Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1424

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1424 tal-4 ta' Awwissu 2017 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-OSKE biex jitnaqqas ir-riskju tat-traffikar illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u munizzjon konvenzjonali fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Georgia

ĠU L 204, 5.8.2017, pp. 82–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2021: This act has been changed. Current consolidated version: 29/06/2020

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1424/oj

5.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/82


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1424

tal-4 ta' Awwissu 2017

b'appoġġ għall-attivitajiet tal-OSKE biex jitnaqqas ir-riskju tat-traffikar illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u munizzjon konvenzjonali fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Georgia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) u l-munizzjon tagħhom (“Strateġija SALW tal-UE”). L-Istrateġija SALW tal-UE enfasizzat li sabiex ikun minimizzat ir-riskju kkawżat mill-kummerċ illeċitu fi u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' SALW, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-akkumulazzjoni enormi ta' SALW maħżuna f'xi partijiet tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa, u l-modi ta' kif dawn jixxerdu f'żoni ta' konflitt.

(2)

L-Istrateġija SALW tal-UE tidentifika fost l-objettivi tagħha t-trawwim ta' multilateraliżmu effettiv sabiex jissawru mekkaniżmi, kemm internazzjonali, reġjonali jew fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kontra l-forniment u t-tixrid destabbilizzanti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom. Fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha, l-Istrateġija SALW tal-UE tirreferi b'mod partikolari għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) bħala waħda mill-organizzazzjonijiet reġjonali li jenħtieġ li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni magħha.

(3)

L-Istrateġija SALW tal-UE fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-appoġġ li għandu jingħata lill-azzjoni tal-OSKE fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' SALW u l-munizzjon tagħhom u fil-qerda tal-ħażniet żejda tal-Istati parteċipanti tal-OSKE. B'mod partikolari, l-Unjoni qed tipparteċipa fl-isforzi biex jitnaqqsu l-ħażniet żejda ta' SALW u munizzjon konvenzjonali li fadal mill-Gwerra l-Bierda fil-Lvant tal-Ewropa permezz tal-kooperazzjoni mal-OSKE li ntalbet għall-għajnuna tagħha mill-Istati parteċipanti konċernati.

(4)

Fl-2000, l-Istati parteċipanti tal-OSKE adottaw id-Dokument tal-OSKE dwar SALW li permezz tiegħu huma ntrabtu li jikkumbattu t-traffikar illeċitu ta' SALW fl-aspetti kollha tiegħu. Dak id-Dokument jenfasizza wkoll l-effetti destabbilizzanti li l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' SALW u l-ġestjoni u s-sigurtà mhux adegwati tal-ħażniet jista' jkollhom fuq is-sigurtà nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

(5)

Barra minn hekk, fl-2003 l-Istati parteċipanti tal-OSKE adottaw id-dokument tal-OSKE dwar il-Ħażniet ta' Munizzjon Konvenzjonali (SCA) u b'hekk irrikonoxxew ir-riskji għas-sigurtà u għas-sikurezza kkawżati mill-akkumulazzjoni eċċessiva ta' munizzjon konvenzjonali. Sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji, huma ddeċidew li jistabbilixxu proċedura prattika għall-għoti ta' għajnuna għall-qerda ta' ħażniet żejda ta' munizzjon konvenzjonali u/jew it-titjib tal-prattiki tal-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet.

(6)

Id-Dokumenti tal-OSKE dwar SALW u SCA jidentifikaw il-qerda bħala l-metodu ppreferit għar-rimi ta' SALW u munizzjon konvenzjonali żejda;

(7)

Fl-2016, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Georgia indirizzaw lill-Istati parteċipanti tal-OSKE fil-Forum għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà tal-OSKE b'talba għall-għajnuna fil-qafas tad-Dokumenti tal-OSKE dwar SALW u SCA għat-titjib tas-sigurtà ta' SALW u l-qerda ta' munizzjon konvenzjonali.

