EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1254

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1254 tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop TTIP” (notifikata bid-dokument C(2017) 4725)

C/2017/4725

ĠU L 179, 12.7.2017, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1254/oj

12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1254

tal-4 ta' Lulju 2017

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop TTIP”

(notifikata bid-dokument C(2017) 4725)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)6501 tal-10 ta' Settembru 2014, ir-reġistrazzjoni ta' inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Stop TTIP” ġiet irrifjutata. Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tal-10 ta' Mejju 2017 fil-kawża T-754/14, annullat din id-Deċiżjoni. Sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi rrispettata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, trid tiġi adottata Deċiżjoni tal-Kummissjoni ġdida dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

(2)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Stop TTIP” issir referenza għalih kif ġej: “Aħna nistiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrakkomanda lill-Kunsill biex jirrevoka l-mandat ta' negozjar għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u li ma jikkonkludix il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA)”.

(3)

L-objettivi ddikjarati tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta huma: “Aħna nixtiequ nipprevjenu t-TTIP u s-CETA billi dawn jinkludu diversi kwistjonijiet kritiċi bħas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati u regoli dwar il-kooperazzjoni regolatorja li huma ta' theddida għad-demokrazija u l-istat tad-dritt. Irridu nevitaw li l-istandards tal-impjiegi, soċjali, ambjentali u tal-konsumatur jitbaxxew u li s-servizzi pubbliċi (bħall-ilma) u l-assi kulturali jiġu dderegolati f'negozjati mhux trasparenti. L-ECI tappoġġa politika tal-kummerċ u tal-investiment alternattiva fl-UE”.

(4)

Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw il-ftuħ tan-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, bħas-Sħubija Trans-Atlantika tal-Kummerċ u l-Investiment u l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (CETA), kif ukoll deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw l-iffirmar jew il-konklużjoni ta' tali ftehimiet huma atti legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati, adottati fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni jew proposta mill-Kummissjoni. Dawn l-atti legali jistgħu għalhekk ikunu suġġett ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(5)

Madankollu, is-CETA ġie ffirmat fit-30 ta' Ottubru 2016 wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 (2). Għaldaqstant, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma għadx għandha skop billi għandha l-għan ta' proposta mill-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill biex ma jiġix iffirmat is-CETA.

(6)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(7)

Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jenħtieġ li jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonali man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli.

(8)

Għal dawn ir-raġunijiet, ikun adegwat li wieħed jikkunsidra li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni, li permezz tagħhom hija tista' tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(9)

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop TTIP” jenħtieġ li għaldaqstant tiġi rreġistrata. Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jenħtieġ li jinġabru biss sa fejn hija mmirata għal proposti jew rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni għal atti legali għajr deċiżjoni tal-Kunsill biex ma jiġix iffirmat is-CETA.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop TTIP” hija rreġistrata.

2.   Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jistgħu jinġabru, abbażi ta' fehim li hija mmirata għal proposti jew rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni għal atti legali għajr deċiżjoni tal-Kunsill li ma jiġix iffirmat il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (CETA).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-10 ta' Lulju 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta “Stop TTIP”, irrappreżentati minn Michael EFLER u [Id-data personali tħassret wara konsultazzjoni mal-organizzaturi] li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-ewwel Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta' Ottubru 2016, dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1).


Top