Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1215

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1215 tat-23 ta' Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali (notifikata bid-dokument C(2017) 4228) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/4228

    ĠU L 180, 12.7.2017, p. 16–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/03/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1215/oj

    12.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 180/16


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1215

    tat-23 ta' Ġunju 2017

    li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali

    (notifikata bid-dokument C(2017) 4228)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' tingħata lil dawk il-prodotti li għandhom impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jistipula li għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta' prodotti.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE (2) stabbiliet il-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom għad-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali, li huma validi sal-14 ta' Novembru 2016.

    (4)

    Sabiex jitqiesu l-iżviluppi riċenti tas-suq u l-innovazzjoni li seħħet minn dak iż-żmien 'l hawn, qed jitqies li huwa xieraq li jiġi stabbilit sett rivedut ta' kriterji ekoloġiċi għal dak il-grupp ta' prodotti.

    (5)

    Il-kriterji riveduti, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom ikunu validi għal sitt snin minn meta ssir in-notifika dwar din id-Deċiżjoni, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu ta' innovazzjoni għal dak il-grupp ta' prodotti. L-għan ta' dawk il-kriterji huwa li jippromwovu prodotti li għandhom impatt imnaqqas fuq l-ekosistemi akkwatiċi, li fihom ammont limitat ta' sustanzi perikolużi, li huma effettivi meta jintużaw fit-temperaturi rrakkomandati u li jnaqqsu kemm jista' jkun il-produzzjoni tal-iskart billi jnaqqsu l-ammont ta' imballaġġ.

    (6)

    Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE għandha titħassar.

    (7)

    Il-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni sabiex ikollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom biex dawn ikunu jikkonformaw mal-kriterji u mar-rekwiżiti riveduti.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” għandu jinkludi d-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti, l-aġenti għat-tlaħliħ u l-aġenti għat-tixrib minn qabel li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li huma kkummerċjalizzati u maħsubin biex jintużaw minn persunal speċjalizzat f'magni tal-ħasil tal-platti professjonali.

    Dan il-grupp ta' prodotti jinkludi sistemi b'diversi komponenti li jinkludu iktar minn komponent wieħed li jintużaw biex jinħoloq deterġent komplet. Is-sistemi b'diversi komponenti jista' jkun fihom għadd ta' prodotti bħal pereżempju aġenti għat-tixrib minn qabel u aġenti għat-tlaħliħ u għandhom jiġu ttestjati bħala prodott wieħed sħiħ.

    Dan il-grupp ta' prodotti m'għandux jinkludi d-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti maħsubin biex jintużaw f'magni domestiċi tal-ħasil tal-platti u d-deterġenti maħsubin biex jintużaw f'magni għall-ħasil ta' tagħmir mediku jew f'magni speċjali għall-industrija tal-ikel.

    L-isprejs li ma jkunux iddożati b'pompi awtomatiċi huma esklużi minn dan il-grupp ta' prodotti.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “sustanzi mdaħħlin” tfisser sustanzi miżjudin bi ħsieb, prodotti sekondarji u impuritajiet mill-materja prima fil-formulazzjoni finali tal-prodott [(inkluż il-fojl li jdub fl-ilma, jekk jintuża)];

    (2)

    “imballaġġ primarju” tfisser:

    (a)

    għal dożi fi qratas individwali li jkunu maħsubin biex jitneħħew qabel l-użu, il-qratas tad-dożi individwali u l-imballaġġ maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ għad-distribuzzjoni lill-utenti jew lill-konsumaturi finali fil-post fejn jinxtara, inkluża t-tikketta jekk dan ikun applikabbli;

    (b)

    għat-tipi l-oħra kollha ta' prodotti, l-imballaġġ maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ għad-distribuzzjoni lill-utenti jew lill-konsumaturi finali fil-post fejn jinxtara, inkluża t-tikketta jekk dan ikun applikabbli;

    (3)

    “mikroplastiċi” tfisser partikoli tal-plastik makromolekulari li ma jinħallx b'daqs ta' inqas minn 5 mm, miksubin b'wieħed mill-proċessi li ġejjin:

    (a)

    proċess ta' polimerizzazzjoni bħal pereżempju l-poliaddizzjoni, il-polikondensazzjoni jew proċess simili ieħor li fih jintużaw il-monomeri jew sustanzi oħra ta' bidu;

    (b)

    il-modifika kimika ta' makromolekuli naturali jew sintetiċi;

    (c)

    il-fermentazzjoni bil-mikrobi;

    (4)

    “nanomaterjal” tfisser materjal naturali, inċidentali jew manifatturat li fih partikoli, fi stat maħlul jew bħala aggregat jew agglomerat, u fejn, għal 50 % jew iktar tal-partikoli fid-distribuzzjoni dimensjonali numerika, dimensjoni esterna waħda jew aktar hija fil-firxa ta' daqs 1 nm-100 nm (4).