(8)

L-Unjoni preċedentement kienet appoġġat l-attivitajiet tal-OSKE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/662/PESK (1). Id-Deċiżjoni, li l-implimentazzjoni tagħha ntemmet fl-2015, iffinanzjat attivitajiet bħall-qerda ta' SALW żejda, it-titjib tas-sigurtà u l-ġestjoni tal-ħażniet tal-armi, l-iżvilupp ta' għodod xierqa għaż-żamma ta' reġistri tal-armi, u t-tisħiħ tal-kontrolli fuq it-trasferimenti ta' armi konvenzjonali.

(9)

Fid-19 ta' Diċembru 2016 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2356 (2). Il-fażi l-ġdida tal-proġett taċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (“SEESAC”) ser tibni fuq il-kisbiet fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK (3) filwaqt li żżomm l-approċċ olistiku għall-indirizzar tat-theddida li SALW joħolqu fir-reġjun. B'mod partikolari, il-proġett ser jaħdem biex ikun hemm koordinazzjoni mal-inizjattivi fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jipprovaw iżidu l-kapaċitajiet tal-pulizija fil-ġestjoni tal-ħażniet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini tal-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, u tal-multilateraliżmu effettiv fil-livelli globali u reġjonali, l-Unjoni għandha taħdem għall-objettivi li ġejjin:

it-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-Unjoni, billi tnaqqas it-theddida li t-traffikar illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' SALW u munizzjon konvenzjonali joħolqu fir-reġjun tal-OSKE;

l-appoġġ għal multilateraliżmu effettiv fil-livell reġjonali billi tappoġġa l-azzjoni tal-OSKE għall-prevenzjoni tat-traffikar illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' SALW u munizzjon konvenzjonali.

2.   Sabiex jinkiseb l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tieħu l-miżuri li ġejjin:

tnaqqis tar-riskju tal-proliferazzjoni illeċita ta' SALW fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

rimi ta' munizzjon żejjed fil-Georgia.

Deskrizzjoni ddettaljata tal-proġetti msemmijin f'dan il-paragrafu tidher fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat tal-OSKE.

3.   Is-Segretarjat tal-OSKE għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tal-OSKE.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 353 878,52.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-Segretarjat tal-OSKE. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li s-Segretarjat tal-OSKE jrid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tal-OSKE. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta' finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/662/PESK tal-25 ta' Ottubru 2012 b'appoġġ għall-attivitajiet biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fi, u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fir-reġjun kopert mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) (ĠU L 297, 26.10.2012, p. 29).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 tad-19 ta' Diċembru 2016 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 348, 21.12.2016, p. 60).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).


ANNESS

1.   Sfond

Fl-2016, żewġ Stati parteċipanti tal-OSKE — l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Georgia — talbu appoġġ għal attivitajiet marbutin maż-żieda ta' sigurtà għall-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u r-rimi ta' munizzjon konvenzjonali żejjed.

Fl-2016, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ddikjarat li kienet teħtieġ għajnuna biex tiżdied is-sigurtà fiżika u dik tal-IT ta' kmamar ta' ħżin ta' SALW u munizzjon fi 15-il għassa tal-pulizija fil-fruntiera (“border police stations” — BPS) u f'ċentru reġjonali wieħed għall-affarijiet tal-fruntieri (“regional centre for border affairs” — RCBA). Barra minn hekk, it-talba identifikat il-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni (MoIA) billi jittejbu l-proċeduri ta' ġestjoni tal-ħażniet ta' armi tas-servizz. Il-Missjoni tal-OSKE fi Skopje (OMSk) tat appoġġ kontinwu lill-MoIA fil-qasam tas-sigurtà billi ffaċilitat eżerċizzji konġunti transkonfinali u organizzat taħriġ dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-osservazzjoni tal-fruntieri ħodor, it-twettiq ta' rikonoxximent tal-wiċċ, u t-tfassil ta' profili. Filwaqt li bena fuq il-kooperazzjoni eżistenti, il-MoIA identifika l-OMSk bħala sieħeb għall-implimentazzjoni ta' aġġornamenti tas-sigurtà u l-bini tal-kapaċitajiet.

