Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1243

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1243 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul it-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima u l-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar dwar l-adozzjoni ta' emendi għar-Regolament SOLAS II-1/23, ir-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3, il-Kodiċijiet Internazzjonali tal-Vapuri ta' Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000, il-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ u l-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL

    ĠU L 178, 11.7.2017, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1243/oj

    11.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 178/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1243

    tad-29 ta' Mejju 2017

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul it-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima u l-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar dwar l-adozzjoni ta' emendi għar-Regolament SOLAS II-1/23, ir-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3, il-Kodiċijiet Internazzjonali tal-Vapuri ta' Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000, il-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir għas-Salvataġġ u l-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkollha l-għan li ttejjeb is-sikurezza marittima u tipproteġi l-ambjent tal-baħar.

    (2)

    Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (“MSC”) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) li ltaqa' fis-97 sessjoni tiegħu, approva emendi għar-Regolament II-1/23 u r-Regolament II-2/9.4.1.3 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (“SOLAS”), għall-Kodiċijiet Internazzjonali tal-Vapuri ta' Veloċità Għolja tal-1994 u l-2000 (“Kodiċijiet HSC”), għall-Kodiċi Internazzjonali tat-Tagħmir tas-Salvataġġ (“Kodiċi LSA”) u għall-Anness għar-Riżoluzzjoni MSC.81(70). Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati matul it-98 sessjoni tal-MSC, li għandha ssir f'Ġunju 2017.

    (3)

    Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (“MEPC”) tal-OMI, li ltaqa' fis-70 sessjoni tiegħu, approva emendi għall-Appendiċi V tal-Anness VI għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (“Anness VI tal-MARPOL”)fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża fin-Nota ta' Kunsinna tal-Bunker (“BDN”). Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati matul il-71 sessjoni tal-MEPC, li għandha ssir f'Lulju 2017.

    (4)

    L-MSC tal-OMI, li ltaqa' fil-95 u s-96 sessjonijiet tiegħu, approva għadd ta' abbozzi ta' emendi għar-Regolament SOLAS II-1 dwar ir-regolamenti tas-suddiviżjoni u l-istabbiltà f'kondizzjonijiet ta' ħsara. Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni rigward dawk l-emendi ġiet determinata fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077 (1).

    (5)

    L-MSC tal-OMI, li ltaqa' fis-97 sessjoni tiegħu, qabel li jżomm sospiża l-adozzjoni tal-parti l-kbira tal-abbozzi tal-emendi għar-Regolament SOLAS II-1 dwar ir-regolamenti tas-suddiviżjoni u l-istabbiltà f'kondizzjonijiet ta' ħsara sat-98 sessjoni tiegħu, u fir-rigward tal-emendi għar-Regolament II-1/6, dwar il-formula għall-indiċi ta' suddiviżjoni R meħtieġ, huwa qabel li kwalunkwe modifika ulterjuri tar-Regolament II-1/6 jenħtieġ li ma tbaxxix il-livell attwali ta' sikurezza.

    (6)

    Għaldaqstant, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2077 tibqa' applikabbli.

    (7)

    L-MSC tal-OMI, li ltaqa' fis-97 sessjoni tiegħu, qabel li jarmonizza t-test fir-Regolamenti II-1/22, II-1/23 u II-1/24 fir-rigward tal-eżistenza ta' espressjonijiet multipli għal rekwiżiti simili, u li jaġġorna l-kontroreferenzi eżistenti, mingħajr ma jbiddel il-kontenut ta' emendi approvati preċedentement. Ir-Regolament II-1/23 jikkonċerna rekwiżiti simili għal vapuri ro-ro tal-passiġġieri u mhuwiex kopert mill-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni kif stabbilit fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2077. Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri ta' veloċità għolja li jitħaddmu għal vjaġġi domestiċi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.