    Artikolu 3

    Sabiex jingħataw l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, id-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti għandhom ikunu jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u għandhom ikunu konformi mal-kriterji u mar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 4

    Il-kriterji għall-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom għandhom ikunu validi għal sitt snin mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” għandu jkun “038”.

    Artikolu 6

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE qed titħassar.

    Artikolu 7

    1.   B'deroga mill-Artikolu 6, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” li jitressqu qabel id-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonjiiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE.

    2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni awtomatiċi tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” li jitressqu fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jissejsu jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE jew inkella fuq il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li fuqhom jissejsu.

    3.   Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE jistgħu jintużaw għal 12-il xahar mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Karmenu VELLA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE tal-14 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE lil Deterġenti għall-Magni Awtomatiċi tal-Ħasil tal-Platti Industrijali u Istituzzjonali (ĠU L 326, 24.11.2012, p. 25).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1).

    (4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/696/UE tat-18 ta' Ottubru 2011 fuq id-definizzjoni tan-nanomaterjali (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 38).


    ANNESS

    QAFAS

    IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

    Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali

    KRITERJI

    1.

    Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

    2.

    Bijodegradabbiltà

    3.

    Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom

    4.

    Sustanzi esklużi u ristretti

    5.

    Imballaġġ

    6.

    Adegwatezza għall-użu

    7.

    Sistemi ta' ddożar awtomatiku

    8.

    Informazzjoni għall-utenti

    9.

    Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

    VALUTAZZJONI U VERIFIKA

    (a)   Rekwiżiti

    Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.

    Meta l-applikant jintalab jipprovdi lill-organi kompetenti dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra sabiex juri li hemm konformità mal-kriterji, dawn jistgħu jiġu mingħand l-applikant u/jew mingħand il-fornitur(i) tiegħu, kif ikun xieraq.

    Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment iċ-ċertifikazzjonijiet li joħorġu korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar, u l-verifiki li jagħmlu korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi. L-akkreditament għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    Meta jkun jixraq, jistgħu jintużaw metodi oħra tal-ittestjar apparti dawk imniżżla għal kull kriterju, diment li l-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

    Meta xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' sostenn u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti jew żjarat fuq il-post.

    Bħala prerekwiżit, il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti legali rispettivi kollha tal-pajjiż jew il-pajjiżi fejn il-prodott ikun intenzjonat li jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dan ir-rekwiżit.

    Il-lista “Il-Bażi tad-Dejta ta' Ingredjenti ta' Deterġenti” (il-lista DID), disponibbli fis-sit tal-Ekotikketta tal-UE, fiha l-aktar sustanzi li jintużaw fil-formulazzjonijiet ta' deterġenti u kożmetiċi. Din għandha tintuża biex tinkiseb id-dejta għall-kalkoli tal-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV) u għall-valutazzjoni tal-bijodegradabbiltà tas-sustanzi mdaħħla. Għas-sustanzi li mhumiex fil-lista DID, tingħata gwida dwar kif għandha tiġi kkalkolata jew estrapolata d-dejta rilevanti.

    Il-lista tas-sustanzi mdaħħla kollha għandha tiġi ppreżentata lill-korp kompetenti, u tindika l-isem kummerċjali (jekk ikun jeżisti), l-isem kimiku, in-numru tal-CAS, in-numru DID, il-kwantità mdaħħla, il-funzjoni u l-forma preżenti fil-formulazzjoni finali tal-prodott (inkluż folj li jinħall fl-ilma, jekk ikun hemm).

    Priżervattivi u aġenti koloranti għandhom jiġu indikati irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħhom. Sustanzi mdaħħla oħra għandhom jiġu indikati meta jkunu f'konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew iktar tal-piż skont il-piż.

    Is-sustanzi mdaħħla kollha preżenti fil-forma ta' nanomaterjali għandhom jiġu indikati b'mod ċar fil-lista, bil-kelma “nano” miktuba fil-parentesi.

    Għal kull sustanza mdaħħla elenkata, għandhom jiġu pprovduti l-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza (SDS) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Meta ma jkunx hemm SDS għal xi sustanza partikolari waħda minħabba li tkun parti minn taħlita, l-applikant għandu jipprovdi l-SDS tat-taħlita.

    (b)   Limiti tal-kejl

    Il-konformità mal-kriterji ekoloġiċi hi meħtieġa għal kull sustanza mdaħħla kif speċifikat fit-Table 1.