Wara l-Gwerra l-Bierda, il-Ministeru għad-Difiża tal-Georgia kien fadallu ħażniet sostanzjali ta' munizzjon konvenzjonali tal-era Sovjetika. Xi wħud minn dawn il-ħażniet tnaqqsu bħala parti minn sforzi nazzjonali, kif ukoll proġetti ta' għajnuna internazzjonali u bilaterali. Għaldaqstant, mill-2005 sal-2013 tlestew tliet proġetti għar-rimi ta' rokits iggwidati u mhux iggwidati bl-appoġġ tal-Aġenzija ta' Manutenzjoni u Provvista tan-NATO u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti. Fl-2007, l-2011 u l-2012, l-OSKE u l-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) appoġġaw ukoll proġetti għall-użu, l-ipproċessar u r-rimi tal-ammonti żejda li kien fadal ta' rokits iggwidati u mhux iggwidati tal-inġenji tal-ajru u l-komponenti perikolużi tagħhom. Barra minn hekk, l-OSKE tat għajnuna għar-rimi ta' munizzjonijiet dispersivi, bombi u balal ta' artillerija mill-2012 sal-2016.

Fl-2016, il-Georgia ppreżentat talba ġdida għal għajnuna lill-Forum għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà (FSC) tal-OSKE għar-rimi ta' 461 tunnellatta ta' munizzjon konvenzjonali żejjed, li jinkludi 121 tunnellata ta' balal ta' artillerija u 340 tunnellata ta' bombi. Għalkemm l-OSKE bħalissa ma għandhiex preżenza fuq il-post fil-Georgia, l-Organizzazzjoni għandha rekord ta' suċċess fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' rimi ta' munizzjon fil-pajjiż. L-OSKE u l-Georgia ħolqu qafas għall-kooperazzjoni bl-iżvilupp ta' programm bl-isem “Programme for Demilitarisation Works of Outdated, Written off and Obsolete Ammunition Existing at the Military Bases in Georgia”. F'April 2014, is-Segretarjat tal-OSKE u l-Georgia ffirmaw Memorandum ta' Qbil (MtQ), li jirregola dettalji addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm.

Bħala tkomplija tal-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni 2012/662/PESK, il-proġetti attwali jikkonċentraw fuq it-tisħiħ ulterjuri tal-kontroll nazzjonali fuq SALW u munizzjon u l-għajnuna lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Georgia biex dawn iħarsu l-impenji internazzjonali tagħhom f'dan il-qasam.

2.   Objettiv ġenerali

Biex tissaħħaħ is-sigurtà fir-reġjuni tax-Xlokk tal-Ewropa u l-Kawkasu tan-Nofsinhar billi titnaqqas it-theddida mill-proliferazzjoni mhux kontrollata ta' SALW u munizzjon konvenzjonali.

3.   Deskrizzjoni tal-proġetti

Il-proġetti jibnu fuq l-attivitajiet tal-OSKE fl-imgħoddi u fuq dawk li għaddejjin bħalissa biex inaqqsu l-ħażniet żejda, itejbu s-sigurtà, u jipprevjenu s-serq ta' SALW u munizzjon, u b'hekk jagħtu kontribut għall-isforzi kontra t-terroriżmu billi jagħmlu possibbli li l-Istati parteċipanti tal-OSKE jindirizzaw wieħed mis-sorsi ta' provvista lin-netwerks terroristiċi.

3.1   Proġett 1: Tnaqqis tar-riskju ta' proliferazzjoni illeċita ta' SALW fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

3.1.1   Objettiv

Li tiżdied il-kapaċità tal-MoIA tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex iżomm sikuri l-ħażniet ta' SALW u munizzjon biex b'hekk jitnaqqas ir-riskju tal-proliferazzjoni illeċita tagħhom, inkluż għal skopijiet terroristiċi.

