This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D1102
Council Decision (CFSP) 2017/1102 of 20 June 2017 amending Decision 2014/219/CFSP on the European Union CSDP Mission in Mali (EUCAP Sahel Mali)
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1102 tal-20 ta' Ġunju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1102 tal-20 ta' Ġunju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)
ĠU L 158, 21.6.2017, pp. 44–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
21.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 158/44 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1102
tal-20 ta' Ġunju 2017
li temenda d-Deċiżjoni 2014/219/PESK dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill talab biex il-possibbiltajiet għar-reġjonalizzazzjoni tal-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) fir-reġjun tas-Saħel jiġu eżaminati ulterjorment mill-aktar fis possibbli. |
|
(2) |
Fil-15 ta' Mejju 2017, il-Kunsill approva Kunċett ta' Operazzjonijiet rigward ir-Reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel. |
|
(3) |
Il-Kunċett ta' Operazzjonijiet rigward ir-Reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel jipprevedi li l-objettivi strateġiċi tar-reġjonalizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-PSDK fir-reġjun tas-Saħel ikunu: l-appoġġ għall-kooperazzjoni transfruntiera fis-Saħel, l-appoġġ għall-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari dawk tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, u f'dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel. |
|
(4) |
Fl-ewwel fażi, jenħtieġ li jiġi stabbilit netwerk ta' sigurtà tal-PSDK fir-reġjun tas-Saħel u jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet bil-ħsieb li jiġi żviluppat Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tal-PSDK li għandu jintlaħaq qbil dwaru mill-Istati Membri. |
|
(5) |
Sabiex dawk l-għanijiet jitmexxew 'il quddiem, jenħtieġ li tiġi stabbilita Ċellula ta' Koordinazzjoni Reġjonali fi ħdan il-EUCAP Sahel Mali, li tinkludi Esperti għas-Sigurtà Interna u d-Difiża (ISDE) fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK (1) tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fid-Deċiżjoni 2014/219/PESK jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 14a
1. Għandha tiġi stabbilita Ċellula ta' Koordinazzjoni Reġjonali (RCC) fi ħdan l-EUCAP Sahel Mali.
2. L-RCC għandha tkun ibbażata fil-Kwartieri Ġenerali tal-EUCAP Sahel Mali f'Bamako. Hija għandha tinkludi l-persunal kollokat mal-EUCAP Sahel Mali u l-Esperti għas-Sigurtà Interna u d-Difiża (ISDE) li jinsabu fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mauritania u n-Niġer.
3. L-objettivi tal-RCC, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-missjonijiet eżistenti tal-PSDK fis-Saħel, għandhom ikunu:
|
(a) |
li tikkontribwixxi għall-għarfien tas-sitwazzjoni tal-Unjoni tal-ħtiġijiet u l-lakuni tas-sigurtà u d-difiża tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel li jappartjenu għall-kooperazzjoni transfruntiera reġjonali u li jindirizzaw sfidi ta' sigurtà, bil-ħsieb li jiġi żviluppat Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tal-PSDK li ser jagħmel rakkomandazzjonijiet għal kwalunkwe fażi sussegwenti; |
|
(b) |
li tiffaċilita l-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ mill-Missjonijiet tal-PSDK tal-Unjoni fis-Saħel għall-apprendisti tas-sigurtà u d-difiża tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel. |
4. L-ISDE għandhom jiġbru informazzjoni relatata ma' kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża fil-pajjiżi ospitanti tagħhom. Huma għandhom jipprovdu tali informazzjoni u, fejn xieraq, jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kap tal-RCC. Huma għandhom iżommu lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-post fejn jinsabu infurmat kif xieraq.
5. Il-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll strateġiċi tal-RCC, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ. B'deroga mill-Artikolu 6(1), il-Kap tal-RCC għandu jaqa' direttament taħt il-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili u għandu jaġixxi f'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija minnu. Il-Kap tal-RCC għandu joħroġ struzzjonijiet lill-persunal kollu tal-RCC.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita l-awtorità fuq il-persunal tal-RCC b'applikazzjoni tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) u l-Artikolu 11. Rigward l-ISDE, dan huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu.
7. Il-EUCAP Sahel Mali għandha tidħol fl-arranġamenti amministrattivi neċessarji mad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mauritania u n-Niġer.
Dawk l-arranġamenti amministrattivi għandhom:
|
(a) |
jiżguraw li l-ISDE jingħataw l-appoġġ loġistiku u ta' sigurtà neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom; |
|
(b) |
jipprevedu li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet ikollhom l-awtorità fuq l-ISDE fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni rispettivi tagħhom, b'mod partikolari sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmir ta' diliġenza tagħhom, jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' sigurtà applikabbli u jikkontribwixxu għall-eżerċitar ta' kontroll dixxiplinarju, u jinżammu infurmati kif xieraq mill-ISDE dwar l-attivitajiet tagħhom; |
|
(c) |
jipprevedu li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet iridu jiżguraw li l-ISDE jgawdu mill-istess privileġġi u immunitajiet mogħtija lill-persunal fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fejn huma jinsabu.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
H. DALLI
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).