    Tabella 1

    Limiti tal-kejl applikabbli għas-sustanzi mdaħħla skont il-kriterju għad-deterġenti tal-magna tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali (% piż skont il-piż)

    Isem il-kriterju

    Aġenti tensjoattivi

    Priżervattivi

    Aġenti koloranti

    Oħrajn (pereż. enżimi)

    Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

    ≥ 0,010

    l-ebda limitu (*1)

    l-ebda limitu (*1)

    ≥ 0,010

    Bijodegradabbiltà

    Aġenti tensjoattivi

    ≥ 0,010

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    Sustanzi organiċi

    ≥ 0,010

    l-ebda limitu (*1)

    l-ebda limitu (*1)

    ≥ 0,010

    Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm

    ≥ 0,010

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    ≥ 0,010

    Sustanzi esklużi jew limitati

    Sustanzi esklużi u limitati speċifikati

    l-ebda limitu (*1)

    l-ebda limitu (*1)

    l-ebda limitu (*1)

    l-ebda limitu (*1)

    Sustanzi perikolużi

    ≥ 0,010

    ≥ 0,010

    ≥ 0,010

    ≥ 0,010

    SVHCs

    l-ebda limitu (*1)

    l-ebda limitu (*1)

    l-ebda limitu (*1)

    l-ebda limitu (*1)

    Priżervattivi

    Mhux applikabbli

    l-ebda limitu (*1)

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    Aġenti koloranti

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    l-ebda limitu (*1)

    Mhux applikabbli

    Enżimi

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    l-ebda limitu (*1)

    DOŻAĠĠ TA' REFERENZA

    Dan id-dożaġġ għandu jitqies bħala d-dożaġġ ta' referenza għall-kalkoli intiżi li jiddokumentaw il-konformità mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u għall-ittestjar tal-kapaċità ta' tindif:

    L-ogħla doża rakkomandata mill-manifattur għal litru soluzzjoni għall-ħasil (indikata bħala g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil jew m/l ta' soluzzjoni għall-ħasil) għal tliet gradi ta' ebusija tal-ilma (artab, medju, iebes).

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi t-tikketta tal-prodott jew l-iskeda tal-istruzzjonijiet għall-utenti li tinkludi l-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ.

    Kriterju 1 — Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

    Il-volum kritiku tad-dilwizzjoni (CDVkroniku) tal-prodott ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għad-doża ta' referenza.

    Ebusija tal-ilma

    Tip ta' prodott

    Artab

    (< 1,5 mmol CaCO3/l)

    (l/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Medju

    (1,5 — 2,5 mmol CaCO3/l)

    (l/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Iebes

    (< 2,5 mmol CaCO3/l)

    (l/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Aġenti għat-tixrib minn qabel

    2 000

    2 000

    2 000

    Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti

    3 000

    5 000

    7 000

    Sistemi b'komponenti multipli

    3 000

    4 000

    5 000

    Aġenti għat-tlaħliħ

    3 000

    3 000

    3 000

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tas-CDVkroniku tal-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valur CDVkroniku tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

    Is-CDVkroniku huwa kkalkulat għas-sustanzi kollha li jiddaħħlu (i) fil-prodott, bl-użu tal-ekwazzjoni li ġejja:

    Formula

    Fejn:

    id-dożaġġ(i)

    :

    il-piż (g) tas-sustanza (i) fid-doża ta' referenza;

    DF(i)

    :

    il-fattur ta' degradazzjoni tas-sustanza (i);

    TFkroniku(i)

    :

    il-fattur ta' tossiċità kronika tas-sustanza (i).

    Il-valuri tad-DF(i) u t-TFkroniku(i) għandhom ikunu kif mogħtija fil-Parti A l-iktar aġġornata tal-lista DID. Jekk sustanza mdaħħla ma tiġix inkluża fil-Parti A, l-applikant għandu jagħmel stima tal-valuri billi jsegwi l-approċċ deskritt fil-Parti B ta' dik il-lista u jehmeż id-dokumentazzjoni assoċjata.

    Kriterju 2 — Il-bijodegradabbiltà

    (a)   Il-bijodegradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi

    L-aġenti tensjoattivi kollha għandhom ikunu faċilment degrababbli (ajrobikament).

    L-aġenti tensjoattivi kollha kklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku: Il-Kategorija Akuta 1 (H400) jew il-Kategorija Kronika 3 (H412), skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), għandhom barra minn hekk ikunu bijodegradabbli anajrobikament.

    (b)   Il-bijodegradabbiltà tal-komposti organiċi

    Il-kontenut ta' sustanzi organiċi fil-prodott li huma ajrobikament mhux bijodegradabbli (mhux bijodegradabbli malajr, aNBO) jew anajrobikament mhux bijodegradabbli (anNBO) ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għad-doża ta' referenza:

     

    aNBO (g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Ebusija tal-ilma

    Tip ta' prodott

    Artab

    < 1,5 mmol CaCO3/l

    Medju

    1,5 — 2,5 mmol CaCO3/l

    Iebes

    > 2,5 mmol CaCO3/l

    Aġenti għat-tixrib minn qabel

    0,40

    0,40

    0,40

    Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti/Sistema b'komponenti multipli

    0,40

    0,40

    0,40

    Aġenti għat-tlaħliħ

    0,04

    0,04

    0,04

     

    aNBO (g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Ebusija tal-ilma

    Tip ta' prodott

    Artab

    < 1,5 mmol CaCO3/l

    Medju

    1,5 — 2,5 mmol CaCO3/l

    Iebes

    > 2,5 mmol CaCO3/l

    Aġenti għat-tixrib minn qabel

    0,40

    0,40

    0,40

    Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti/Sistema b'komponenti multipli

    0,60

    1,00

    1,00

    Aġenti għat-tlaħliħ

    0,04

    0,04

    0,04

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi, kif ukoll għall-kalkolu tal-aNBO u tal-anNBO għall-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valuri aNBO u anNBO tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

    Għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi u għall-valuri aNBO u anNBO tal-komposti organiċi, għandha ssir referenza għal-lista DID l-iktar aġġornata.