3.1.2   Deskrizzjoni

Fit-talba għall-għajnuna lill-OSKE, l-MoIA identifika l-vulnerabbiltà tal-kmamar ta' ħżin ta' SALW u munizzjon fi 15-il għassa tal-pulizija fil-fruntiera u f'ċentru reġjonali wieħed għall-affarijiet tal-fruntieri. L-attakk kontra l-għassa tal-pulizija fil-fruntiera qrib Gosince f'April 2015, li rriżulta fis-serq ta' armi u munizzjon, wassal għal eżami komprensiv tas-sigurtà fil-kmamar ta' ħżin ta' SALW fl-għases tal-pulizija fil-fruntiera. Bi tweġiba għat-talba għall-għajnuna, il-Missjoni tal-OSKE fi Skopje wettqet valutazzjoni tal-ħtiġijiet, li kienet tinkludi żjarat fil-15-il għassa tal-pulizija fil-fruntiera kollha u fiċ-ċentru reġjonali għall-affarijiet tal-fruntieri. L-OSKE identifikat għadd ta' sfidi marbutin mas-sigurtà ta' SALW f'dawn l-għases, fosthom il-ħtieġa li tittejjeb is-sigurtà fiżika tal-kmamar ta' ħżin eżistenti, li jissaħħu l-proċeduri ta' żamma ta' reġistri, li tiżdied il-kapaċità tal-persunal għall-ġestjoni ta' SALW tas-servizz u kkonfiskati, u li tiżdied il-ħila tal-MoIA li jipprevjeni l-proliferazzjoni ta' SALW mill-ħażniet tiegħu.

3.1.3   Riżultati mistennija

B'din l-attività l-Missjoni tal-OSKE fi Skopje (OMSk) qed tkompli bl-isforzi tagħha biex tibni l-kapaċitajiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Dan il-proġett ser jikkontribwixxi għall-kisba tar-riżultati speċifiċi li ġejjin:

 

Riżultat 1: Aktar sigurtà fiżika u tal-IT għall-ħażniet ta' SALW u munizzjon fi 15-il għassa tal-pulizija fil-fruntiera u ċentru reġjonali wieħed għall-affarijiet tal-fruntieri

Indikaturi:

15-il għassa tal-pulizija fil-fruntiera u ċentru reġjonali wieħed għall-affarijiet tal-fruntieri jkollhom kmamar ta' ħżin ta' SALW b'aktar sigurtà fiżika u protezzjoni tal-IT.

 

Riżultat 2: Kapaċità miżjuda tal-MoIA biex jimplimenta l-ġestjoni ta' ħażniet ta' SALW.

Indikaturi:

Proċeduri Operattivi Standard Żviluppati (SOPs) għall-ġestjoni ta' armi tas-servizz;

Ġie organizzat kors wieħed għat-taħriġ ta' min iħarreġ;

Ipprovduti 16-il kors ta' taħriġ fuq il-post fi 15-il BPS u BCBA wieħed.

3.1.4   Tim għall-Implimentazzjoni tal-Proġett

It-tim għall-implimentazzjoni tal-proġett (PIT) ser ikun jikkonsisti minn Koordinatur tal-Proġett tal-Infurzar tal-Liġi (LEPC) kif ukoll assistent tal-proġett. Il-PIT ser ikun responsabbli għall-ġestjoni taċ-ċiklu kollu tal-proġett, inkluż l-istabbiliment tal-oqfsa legali, ta' ġestjoni, ta' monitoraġġ u ta' verifika, għall-kisba effettiva tar-riżultati u r-rappurtar.tal-proġett.

