Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1460

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1460 tat-8 ta' Awwissu 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri (notifikata bid-dokument C(2017) 5471) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/5471

ĠU L 208, 11.8.2017, pp. 42–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1460/oj

11.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/42


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1460

tat-8 ta' Awwissu 2017

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri

(notifikata bid-dokument C(2017) 5471)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 19(1)(a) u (3)(a) u l-Artikolu 19(4) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/119/KEE tistabbilixxi miżuri ġenerali ta' kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta' tifqigħa ta' ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD). Dawn il-miżuri ta' kontroll jinkludu t-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-impriża agrikola infettata, filwaqt li jipprovdu wkoll it-tilqim ta' emerġenza f'każ ta' tifqigħa ta' LSD bħala suppliment għal miżuri oħra ta' kontroll.

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 (5) tistabbilixxi miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-okkorrenza tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri jew f'partijiet minnhom kif elenkati fl-Anness I tagħha, inkluż ir-rekwiżiti minimi għal programmi ta' tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Tiddefinixxi “żoni infettati” bħala l-partijiet mit-territorju ta' Stat Membru elenkat fil-Parti II tal-Anness I ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni u dan jinkludi ż-żoni fejn il-marda tal-infafet fil-ġilda ġiet ikkonfermata u kull żona ta' sorveljanza u protezzjoni stabbiliti skont id-Direttiva 92/119/KEE, u fejn it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda jista' jiġi implimentat wara l-approvazzjoni ta' programmi ta' tilqim. Tiddefinixxi wkoll “żoni ħielsa bit-tilqim” bħala l-partijiet tat-territorju ta' Stat Membru elenkat fil-Parti I ta' dak l-Anness li jinkludu ż-żoni barra ż-“żoni infettati”, fejn it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda huwa implimentat wara l-approvazzjoni ta' programmi ta' tilqim.

(3)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 tistipula miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni u restrizzjonijiet kummerċjali fir-rigward ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq, il-prodott ġerminali tagħhom, u prodotti oħra ta' dawk l-annimali li għandhom jitqiegħdu fil-post fiż-“żoni infettati” u “żoni ħielsa bit-tilqim”, bil-ħsieb li jiġi minimizzat kull riskju ta' tixrid tal-marda tal-infafet fil-ġilda.

(4)

Ir-Rapport tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda, approvat fis-27 ta' Marzu 2017 (6) (Rapport tal-EFSA tal-2017), jindika li r-riżultati mill-analiżi tad-dejta epidemjologika disponibbli dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda fl-Ewropa sal-2016 tagħti x'tifhem li l-kampanji ta' tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD), fejn ġew implimentati kif xieraq, rażżnu tajjeb il-marda billi pprevjenu l-okkorrenza ta' tifqigħat ġodda. Dawn ir-riżultati jikkonfermaw ir-riżultati preċedenti ta' parir urġenti dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda, adottat mill-EFSA fid-29 ta' Lulju 2016 (7) (il-Parir tal-EFSA tal-2016), li kien wasal għall-konklużjoni li t-tilqim bil-massa huwa l-iktar miżura effettiva għall-kontroll tal-marda tal-infafet fil-ġilda, speċjalment jekk tkun diġà ġiet żviluppata l-protezzjoni tal-annimali mlaqqma qabel id-dħul tal-marda, jiġifieri permezz ta' tilqim preventiv.

(5)

L-effikaċja tal-kampanji ta' tilqim reċenti kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda, kif ikkonfermat mill-Parir tal-EFSA tal-2016 u r-Rapport tal-EFSA tal-2017, tagħti x'tifhem li annimali bovini mlaqqma kif xieraq jistgħu jiġu spustati minn “żona ħielsa bit-tilqim” ta' Stat Membru għal Stat Membru ieħor jew pajjiż terz jew fi ħdan iż-“żona ħielsa bit-tilqim” jew “żona infettata” tal-istess Stat Membru li juża regoli li huma inqas restrittivi. Għall-istess raġuni, regoli inqas restrittivi għandhom japplikaw għal spustamenti ta' għoġġiela mhux imlaqqma li twieldu minn ommijiet imlaqqma meta jiġu spustati fi ħdan l-istess żona tal-istess Stat Membru. Regoli inqas restrittivi bl-istess mod għandhom japplikaw għall-ispustamenti ta' annimali bovini mhux imlaqqma u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq fi ħdan l-istess “żona ħielsa bit-tilqim” tal-istess Stat Membru, meta dawn ikunu impurtati minn Stati Membri jew pajjiżi terzi jew żoni tagħhom, li mhumiex soġġetti għal restrizzjonijiet marbuta mal-marda tal-infafet fil-ġilda, peress li dawn it-tipi ta' spustamenti jistgħu jitqiesu bħala ta' riskju baxx għat-tixrid ta' mard.