    Għas-sustanzi mdaħħla li ma jkunux fil-Parti A tal-lista DID, għandha tingħata informazzjoni rilevanti mil-letteratura teknika jew minn sorsi oħra, jew jingħataw ir-riżultati xierqa tat-testijiet, li jkunu juru li huma ajrobikament u anajrobikament bijodegradabbli, kif tiddeskrivi l-Parti B ta' dik il-lista.

    Fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni dwar id-degradabbiltà deskritta hawn fuq, sustanza mdaħħla li ma tkunx aġent tensjoattiv tista' tiġi eżentata mir-rekwiżit tal-degradabbiltà anajrobika diment li tiġi ssodisfata waħda minn dawn it-tliet alternattivi:

    (1)

    tkun faċilment degradabbli u jkollha assorbiment baxx (A < 25 %);

    (2)

    tkun faċilment degradabbli u jkollha desorbiment għoli (D > 75 %);

    (3)

    tkun faċilment degradabbli u ma tkunx bijoakkumulattiva (4).

    L-ittestjar għall-assorbiment jew għad-desorbiment għandu jsir skont il-Linji Gwida tal-OECD Nru 106.

    Kriterju 3 — Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom

    Is-sustanzi mdaħħla li jintużaw fil-prodotti li ġejjin miż-żejt tal-palm jew miż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm għandhom jinkisbu minn pjantaġġuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' skema ta' ċertifikazzjoni għall-produzzjoni sostenibbli li hija bbażata fuq organizzazzjonijiet b'diversi partijiet interessati u li għandha sħubija mifruxa, inklużi l-NGOs, l-industrija u l-gvern u li tindirizza l-impatti ambjentali inklużi dawk fuq il-ħamrija, il-bijodiversità, il-ħażniet tal-karbonju organiku u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.

    Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi evidenza permezz ta' ċertifikati mingħand partijiet terzi u katina ta' kustodja li ż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm li jintużaw fil-manifattura tas-sustanzi mdaħħla jkunu ġejjin minn pjantaġġuni li huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli.

    Ċertifikati aċċettati jinħtieġ li jinkludu d-Diskussjonijiet Madwar Mejda Tonda dwar iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli msejħa “Roundtable for Sustainable Palm Oil (RSPO)” (b'identità ppriżervata, segregata jew bilanċ tal-massa) jew kwalunkwe skema ta' produzzjoni sostenibbli ekwivalenti jew aktar stretta.

    Għad-derivattivi kimiċi taż-żejt tal-palm u għaż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm, għandu jkun biżżejjed li tintwera sostenibbiltà permezz ta' sistemi “book&claim” bħalma huma ċ-ċertifikati GreenPalm jew ekwivalenti billi jingħataw l-ammonti ddikjarati tal-ACOP (l-Kommunikazzjonijiet ta' Progress Annwali) taċ-ċertifikati GreenPalm akkwistati jew mifdija matul il-perjodu ta' negozjar annwali l-aktar riċenti.

    Kriterju 4 — Sustanzi esklużi u ristretti

    (a)   Sustanzi esklużi u ristretti speċifikati

    (i)   Sustanzi esklużi

    Is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott irrispettivament mill-konċentrazzjoni:

    Alkilfenoletossilati (APEOs) u derivattivi oħra tal-alkilfenol;

    Atranol;

    Kloroatranol;

    Aċidu dietilenetriamminapentaaċetiku (DTPA);

    Aċidu etilendiamminatetraaċetiku (EDTA) u l-imluħa tiegħu;

    Il-formaldeid u r-rilaxxaturi tiegħu (pereż. 2-bromo-2-nitropropan-1,3-diol, 5-bromo-5-nitro-1,3-diossan, idrossimetilgliċinat tas-sodju, diażolidinilurea) bl-eċċezzjoni ta' impuritajiet tal-formaldeid f'aġenti tensjoattivi bbażati fuq il-kimika tal-polialkoksi sa konċentrazzjoni ta' 0,010 % tal-piż skont il-piż fis-sustanza mdaħħla;

    Glutaraldeid;

    Idrossisoeżil 3-ċikloeżen karboksaldeid (HICC);

    Mikroplastiċi;

    Nanofidda;

    Nitromiski u miski poliċikliċi;

    Alkaliti perfluwurorati;

    Imluħa kwaternarji tal-ammonju mhux faċilment bijodegradabbli;

    Komposti reattivi tal-kloru;

    Rodamina B;

    Triklosan;

    Butilkarbamat tat-3-jodo-2-propinil.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li s-sustanzi elenkati ma ġewx inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott.