3.1.5   Attivitajiet

3.1.5.1   Dokumentazzjoni ta' offerti

Id-dokumentazzjoni għall-offerta pubblika għal titjib fis-sigurtà ta' 15-il BPS u RCBA wieħed ser tkun ibbażata fuq l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn tal-kostruzzjoni, kif mogħtija fir-regolamenti nazzjonali u l-aħjar prattiki tal-OSKE għall-ħażniet ta' SALW u ta' munizzjon konvenzjonali. L-OMSk ser takkwista s-servizzi ta' kumpannija biex tiżviluppa l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn tal-kostruzzjoni. Il-fornitur magħżul ser jelabora u jagħti lill-OMSk u lill-MoIA d-dokumentazzjoni rilevanti kollha tad-disinn tal-kostruzzjoni, waqt li jiżgura li din tkun ikkoordinata u approvata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha u konformi mar-regoli u l-proċeduri tal-OSKE.

3.1.5.2   Titjib fis-sigurtà

L-OMSk ser tiżviluppa d-dokumentazzjoni meħtieġa għal offerti kompetittivi miftuħa u tmexxi t-talba għall-offerti għax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni u l-forniment ta' tagħmir tas-sigurtà tal-IT f'konformità mar-regoli u r-regolamenti tal-OSKE. Il-kuntrattur magħżul ser jimplimenta l-miżuri ta' sigurtà f'konformità mad-disinn tal-kostruzzjoni approvat. Il-PIT ser jorganizza l-monitoraġġ u s-superviżjoni teknika tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta' sigurtà u l-verifika tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tekniċi rilevanti.

3.1.5.3   L-iżvilupp tal-SOPs fil-ġestjoni ta' armi u munizzjoni tas-servizz

Il-PIT ser jistabbilixxi grupp ta' ħidma magħmul minn rappreżentanti tal-OSKE u d-dipartimenti rilevanti fi ħdan il-MoIA, inklużi l-Punt Fokali SALW, Unità għall-Esplojtazzjoni, Kriptoloġija u CCTV, Dipartiment tal-Ġestjoni tal-Kostruzzjoni, Dipartiment Legali, Settur għall-Affarijiet tal-Fruntiera u l-Migrazzjoni, u l-Uffiċċju għas-Sigurtà Pubblika. Il-grupp ta' ħidma ser ikollu erba' laqgħat għall-iżvilupp tal-SOPs u ser ikunu appoġġat minn espert nazzjonali u ieħor internazzjonali. L-SOPs ser jipprovdu pariri u gwida lill-persunal tal-MoIA dwar kif għandhom jużaw l-għodod tekniċi u tal-IT ġodda b'mod standardizzat.

3.1.5.4   Taħriġ

Il-PIT ser jiġġestixxi l-iżvilupp ta' manwal tat-taħriġ dwar l-SOPs il-ġodda, inkluż ir-reklutaġġ ta' espert għall-iżvilupp, l-istampar u t-tqassim tiegħu lil persunal rilevanti tal-MoIA, kif ukoll it-traduzzjoni għall-Ingliż. Kopji bl-Ingliż ser jitqassmu lil Operazzjonijiet fuq il-Post oħra tal-OSKE kif ukoll lis-Segretarjat tal-OSKE sabiex jiġu pprovduti viżibbiltà u materjal għal referenza futura.

Il-PIT ser jorganizza l-kors għat-taħriġ ta' min iħarreġ għal 30 rappreżentant nominat minn erba' Ċentri Reġjonali għall-Affarijiet tal-Fruntiera u tmien Setturi għall-Affarijiet Interni, bil-għan li jiżdied l-għarfien tagħhom tal-użu tas-sistemi l-ġodda għas-sigurtà u l-IT fil-kmamar għall-ħażna rinnovati. Sussegwentement, dawk li jtemmu l-kors ser jagħtu taħriġ fil-pajjiż kollu fiċ-ċentri reġjonali u s-setturi rispettivi tagħhom, biex b'hekk tiġi żgurata sostenibbiltà tal-attività.