    (8)

    L-emendi għar-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3 jiċċaraw ir-rekwiżiti għall-integrità min-nirien tat-twieqi fil-vapuri tal-passiġġieri li jġorru mhux aktar minn 36 passiġġier u vapuri b'għan speċjali b'aktar minn 60 (iżda mhux aktar minn 240) persuna abbord. Vapuri li jġorru anqas minn 36 passiġġier jenħtieġ li jiżguraw l-istess livell ta' sikurezza bħal dawk li jġorru aktar minn 36 passiġġier. Id-Direttiva 2009/45/KE tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri ta' veloċità għolja li jitħaddmu għal vjaġġi domestiċi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata. Il-Parti B.10.4 tal-Kapitolu II-2 tal-Anness I għal dik id-Direttiva tistipula li għal vapuri tal-passiġġieri li jġorru mhux aktar minn 36 passiġġier, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-integrità fir-rigward tan-nirien tat-twieqi li jiffaċċjaw żoni tal-imbarkazzjoni miftuħa jew magħluqa tad-dgħajjes tas-salvataġġ u taċ-ċattri tas-salvataġġ u għall-integrità fir-rigward ta' reżistenza min-nirien tat-twieqi li jkunu jinsabu taħt tali żoni f'tali pożizzjoni li l-falliment tagħhom waqt nirien itellef il-varar ta', jew l-imbarkazzjoni fid-dgħajjes tas-salvataġġ jew taċ-ċattri tas-salvataġġ.

    (9)

    L-emendi għall-Kodiċijiet HSC jiċċaraw l-applikazzjoni tal-paragrafi 8.10.1.4 sa 8.10.1.6 tal-Kodiċijiet HSC rigward l-eżenzjoni tal-ġarr ta' dgħajjes tas-salvataġġ għall-vapuri ta' veloċità għolja b'tul ta' inqas minn 20 m u inqas minn 30 m, rispettivament. Vapur ta' veloċità għolja b'tul inqas minn 30 m għall-finijiet tal-Kodiċi HSC tal-2000, jew b'tul inqas minn 20 m għall-finijiet tal-Kodiċi HSC tal-1994, jista' jiġi eżentat milli jġorr dgħajsa tas-salvataġġ, dment li r-rekwiżiti tal-paragrafu 8.10.1.6 tal-Kodiċijiet HSC jiġu ssodisfati, li jinkludi punt ġdid li jiddikjara li għandu jkun possibbli li kull persuna li ma tistax tieħu ħsieb tagħha nnifisha tiġi rkuprata mill-ilma f'pożizzjoni tal-ġisem orizzontali jew kważi orizzontali. Id-Direttiva 2009/45/KE tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri tal-passiġġieri ta' veloċità għolja li jitħaddmu għal vjaġġi domestiċi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.

    (10)

    Il-Kodiċi LSA jipprovdi rekwiżiti internazzjonali għat-tagħmir tas-salvataġġ li huma koperti mill-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata. L-emendi għall-paragrafi 6.1.1.5 u 6.1.1.6 tal-Kodiċi LSA u għall-paragrafu 8.1.1 tal-parti 1 tal-Anness għar-Riżoluzzjoni MSC.81(70) jiżguraw konsistenza mat-testijiet statiċi u t-tagħbijiet ta' prova tagħhom li t-tagħmir għall-varar, inkluż il-membri strutturali u l-vinċijiet tiegħu, irid jirreżisti. Jenħtieġ li dawk l-emendi jiġu trattati bħala korrezzjonijiet minuri. It-tagħmir għall-varar u l-vinċijiet huma elenkati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/306 (3), li jirreferi għall-Kodiċi LSA u għar-Riżoluzzjoni MSC.81(70) fir-rigward tal-partiti MED/1.21, 1.23, 1.24 u 1.25 f'dak li għandu x'jaqsam mat-tagħmir għall-varar, u fir-rigward tal-partiti MED/1.41a, 1.41b, 1.41c, 1.41d, 1.41e f'dak li għandu x'jaqsam mal-vinċijiet. Għaldaqstant, huma jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (11)

