Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1333

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1333 tal-11 ta' Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward ta' Saint Vincent u l-Grenadini

    ĠU L 185, 18.7.2017, p. 41–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1333/oj

    18.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 185/41


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1333

    tal-11 ta' Lulju 2017

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward ta' Saint Vincent u l-Grenadini

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    1.   INTRODUZZJONI U PROĊEDURA

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (ir-“Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“IUU”).

    (2)

    Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, it-tneħħija mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-pubbliċità tal-lista ta' pajjiżi li ma jikkooperawx u kull miżura ta' emerġenza.

    (3)

    Fl-24 ta' Marzu 2014 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE (2) li stabbilixxiet lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament IUU.

    (4)

    F'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, permezz tad-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 (“id-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014”) (3), il-Kummissjoni nnotifikat lil Saint Vincent u l-Grenadini dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax.

    (5)

    Fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata din l-identifikazzjoni possibbli.

    (6)

    Id-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 ġiet notifikata lil Saint Vincent u l-Grenadini flimkien ma' ittra bl-istess data li fiha huwa ssuġġerit li Saint Vincent u l-Grenadini jimplimenta, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, pjan ta' azzjoni biex in-nuqqasijiet identifikati jiġu rettifikati.

    (7)

    Il-Kummissjoni stiednet lil Saint Vincent u l-Grenadini b'mod partikolari biex: (i) jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit mill-Kummissjoni; (ii) jivvaluta l-implimentazzjoni ta' dawk l-azzjonijiet; u (iii) kull sitt xhur jibgħat rapport dettaljat lill-Kummissjoni li jivvaluta l-implimentazzjoni ta' kull waħda minn dawk l-azzjonijiet fir-rigward, inter alia, tal-effettività individwali u/jew kumplessiva tagħha sabiex tiġi żgurata sistema ta' kontroll tas-sajd li hija konformi b'mod sħiħ.

    (8)

    Saint Vincent u l-Grenadini ngħata l-opportunità li jwieġeb bil-miktub u bil-fomm għad-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014, kif ukoll għal informazzjoni oħra rilevanti komunikata mill-Kummissjoni, li jippermettilu jippreżenta evidenza li tiċħad jew li tikkompleta l-fatti indikati fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014. Saint Vincent u l-Grenadini ġie żgurat dwar id-dritt tiegħu li jitlob, jew li jipprovdi, informazzjoni addizzjonali.

    (9)

    Bid-Deċiżjoni tagħha tat-12 ta' Diċembru 2014 u bl-ittra tagħha, il-Kummissjoni fetħet proċess ta' djalogu ma' Saint Vincent u l-Grenadini u enfażizzat li kienet tqis li fil-prinċipju perjodu ta' sitt xhur huwa suffiċjenti biex jintlaħaq ftehim.

    (10)

    Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub li tressqu minn Saint Vincent u l-Grenadini wara d-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 ġew ikkunsidrati u meqjusa. Saint Vincent u l-Grenadini nżamm infurmat, bil-fomm jew bil-miktub, dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    (11)

    Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-oqsma ta' tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 ma kinux ġew indirizzati b'mod suffiċjenti minn Saint Vincent u l-Grenadini. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-pjan ta' azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ. B'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/918 (4), li tidentifika lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    (12)

    Abbażi tal-proċeduri ta' investigazzjoni u ta' djalogu mwettqa mill-Kummissjoni, inkluża l-korrispondenza li ġiet skambjata u l-laqgħat li saru, r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/918, huwa xieraq li Saint Vincent u l-Grenadini jitqiegħed fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    (13)

    Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi pajjiż terz mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx jekk dak il-pajjiż terz juri li s-sitwazzjoni li wasslet biex dan jiġi inkluż fil-lista tkun ġiet rettifikata. Deċiżjoni ta' tneħħija għandha tikkunsidra wkoll jekk il-pajjiż terz ikkonċernat identifikat ħax miżuri konkreti li jistgħu jiksbu titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul.