3.1.5.5   Viżibbiltà tal-Unjoni

L-għan tal-attivitajiet ta' viżibbiltà ser ikun li jippubbliċizzaw l-appoġġ tal-Unjoni billi jitnaqqsu tar-riskji tal-proliferazzjoni ta' armi u munizzjon permezz tal-attivitajiet implimentati mill-OSKE. L-avvenimenti ta' viżibbiltà ser jiffokaw fuq is-sensibilizzazzjoni fost udjenzi magħżula kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali dwar l-implimentazzjoni ta' attivitajiet speċifiċi fi ħdan il-proġett, l-impatt tagħhom fuq it-tnaqqis tat-theddida minn proliferazzjoni mhux ikkontrollata, u l-istabbiltà ġenerali tar-reġjun. L-attivitajiet ta' viżibbiltà ser isegwu pjan għall-viżibbiltà tal-proġett. Huwa previst li jiġu żviluppati diversi tipi ta' materjali ta' viżibbiltà sabiex ir-riżultati tal-proġett jiġu ppreżentati lill-udjenza fil-mira. Huma ser jinkludu roll-ups, strixxuni, fuljetti, materjal fotografiku, videos kif ukoll il-promozzjoni tar-riżultati fl-avvenimenti ta' viżibbiltà.

3.2   Proġett 2: Rimi ta' munizzjon żejjed fil-Georgia

3.2.1   Objettiv

L-appoġġ għall-proċess ta' titjib tal-ġestjoni tal-ħażniet tal-munizzjon fil-Georgia permezz tar-rimi ta' 461 tunnellata ta' munizzjon żejjed.

3.2.2   Deskrizzjoni

Fl-2016, il-Georgia talbet assistenza għar-rimi ta' 461 tunnellata ta' ħażniet żejda ta' munizzjon konvenzjonali f'konformità mal-“Programme for Demilitarisation Works of Outdated, Written off and Obsolete Ammunitions Existing at the Military Bases in Georgia” (“il-Programm”). Bħala segwitu għall-proġetti tal-OSKE implimentati fl-2007, 2011–2012, u 2014–2016, is-Segretarjat tal-OSKE ser jappoġġa lill-Georgia fl-isforzi tagħha biex iżżid il-kapaċità tagħha għall-ġestjoni ta' ħażniet ta' munizzjon.

3.2.3   Riżultati mistennija

Riżultat 1: Tnaqqis ta' ħażniet żejda disponibbli ta' munizzjon konvenzjonali b'mod sikur u mhux dannuż għall-ambjent.

Indikaturi:

Rimi ta' 461 tunnellata ta' munizzjon żejjed.

Iffirmar tal-ftehim ta' sħubija għall-implimentazzjoni.

Reklutaġġ tal-persunal tal-proġett.

Żvilupp tal-Programm ta' Assigurazzjoni tal-Kwalità.

Rapporti ta' progress trimestrali.

Rapporti ambjentali trimestrali.

3.2.4   Tim għall-Implimentazzjoni tal-Proġett

It-tim għall-implimentazzjoni tal-proġett (PIT) ser jikkonsisti minn amministratur tal-proġett, assistent għall-proġett, konsulent lokali wieħed u żewġ konsulenti internazzjonali. L-amministratur tal-proġett ser ikun uffiċjal tal-OSKE taħt pożizzjoni eżistenti b'kuntratt. L-assistent għall-proġett, il-konsulent lokali u dawk internazzjonali ser jingħataw kuntratt f'konformità mar-regoli u r-regolamenti eżistenti tal-OSKE. Il-PIT ser ikun responsabbli għall-istabbiliment ta' oqfsa legali, ta' ġestjoni, monitoraġġ u verifika għall-kisba effettiva tar-riżultati tal-proġett u l-eżekuzzjoni ta' Programm ta' Assigurazzjoni tal-Kwalità (QAP).