(6)

Il-Kroazja, il-Bulgarija u l-Greċja, it-tliet Stati Membri li bħalissa jimplimentaw it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda, u elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2008, talbu biex dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiġi emendata u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 5 u 6 tagħha sabiex tinkludi regoli inqas restrittivi għall-ispustament ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq imlaqqma soġġetti għal tilqim mill-ġdid kif ukoll għall-ispustamenti ta' għoġġiela mwielda minn ommijiet imlaqqma. Barra minn hekk il-Kroazja talbet regoli inqas restrittivi għall-ispustamenti ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq mhux imlaqqma li joriġinaw minn Stati Membri jew pajjiżi terzi jew minn żoni tagħhom li mhumiex soġġetti għal restrizzjonijiet minħabba l-konferma tal-preżenza tal-marda tal-infafet fil-ġilda jew tat-tilqim kontriha.

(7)

Ir-riskju tat-tixrid tal-marda tal-infafet fil-ġilda minħabba l-ispustament ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq imlaqqmin kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda huwa ikbar meta jirċievu tilqima għall-ewwel darba bi tqabbil mal-istess riskju meta jirċievu tilqima mill-ġdid filwaqt li jibqgħu immuni minħabba tilqim preċedenti. Għaldaqstant ir-riskju tat-tixrid tal-marda tal-infafet fil-ġilda huwa ikbar meta l-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali tkun mlaqqma għall-ewwel darba bi tqabbil mal-istess riskju meta l-impriża tkun imlaqqma mill-ġdid fil-perjodu meta l-annimali eżistenti għadhom immuni minħabba tilqim preċedenti. Huwa għalhekk xieraq li ssir distinzjoni bejn ir-regoli ta' restrizzjoni applikabbli f'kull waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti hawn fuq meta titqies id-durata tal-immunità provokata mit-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda skont l-istruzzjonijiet tal-manifatturi tat-tilqima.

(8)

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw id-derogi u l-kundizzjonijiet speċjali għall-ispedizzjoni ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq minn u fi ħdan “iż-żoni ħielsa bit-tilqim” u ż-“żoni infettati” għandhom għalhekk jiġu emendati u l-Artikoli 4, 5, 6 u 12 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 jiġu emendati skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(i)

l-annimali ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni, u ġejjin minn impriża ta' oriġini fejn ikunu ilhom residenti għal perjodu ta' mill-anqas 28 jum. F'din l-impriża ta' oriġini l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni;”;

(b)

fil-punt (b), il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(i)

l-annimali ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas tliet xhur qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni. Fl-l-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali, l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni;”;

(c)

fil-punt (c), il-punt (ii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(ii)

l-annimali ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni. Fl-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali, l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni;”.

(2)

Fl-Artikolu 5(1), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

l-annimali ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni. Fl-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali, l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni;”.

(3)

L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Kundizzjonijiet speċjali għall-ispedizzjoni ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi mrobbija fiż-żoni elenkati fil-Parti II tal-Anness I tal-istess Stat Membru

1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 3, u soġġett għall-konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ispedizzjoni ta' konsenji ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi mrobbija minn impriżi li jinsabu f'żona elenkata fil-Parti II tal-Anness I lejn destinazzjoni li tinsab fi ħdan żona oħra elenkata fil-Parti II tal-Anness I tal-istess Stat Membru.