    (ii)   Sustanzi ristretti

    Is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott f'konċentrazzjonijiet ikbar minn dawk indikati:

    2-Metil-2H-iżotijażol-3-on: 0,0050 % tal-piż skont il-piż;

    1,2-Benżiżotijażol-3(2H)-on: 0,0050 % tal-piż skont il-piż;

    5-kloro-2-metil-4-iżotijażolin-3-on/2-metil-4-iżotijażolin-3-on: 0,0015 % tal-piż skont il-piż.

    Il-kontenut totali ta' fosforu (P) ikkalkolat bħala P elementali għandu jkun limitat għal:

    Tip ta' prodott

    (fi g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Ebusija tal-ilma (mmol CaCO3/l)

    Artab (< 1,5)

    Medju (1,5–2,5)

    Iebes (> 2,5)

    Aġenti għat-tixrib minn qabel

    0,08

    0,08

    0,08

    Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti

    0,15

    0,30

    0,50

    Aġenti għat-tlaħliħ

    0,02

    0,02

    0,02

    Sistema b'komponenti multipli

    0,17

    0,32

    0,52

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dawn id-dokumenti:

    (a)

    Jekk jintużaw l-isotijażolinoni, dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li l-kontenut ta' isotijażolinoni użati huwa ekwivalenti għal-limiti stabbiliti jew inqas;

    (b)

    Dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li l-ammont totali ta' P elementali huwa ekwivalenti għal-limiti stabbiliti jew inqas; Id-dikjarazzjoni għandha tiġi appoġġjata bil-kalkoli tat-total ta' kontenut P tal-prodott.

    (b)   Sustanzi perikolużi

    (i)   Prodott finali

    Il-prodott finali ma għandux jiġi klassifikat u tikkettat bħala tossiku akut, bħala sustanza tossika speċifika għal organi ta' mira, bħala sensitizzatur respiratorju jew tal-ġilda jew bħala prodott karċinoġenu, mutaġenu jew tossiku għar-riproduzzjoni, jew bħala prodott perikoluż għall-ambjent akkwatiku, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u skont il-lista fit-Tabella 2.

    (ii)   Sustanzi mdaħħla

    Il-prodott ma għandux ikollu sustanzi mdaħħla f'limitu tal-konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew iktar tal-piż skont il-piż fil-prodott finali li jilħqu l-kriterji tal-klassifikazzjoni bħala tossiċi, perikolużi għall-ambjent akkwatiku, sensitizzaturi respiratorji jew tal-ġilda jew karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni, skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u skont il-lista fit-Table 2.

    Meta jkunu aktar stretti, il-limiti ġeneriċi jew speċifiċi tal-konċentrazzjoni ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom jieħdu preċedenza.

    Tabella 2

    Il-klassifikazzjonijiet ristretti tal-periklu u t-tqassim tagħhom f'kategoriji

    Tossiċità akuta

    Kategoriji 1 u 2

    Kategorija 3

    H300 Fatali jekk jinbela'

    H301 Tossiku jekk jinbela'

    H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

    H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

    H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

    H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

    H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jmur fil-pajp tan-nifs

    EUH070 Tossiku jekk imiss mal-għajnejn

    Tossiċità speċifika għal organi ta' mira

    Kategorija 1

    Kategorija 2

    H370 Jagħmel ħsara lill-organi

    H371 Jaf jagħmel ħsara lill-organi

    H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

    H373 Jaf jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

    Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda

    Kategorija 1 A/1

    Kategorija 1B

    H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

    H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

    H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

    H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

    Karċinoġenu, mutaġenu jew tossiku għar-riproduzzjoni

    Kategoriji 1 A u 1B

    Kategorija 2

    H340 Jaf jikkawża difetti ġenetiċi

    H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

    H350 Jaf jikkawża l-kanċer

    H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

    H350i Jaf jikkawża l-kanċer jekk jinġibed man-nifs

     

    H360F Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità

    H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

    H360D Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

    H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

    H360FD Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

    H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    H360Fd Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

    H362 Jaf jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

    H360Df Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

     

    Perikoluż għall-ambjent akkwatiku

    Kategoriji 1 u 2

    Kategoriji 3 u 4

    H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

    H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

    H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

    H413 Jaf iħalli effetti dejjiema lill-organiżmi akkwatiċi

    H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

     

    Perikolużi għas-saff tal-ożonu

    H420 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

     

    Dan il-kriterju ma japplikax għal sustanzi mdaħħla li jkopri l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxi kriterji għall-eżenzjoni ta' sustanzi li hemm l-Annessi IV u V ta' dan ir-Regolament mir-reġistrazzjoni, mill-obbligi tal-utent downstream u mir-rekwiżiti tal-evalwazzjoni. Sabiex isib jekk dik l-esklużjoni tkunx tapplika, l-applikant għandu jgħarrex għal kull sustanza mdaħħla li tkun preżenti f'konċentrazzjoni aktar minn 0,010 % tal-piż skont il-piż.

