuni jew entitajiet domiċiljati fir-RDPK,

sakemm tali tranżazzjonijiet ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt (3) u ma ġewx awtorizzati f'konformità mal-punt (4).”;

(b)

il-punt 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(5)

L-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fil-punt (4) m'għandhiex tkun meħtieġa għal kwalunkwe trasferiment ta' fondi jew tranżazzjoni meħtieġa għall-iskopijiet offiċjali ta' missjoni diplomatika jew konsulari ta' Stat Membru fir-RDPK jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet fir-RDPK skont id-dritt internazzjonali.”.

(2)

Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu d-dħul fil-portijiet tagħhom ta' kwalunkwe bastiment jekk ikollhom informazzjoni li tipprovdi raġunijiet ġustifikati biex wieħed jemmen li l-bastiment huwa ta' proprjetà ta', jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn, persuna jew entità elenkata fl-Annessi I, II, III jew V, jew li fih merkanzija li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħha huma pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) jew 2270 (2016) jew minn din id-Deċiżjoni.”.

(3)

Fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għandu jiġi pprojbit il-kiri jew in-noleġġ ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru li jtajru bandieri tal-Istati Membri jew il-forniment ta' servizzi ta' ekwipaġġ lir-RDPK, lil kwalunkwe persuna jew entità elenkata fl-Annessi I, II, III jew V, lil kwalunkwe entità oħra tar-RDPK, lil kwalunkwe persuna jew entità oħra li l-Istat Membru jiddetermina li tkun assistiet fl-evażjoni ta' sanzjonijiet jew fil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) jew 2270 (2016) jew ta' din id-Deċiżjoni, lil kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk imsemmija hawn fuq, jew lil kwalunkwe entità li hija proprjetà ta', jew ikkontrollata minn, kwalunkwe minn dawk imsemmija hawn fuq.”.

(4)

Fl-Artikolu 23(1) jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

persuni li jaġixxu f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' entitajiet tal-Gvern tar-RDPK jew tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea li l-Kunsill jiddetermina li huma assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi, jew attivitajiet oħra tar-RDPK pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) jew 2270 (2016), li mhumiex koperti mill-Anness I, II jew III, kif elenkati fl-Anness V ta' din id-Deċiżjoni.”.

(5)

L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu (1), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

entitajiet tal-Gvern tar-RDPK jew tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom, li l-Kunsill jiddetermina li huma assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi jew attivitajiet oħra tar-RDPK ipprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) jew 2270 (2016), u li mhumiex koperti mill-Anness I, II jew III, kif elenkati fl-Anness V ta' din id-Deċiżjoni.”;

(b)

fil-paragrafu 6, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni lil persuna jew entità ddeżinjata elenkata fl-Anness II, III jew V milli tagħmel ħlas dovut taħt kuntratt li sar qabel ma tali persuna jew entità ġiet elenkata, dment li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li:”.

(6)

L-Artikolu 28 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 28

L-Artikolu 27(1)(d), u 27(2) safejn jirreferi għall-persuni u l-entitajiet koperti mill-Artikolu 27(1)(d), ma għandux japplika fir-rigward ta' fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra li huma meħtieġa biex jitwettqu attivitajiet tal-missjonijiet tar-RDPK għan-NU u l-aġenziji speċjalizzati tagħha u organizzazzjonijiet relatati jew missjonijiet diplomatiċi u konsulari oħra tar-RDPK, jew fir-rigward ta' kwalunkwe fond, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina bil-quddiem, skont il-każ, li jkunu meħtieġa għall-għoti ta' għajnuna umanitarja, għad-denuklearizzazzjoni jew kwalunkwe fini ieħor konsistenti mal-objettivi tal-UNSCR 2270 (2016).”.

(7)

Fl-Artikolu 32, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

il-persuni jew l-entitajiet elenkati fl-Annessi I, II, III, IV jew V,”.

(8)

Fl-Artikolu 33, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta mill-Istati Membri jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi l-listi fl-Anness II, III jew V u jadotta modifiki għalihom.”.

(9)

Fl-Artikolu 34, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 23(1) jew fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 27(1), huwa għandu jemenda l-Anness II, III jew V kif meħtieġ.”.

(10)

L-Artikolu 35 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 35

1.   L-Annessi I, II, III u V għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet elenkati, kif provduti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fir-rigward tal-Anness I.

2.   L-Annessi I, II, III u V għandhom jinkludu wkoll, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jiġu identifikati, kif provduta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fir-rigward tal-Anness I. Fir-rigward ta' persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data ta' deżinjazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”.

(11)

Fl-Artikolu 36, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-miżuri msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 23(1) u fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 27(1) għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar. Huma għandhom jieqfu japplikaw fir-rigward ta' persuni u entitajiet ikkonċernati jekk il-Kunsill jiddetermina, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33(2), li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom m'għadhomx jiġu sodisfatti.”.

(12)

Jiżdied l-Anness li jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/183/PESK tat-22 ta' April 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id- Deċiżjoni 2010/800/PESK (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 52).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK tat-22 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK (ĠU L 341, 23.12.2010, p. 32).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/476 tal-31 ta' Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 85, 1.4.2016, p. 38).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id- Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79).


ANNESS

ANNESS V

Lista tal-persuni u l-entitajiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 23(1) u fil-punt (d) tal-Artikolu 27(1)


Top