3.2.5   Sieħeb tal-Implimentazzjoni

Il-Georgia fdat l-implimentazzjoni tal-attivitajiet taħt il-Programm lic-Ċentru Xjentifiku-Tekniku Militari tal-Istat (“DELTA”). Fil-Georgia, DELTA għandu drittijiet esklużivi għad-demilitarizzazzjoni tal-munizzjon u l-attivitajiet ta' qerda ta' munizzjon, li ngħataw bid-Digriet Nru 321 tal-Ministru għad-Difiża tal-Georgia fl-2005. Minn dak iż-żmien 'l hawn, DELTA kien is-sieħeb tal-implimentazzjoni sottokuntrattat mill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha parteċipanti fl-appoġġ għall-attivitajiet ta' rimi, inkluż in-NATO, l-UNDP u l-OSKE. Għalhekk, fl-2016 DELTA lesta proġett, bl-appoġġ tal-OSKE, għar-rimi ta' 620 tunnellata ta' rokits tal-inġenji tal-ajru, bombi u balal tal-artillerija.

3.2.6   Attivitajiet

3.2.6.1   Rimi ta' munizzjon żejjed

DELTA wettaq riċerka dwar il-munizzjon li għandu jintrema u żviluppa teknoloġiji, struzzjonijiet u dokumentazzjoni għall-proċess tar-rimi. Barra minn hekk, DELTA beda l-proċess għat-trasport ta' 340 tunnellata ta' bombi żejda mill-post tal-ħażna tagħhom lejn il-faċilità tar-rimi ta' Phonichala, ipprovda taħriġ lill-persunal tal-proġett u beda l-proċess ta' żarmar. Il-komponenti splussivi ser jintremew b'detonazzjoni f'ħofra miftuħa fil-faċilità tal-isparar ta' Vaziani. Ir-rimi ta' 121 tunnellata ta' balal tal-artillerija ser issir fil-faċilità ta' Dedoplitskaro. Delta qed jagħmel monitoraġġ tal-effetti ambjentali tal-operazzjonijiet ta' rimi billi jwettaq testijiet ta' kull xahar.

3.2.6.2   Viżibbiltà tal-Unjoni

L-attivitajiet ta' viżibbiltà ser jiffokaw fuq is-sensibilizzazzjoni fost udjenzi magħżula kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta' rimi tal-munizzjon u l-impatt tagħhom għaż-żieda tal-kapaċità tal-ġestjoni tal-ħażniet fil-Georgia.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji diretti tal-proġetti ser ikunu tal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Georgia responsabbli għal SALW is-sigurtà u l-ġestjoni tal-munizzjon. L-attivitajiet tal-proġett huma konformi mal-istrateġiji nazzjonali dwar SALW u munizzjon u huma allinjati mal-impenn internazzjonali taż-żewġ pajjiżi. Il-popolazzjoni taż-żewġ pajjiżi, il-popolazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u fl-Unjoni, li huma f'riskju tal-proliferazzjoni ta' SALW u munizzjon, ukoll ser jibbenefikaw indirettament mill-attivitajiet tal-proġett.

5.   Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta' 36 xahar.

6.   Entità tal-Implimentazzjoni Teknika

L-implimentazzjoni teknika ġenerali ta' din id-Deċiżjoni ser tkun fdata lis-Segretarjat tal-OSKE.

7.   Kumitat ta' Tmexxija

Il-Kumitat ta' Tmexxija għal dan il-proġett ser ikun magħmul minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli u mill-entità ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Anness. Il-Kumitat ta' Tmexxija ser jeżamina l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill regolarment, tal-anqas darba kull sitt xhur, inkluż bl-użu ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni.

8.   Rappurtar

Is-Segretarjat tal-OSKE ser jipprovdi rapporti narrattivi fuq bażi trimestrali biex jiġi rivedut il-progress lejn it-tlestija tar-riżultati tal-proġetti. Is-Segretarjat tal-OSKE ser jippreżenta rapporti narrattivi u finanzjarji annwali u rapport finali fi żmien sitt xhur wara tmiem il-perijodu ta' implimentazzjoni.

9.   Spiża totali stmata tal-proġetti u l-kontribut finanzjarju tal-Unjoni

L-istima tal-ispiża totali tal-programm hija EUR 1 353 878,52.


Top