    Is-sustanzi u t-taħlitiet fit-Tabella 3 huma eżentati mill-punt (b)(ii) tal-Kriterju 4

    Tabella 3

    Sustanzi derogati

    Sustanza

    Dikjarazzjoni tal-Periklu

    Aġenti tensjoattivi

    H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

    H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

    Subtiliżina

    H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

     

    H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

    Enżimi (*2)

    H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

    H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

    NTA bħala impurità f'MGDA u GLDA (*3)

    H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu juri konformità ma' dan il-kriterju għall-prodott finali u għal kull sustanza mdaħħla li jkun hemm f'konċentrazzjoni akbar minn 0,010 % tal-piż skont il-piż fil-prodott finali. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri, jew SDS li jikkonfermaw li l-ebda waħda minn dawn is-sustanzi ma tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni b'waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet tal-periklu elenkati fit-Tabella 2 fil-forma jew forom u fl-istat(i) fiżiku/fiżiċi kif inhuma preżenti fil-prodott.

    Għas-sustanzi mniżżla fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li huma eżentati mill-obbligi tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) ta' dak ir-Regolament, ikun biżżejjed li tingħata dikjarazzjoni tal-applikant għall-konformità.

    L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw il-preżenza ta' sustanzi mdaħħla li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-deroga.

    (c)   Sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs)

    Il-prodott finali ma għandux ikun fih sustanzi mdaħħla li ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxi l-lista tal-kandidati għal sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, jew SDS li jikkonfermaw in-nuqqas ta' preżenza tas- sustanzi kollha fil-lista tal-kandidati.

    Fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għall-aħħar aġġornament tal-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

    (d)   Fwejjaħ

    Il-prodotti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali ma għandux ikun fihom fwejjaħ.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata.

    (e)   Priżervattivi

    (i)

    Il-prodott jista' jinkludi biss priżervattivi sabiex jippreżervaw il-prodott, u fid-dożaġġ xieraq għal dan l-iskop biss. Dan ma jirreferix għall-aġenti tensjoattivi, li jista' jkollhom ukoll karatteristiċi bijoċidali.

    (ii)

    Il-prodotti jista' jkun fihom priżervattivi diment li dawn ma jkunux bijoakkumulattivi. Priżervattiv jitqies mhux bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel.

    (iii)

    Huwa pprojbit li jkun iddikjarat jew issuġġerit fuq l-imballaġġ jew bi kwalunkwe komunikazzjoni oħra li l-prodott jaġixxi kontra l-mikrobi jew għandu effett diżinfettanti.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull priżervattiv miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF jew log Kow tiegħu. L-applikant għandu wkoll jipprovdi l-grafika tal-imballaġġ.

    (f)   Aġenti koloranti

    L-aġenti koloranti fil-prodott ma għandhomx ikunu bijoakkumulattivi.

    Aġent kolorant jitqies mhux bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur ta' BCF imkejjel. Jekk l-aġenti koloranti jkunu approvati biex jintużaw fl-ikel, mhemmx bżonn li titressaq dokumentazzjoni dwar il-potenzjal bijoakkumulattiv.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull aġent kolorant miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF jew log Kow tiegħu, jew dokumentazzjoni li tiżgura li l-aġent kolorant huwa approvat biex jintuża fl-ikel.

    (g)   Enżimi

    Għandhom jintużaw biss enżimi inkapsulati (f'forma solida) u enżimi f'forma likwida jew sospensjonijiet magħquda.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull enżima miżjuda.

    Kriterju 5 — L-imballaġġ

    (a)   Sistemi ta' teħid lura tal-imballaġġ

    Jekk il-prodott jitwassal f'imballaġġ li jkun parti minn sistema ta' teħid lura, dak il-prodott ikun eżentat mir-rekwiżiti stabbilit fil-punti (b) u (c) tal-Kriterju 5.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti li tiddeskrivi jew turi li ġiet stabbilita sistema ta' teħid lura tal-imballaġġ.

    (b)   Proporzjon piż/utilità (weight/utility ratio, WUR)

    Il-proporzjon piż/utilità (WUR) tal-prodott għandu jiġi kkalkulat għall-imballaġġ primarju biss u ma għandux jaqbeż dawn il-valuri għad-dożaġġ ta' referenza.

    Ebusija tal-ilma

    Tip ta' prodott

    Artab

    < 1,5 mmol CaCO3/l

    (g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Medju

    1,5 — 2,5 mmol CaCO3/l

    (g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Iebes

    > 2,5 mmol CaCO3/l

    (g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

    Trabijiet

    0,8

    1,4

    2,0

    Likwidi

    1,0

    1,8

    2,5

    Imballaġġ primarju magħmul minn iktar minn 80 % ta' materjal riċiklat huwa eżentat minn dan ir-rekwiżit.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tal-WUR tal-prodott. Jekk il-prodott jinbiegħ f'imballaġġi differenti, jiġifieri b'volumi differenti, għandu jitressaq il-kalkolu għal kull daqs tal-imballaġġ li għalih trid tingħata l-Ekotikketta tal-UE.