    2.   L-IDENTIFIKAZZJONI TA' SAINT VINCENT U L-GRENADINI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

    (14)

    Fid-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet ta' Saint Vincent u l-Grenadini u evalwat il-konformità tiegħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta' dak ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

    (15)

    Il-Kummissjoni rrevediet il-konformità ta' Saint Vincent u l-Grenadini b'mod allinjat mal-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014, u wara li kkunsidrat l-informazzjoni rilevanti pprovduta minn Saint Vincent u l-Grenadini f'dak ir-rigward, il-pjan ta' azzjoni ssuġġerit, u l-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata.

    (16)

    In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit kienu relatati ma' diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi taħt id-dritt internazzjonali, marbuta b'mod partikolari: man-nuqqas tal-adozzjoni ta' qafas legali adegwat; man-nuqqas ta' sistema adegwata u effiċjenti ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza; man-nuqqas ta' skema ta' osservaturi; u man-nuqqas ta' sistema ta' sanzjonijiet ta' deterrent. B'mod aktar ġenerali, nuqqasijiet oħra identifikati jikkonċernaw il-konformità mal-obbligi internazzjonali, inkluż rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' bastimenti skont id-dritt internazzjonali. Ġie identifikat ukoll nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-Pjan Internazzjonali ta' Azzjoni Kontra s-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat, u mal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera, it-tnejn tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, in-nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala prova ta' sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

    (17)

    Fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/918, il-Kummissjoni identifikat lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament IUU.

    (18)

    Fir-rigward tar-restrizzjonijiet possibbli fuq Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp għandu jiġi nnutat li l-istatus tal-iżvilupp u l-prestazzjoni globali ta' Saint Vincent u l-Grenadini rigward il-ġestjoni tas-sajd mhumiex imdgħajfin minħabba l-livell ġenerali ta' żvilupp tiegħu.

    (19)

    Wara li ġew ikkunsidrati d-Deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/918, u l-proċess ta' djalogu ma' Saint Vincent u l-Grenadini li sar mal-Kummissjoni u l-eżitu ta' dak il-proċess, jista' jiġi konkluż li l-azzjonijiet meħuda minn Saint Vincent u l-Grenadini fid-dawl tal-obbligi tiegħu bħala Stat tal-bandiera huma insuffiċjenti biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 63, 64, 91, 94 u 117 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, mal-Artikoli 7, 18, 19, 20 u 23 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna, u mal-Artikolu III(8) tal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġesjtoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa.

    (20)

    B'hekk, Saint Vincent u l-Grenadini naqas milli jaqdi l-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

    3.   STABBILIMENT TA' LISTA TA' PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

    (21)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq fir-rigward ta' Saint Vincent u l-Grenadini, dak il-pajjiż għandu jiġi inkluż, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE. Għalhekk, dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni għandha tiġi emendata skont dan.

    (22)

    L-inklużjoni ta' Saint Vincent u l-Grenadini fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU tinvolvi l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU. L-Artikolu 38(1) tar-Regolament IUU jipprevedi l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Fil-każ ta' Saint Vincent u l-Grenadini, dik il-projbizzjoni għandha tkopri l-istokkijiet u l-ispeċijiet kollha, jiġifieri l-prodotti tas-sajd kollha kif definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament IUU, billi n-nuqqas ta' miżuri xierqa adottati fir-rigward tas-sajd IUU li jwasslu għall-identifikazzjoni ta' Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax mhuwiex limitat għal stokk jew għal speċi partikolari.

    (23)

    Huwa nnutat li s-sajd IUU, inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, għandu effetti negattivi fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, huwa meqjus bħala neċessarju li l-Unjoni timplementa malajr l-azzjonijiet fir-rigward ta' Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Bħala konsegwenza, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (24)

    Jekk Saint Vincent u l-Grenadini juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi lil Saint Vincent u l-Grenadini mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament IUU. Kwalunkwe tali deċiżjoni ta' tneħħija għandha tqis ukoll jekk Saint Vincent u l-Grenadini ħax miżuri konkreti biex ikun jista' jinkiseb titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    “Saint Vincent u l-Grenadini” huwa b'dan miżjud fl-Anness għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TÕNISTE


    (1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2014 dwar in-notifika lil pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li dan jista' jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 453, 17.12.2014, p. 5).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/918 tat-23 ta' Mejju 2017 li tidentifika lil Saint Vincent u l-Grenadini bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 139, 30.5.2017, p. 70).


    Top