2.   Id-deroga prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għal konsenji ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq sakemm dawn l-annimali jikkonformaw ma' tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni. Fl-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni;

(b)

l-annimali, irrispettivament mill-istatus ta' tilqim individwali tagħhom jew mit-tilqim fl-impriża ta' oriġini tagħhom kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda jistgħu jiġu mċaqlqa għal qtil ta' emerġenza lejn biċċerija, diment li l-impriża ta' oriġini mhix soġġetta għal xi waħda mir-restrizzjonijiet previsti fid-Direttiva 92/119/KEE fir-rigward tal-marda tal-infafet tal-ġilda, li tipprojbixxi tali ċaqliq;

(c)

l-annimali huma frieħ mhux imlaqqma ta' inqas minn sitt xhur imwielda minn ommijiet imlaqqma mill-anqas 28 jum qabel ma jwelldu li baqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ħlas u jistgħu jiġu mċaqalqa lejn impriża oħra jew lejn biċċerija għal qatla immedjata. Fl-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali, l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni, u l-impriża mhix soġġetta għal xi restrizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 92/119/KEE fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda, li jipprojbixxu tali ċaqliq.”.

(4)

L-Artikolu 6a li ġej jidħol wara l-Artikolu 6:

“Artikolu 6a

Kundizzjonijiet speċjali għall-ispedizzjoni ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq minn żoni elenkati fil-Parti I tal-Anness I lejn żoni elenkati fil-Parti I jew fil-Parti II tal-Anness I tal-istess Stat Membru

1.   B'deroga mill-projbizzjoni stipulata fil-punt (a) tal-Artikolu 3, u soġġett għall-konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ispedizzjoni ta' konsenji ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq minn impriżi li jinsabu f'żona elenkata fil-Parti I tal-Anness I lejn destinazzjoni li tinsab fi ħdan żona oħra elenkata fil-Parti I jew fil-Parti II tal-Anness I tal-istess Stat Membru.

2.   Id-deroga prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għal konsenji ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq sakemm dawn l-annimali jikkonformaw ma' tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni. Fl-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni;

(b)

l-annimali, irrispettivament mill-istatus ta' tilqim individwali tagħhom jew mit-tilqim fl-impriża ta' oriġini tagħhom kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda jistgħu jiġu mċaqlqa għal qtil ta' emerġenza lejn biċċerija, diment li l-impriża ta' oriġini mhix soġġetta għal xi waħda mir-restrizzjonijiet previsti fid-Direttiva 92/119/KEE fir-rigward tal-marda tal-infafet tal-ġilda, li tipprojbixxi tali ċaqliq;

(c)

l-annimali huma frieħ mhux imlaqqma ta' inqas minn sitt xhur imwielda minn ommijiet imlaqqma mill-anqas 28 jum qabel ma jwelldu li baqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ħlas u jistgħu jiġu mċaqalqa lejn impriża oħra jew lejn biċċerija għal qatla immedjata. Fl-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni, u l-impriża mhix soġġetta għal xi restrizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 92/119/KEE fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda, li jipprojbixxu tali ċaqliq.

(d)

l-annimali ġew introdotti fl-impriża inqas minn tliet xhur ilu minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew minn żona tiegħu li ma kienx soġġett għal xi restrizzjonijiet minħabba konferma tal-marda tal-infafet fil-ġilda jew it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda u jistgħu jiġu mċaqalqa lejn biċċerija għal qatla immedjata. Fl-impriża ta' oriġini ta' dawn l-annimali l-annimali kollha tal-ispeċi suxxettibbli ġew imlaqqma mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni u jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità skont il-manifattur tat-tilqima fid-data tal-ispedizzjoni jew jibqgħu fi ħdan il-perjodu tal-immunità pprovokata mill-immunità tat-tilqima preċedenti jew mill-immunità materna fid-data tal-ispedizzjoni, u l-impriża mhix soġġetta għal xi restrizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 92/119/KEE fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda, li jipprojbixxu tali ċaqliq.”

(5)

Fl-Artikolu 12, il-frażi ta' introduzzjoni tinbidel b'dan li ġej:

“L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-proċedura ta' gwida għat-trasport ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq, ta' prodotti sekondarji mhux proċessati tal-annimali u tal-ġlud u tal-ġilda mhux trattati kif kopert mid-derogi previsti fl-Artikoli 4, 5, 8 u 9 tkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)   ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.

(4)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 tal-15 ta' Novembru 2016 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 51).

(6)   EFSA Journal 2017;15(4):4773.

(7)   EFSA Journal 2016;14(8):4573.


Top