    Il-WUR jiġi kkalkulat kif ġej:

    WUR = Σ ((Wi + Ui )/(Di * Ri ))

    Fejn:

    Wi

    :

    il-piż (g) tal-imballaġġ primarju (i)

    Ui

    :

    il-piż (g) tal-imballaġġ riċiklat mhux wara l-użu fl-imballaġġ primarju (i). Ui = Wi sakemm l-applikant ma jistax juri mod ieħor

    Di

    :

    l-għadd ta' dożi ta' referenza fl-imballaġġ primarju (i)

    Ri

    :

    indiċi tar-rikariki. Ri = 1 (l-imballaġġ ma jerġax jintuża għall-istess skop) jew Ri = 2 (jekk l-applikant ma jiddokumentax li l-kontenut tal-imballaġġ jista' jerġa' jintuża għall-istess skop u jinbiegħu r-rikariki).

    L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata li tikkonferma l-kontenut ta' materjal riċiklat wara l-użu, flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti. L-imballaġġ jitqies bħala riċiklat wara l-użu jekk il-materja prima li tintuża għall-imballaġġ tkun inġabret minn manifatturi tal-imballaġġ fl-istadju tad-distribuzzjoni jew fl-istadju tal-konsumatur.

    (c)   Disinjar għar-riċiklaġġ

    L-imballaġġ tal-plastik għandu jiġi ddisinjat b'mod li jiffaċilita r-riċiklaġġ effettiv billi jiġu evitati kontaminanti u materjali inkompatibbli potenzjali li huma magħrufin li jfixklu s-separazzjoni jew l-ipproċessar mill-ġdid jew li jnaqqsu l-kwalità tal-materjal riċiklat. Weħidhom jew flimkien, it-tikketta jew “shrink wrap”, it-tapp u meta applikabbli, il-kisjiet tal-protezzjoni ma għandhomx jinkludu l-materjali u l-komponenti mniżżlin fit-Table 4. Il-mekkaniżmi tal-pompi (inklużi dawk tal-isprejs) huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.

    Tabella 4

    Materjali u komponenti li ma għandux ikun hemm fost l-elementi tal-imballaġġ

    Element tal-imballaġġ

    Materjali u komponenti esklużi (*4)

    Tikketta jew “shrink wrap”

    Tikketta jew “shrink wrap” PS flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

    Tikketta jew “shrink wrap” PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

    Tikketta jew “shrink wrap” PETG flimkien ma' flixkun PET

    Kwalunkwe materjal tal-plastik ieħor għall-“shrink wraps”/għat-tikketti b'densità > 1 g/cm3 użat għal flixkun PET

    Kwalunkwe materjal tal-plastik ieħor għall-“shrink wraps”/għat-tikketti b'densità < 1 g/cm3 użat għal flixkun PP jew HDPE

    Tikketti jew “shrink wraps” metallizzati jew iwweldjati mal-qafas tal-imballaġġ (tikketta fonduta)

    Tapp

    Tapp PS flimkien ma' flixkun PET, HDPE jew PP

    Tapp PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

    Tappijiet jew materjal tat-tappijiet PETG b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET

    Tappijiet tal-metall, tal-ħġieġ jew tal-EVA li ma jisseparawx ruħhom faċilment minn mal-flixkun

    Tappijiet tas-silikon. Ħlief tappijiet tas-silikon b'densità < 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET u tappijiet tas-silikon b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PEHD jew PP.

    Folji jew siġilli tal-metall li meta jinfetaħ il-prodott xorta jibqgħu mwaħħla mal-flixkun jew mat-tapp tiegħu

    Kisjiet tal-protezzjoni

    Poliammid, poliolefini funzjonali, kisjiet ta' lqugħ metallizzati u ħfief

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u li tispeċifika l-kompożizzjoni tal-materjal tal-imballaġġ inklużi l-kontenitur, it-tikketta jew “shrink wrap”, il-kolol, it-tapp, u l-kisja tal-protezzjoni, jekk ikun xieraq, kif ukoll ritratti jew disinni tal-imballaġġ primarju.

    Kriterju 6 — Adegwatezza għall-użu

    Il-prodott għandu jkollu prestazzjoni ta' tindif sodisfaċenti fl-inqas temperatura u dożaġġ rakkomandati mill-manifattur għall-ebusija tal-ilma skont il-“Qafas tat-test tal-prestazzjoni tad-deterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” li jinsab fs-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE (5)

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni li turi li l-prodott ġie ttestjat fil-kundizzjonijiet imniżżla fil-qafas u li r-riżultati wrew li l-prodott laħaq tal-inqas il-prestazzjoni minima tat-tindif meħtieġa. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dokumentazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżiti tal-laboratorju li hemm fl-istandards armonizzati rilevanti tal-laboratorji tal-ittestjar u l-kalibrazzjoni, jekk ikun xieraq.