    L-emendi għall-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL jiċċaraw li l-vapuri li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Anness VI tal-MARPOL fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburant fiż-żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet (tal-kubrit) (“(S)ECAs”) permezz ta' mezzi ekwivalenti (sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost (“EGCS”)), jistgħu jippermettu lill-fornitur, wara n-notifika tax-xerrej, li jiddikjara fil-BDN, li l-karburant kien intenzjonat għall-użu minn vapur li jissodisfa r-rekwiżiti tal-kubrit permezz ta' mezzi ekwivalenti. Peress li l-għadd ta' vapuri mgħammra bl-EGCS qiegħed dejjem jikber, l-emendi għall-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL huma neċessarji sabiex it-test standard tal-BDN ikun konformi mal-fatt li l-vapuri jistgħu jkomplu jużaw karburanti b'kontenut ogħla ta' kubrit anke wara d-dħul fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2015 tar-rekwiżiti għall-kontenut ta' kubrit ta' 0,10 % fis-(S)ECAs. Ir-rekwiżiti tal-Anness VI tal-MARPOL, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-SOx huma implimentati fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-Artikolu 6(9)(b) u (c) u l-Artikolu 13(2)(a) ta' dik id-Direttiva jirreferu għall-BDN bħala l-mekkaniżmu prinċipali biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva. Il-mezzi ekwivalenti ta' konformità huma meqjusa bħala metodi alternattivi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, kif definit fl-Artikolu 2(o) ta' dik id-Direttiva, u jistgħu jintużaw dment li l-vapuri li jużaw il-metodu ta' tnaqqis tal-emissjonijiet jiksbu kontinwament it-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit li jkun mill-anqas ekwivalenti għat-tnaqqis li jinkiseb bl-użu ta' karburanti tal-baħar li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva.

    (12)

    L-Unjoni mhijiex Membru tal-OMI, u lanqas ma hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u biex jesprimu l-approvazzjoni tagħhom li jintrabtu b'dawk l-emendi, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fit-98 sessjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi li ġejjin:

    (a)

    l-emendi għar-Regolament SOLAS II-1/23, kif stipulat fl-Anness 1 għad-dokument tal-OMI, MSC 97/WP.5, soġġett għall-modifiki proposti fid-dokumenti tal-OMI, MSC 97/3/5 u MSC 97/3/4;

    (b)

    l-emendi għar-Regolament SOLAS II-2/9.4.1.3, kif stipulat fl-Anness 13 għad-dokument tal-OMI, MSC 97/22/Add 1;

    (c)

    l-emendi għall-Kodiċijiet HSC, kif stipulat fl-Annessi 15 u 16 għad-dokument tal-OMI, MSC 97/22/Add.1;

    (d)

    l-emendi għall-Kodiċi LSA u għall-Anness għar-Riżoluzzjoni MSC.81(70), kif stipulat fl-Anness 17 għad-dokument tal-OMI, MSC 97/22/Add.1, u fl-Anness 1 għad-dokument tal-OMI, MSC 98/3/1.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-71 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għall-Appendiċi V tal-Anness VI tal-MARPOL, kif stipulat fl-Anness 7 għad-dokument tal-OMI, MEPC 70/18/Add.1.

    Artikolu 3

    1.   Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni kif imniżżel fl-Artikoli 1 u 2 għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri, li huma membri tal-OMI, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

    2.   Jista' jsir qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Mejju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. CARDONA


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2077 tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul is-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, dwar l-adozzjoni ta' emendi tal-Anness VI tal-MARPOL, ir-Regolamenti SOLAS II-1, ir-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, ir-Regolament SOLAS II-1/3-12, il-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW, il-Kodiċi tas-Sistemi ta' Sikurezza kontra n-Nirien u l-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011 (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 36).

    (2)  Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/306 tas-6 ta' Frar 2017 li jindika rekwiżiti għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar (ĠU L 48, 24.2.2017, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58).


    Top