    Jista' jintuża test tal-prestazzjoni ekwivalenti jekk l-ekwivalenza tiġi vvalutata u aċċettata mill-korp kompetenti.

    Kriterju 7 — Sistemi ta' ddożar awtomatiku

    Għas-sistemi b'komponenti multipli, l-applikant għandu jiżgura li l-prodott jintuża b'sistema ta' ddożar awtomatiku u kkontrollat.

    Sabiex jiġi żgurat id-dożaġġ korrett fis-sistemi ta' ddożar awtomatiku, għandhom isiru żjarat tal-klijenti fil-binjiet kollha tal-manifatturi u tal-fornituri ta' dan il-prodott, tal-anqas darba fis-sena matul il-perjodu tal-liċenzja, u dawn għandhom jinkludu kalibrazzjoni tal-apparat għall-iddożar. Parti terzi tista' tagħmel dawn iż-żjarat tal-klijenti.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata flimkien ma' deskrizzjoni tal-kontenut taż-żjarat tal-klijenti, min hu responsabbli minnhom u l-frekwenza tagħhom.

    Kriterju 8 — Informazzjoni għall-utenti

    Il-prodott għandu jkollu miegħu struzzjonijiet dwar l-użu xieraq biex tittejjeb kemm jista' jkun il-prestazzjoni tal-prodott u jitnaqqas kemm jista' jkun l-iskart, filwaqt li t-tniġġis tal-ilma u l-użu tar-riżorsi jitnaqqsu wkoll. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment jew jinkludu disinni jew simboli, u għandu jkollhom informazzjoni dwar dawn:

    (a)

    Struzzjonijiet dwar id-dożaġġ

    L-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ għandhom jinkludu d-doża fi g jew ml u/jew sistema metrika oħra jew alternattiva (pereż. Tappijiet, attwazzjonijiet tal-isprej) u l-impatt tal-ebusija tal-ilma fuq id-doża.

    Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal prodotti b' komponenti multipli li jużaw sistemi ta' ddożar awtomatiku.

    Għandhom jingħataw indikazzjonijiet dwar l-ikbar prevalenza tal-ebusija tal-ilma fiż-żona fejn il-prodott ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq jew fejn tista' tinstab din l-infomazzjoni.

    (b)

    Informazzjoni dwar ir-rimi tal-imballaġġ

    L-imballaġġ primarju għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-rimi korrett tal-imballaġġ.

    (c)

    Informazzjoni ambjentali

    Fuq l-imballaġġ primarju għandu jkun hemm test li jispjega l-importanza li jintużaw id-dożaġġ korrett u l-inqas temperatura rakkomandata biex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-konsum tal-enerġija u tal-ilma u t-tniġġis tal-ilma.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata flimkien ma' kampjun tat-tikketta tal-prodott.

    Kriterju 9 — L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

    Il-logo għandu jkun viżibbli u leġibbli. In-numru tar-reġistrazzjoni/tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jidhru fuq il-prodott u għandhom ikunu leġibbli u viżibbli b'mod ċar.

    L-applikant jista' jagħżel li jinkludi fuq it-tikketta kaxxa testwali bil-kliem li ġej:

    Impatt limitat fuq l-ambjent akkwatiku;

    Ammont ristrett ta' sustanzi perikolużi;

    Ittestjat għall-prestazzjoni tat-tindif tiegħu.

    Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità flimkien ma' kampjun tat-tikketta tal-prodott jew tal-grafika tal-imballaġġ li turi fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE.


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

    (*1)  “l-ebda limitu” tfisser: irrelevanti mill-konċentrazzjoni, is-sustanzi kollha miżjuda intenzjonalment, prodotti sekondarji u impuritajiet minn materja prima (limitu analitiku ta' detezzjoni).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

    (4)  Sustanza titqies mhux bijoakkumulattiva jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur ta' BCF imkejjel.

    (*2)  Inklużi l-istabbilizzaturi u kull sustanza awżiljari oħra fil-preparazzjonijiet

    (*3)  F'konċentrazzjonijiet aktar baxxi minn 0,2 % fil-materja prima sakemm il-konċentrazzjoni totali fil-prodott finali tkun aktar baxxa minn 0,10 %.

    (*4)  EVA — Etilenvinilaċetat, HDPE — polietilen b'densità għolja, PET — poli etilentereftalat, PETG — polietilentereftalat glikol-modifikat, PP — Polipropilen, PS — Polistiren, PVC — Polivinilklorur

    (5)  Disponibbli fuq: [Il-URL tas-sit elettroniku dwar il-protokoll tal-Ekotikketta tal-UE jiddaħħal iktar tard — attwalment il-proposti kollha tal-protokoll qegħdin fir-Rapport Tekniku].


    Top